Aċċess dirett għan-navigazzjoni prinċipali (agħfas "Enter")
Aċċess għall-kontenut tal-paġna (ikklikkja fuq Enter)
Aċċess dirett għal-lista tas-siti l-oħra (agħfas "Enter")

Il-Proġett "Kid's Project, Kibera" mal-finalisti tal-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej 2011

Zgħażagħ − Malta - 09-05-2011 - 17:04
 
John Paul Cauchi, mill-proġett Kid's Palace, Kibera, mat-tfal fil-Kenja fl-2010   John Paul Cauchi, mill-proġett Kid's Palace, Kibera, mat-tfal fil-Kenja fl-2010

Kids' Palace Kibera, proġett sottomess minn John Paul Cauchi, żagħżugħ Malti ta' 25 sena li għamel xogħol volontarju f´Kibera, li tinsab fil-belt kapitali tal-Kenja Nairobi, se jkun mal-finalisti tal-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej ta' din is-sena. Kids' Palace huwa proġett volontarju li nbeda minn żgħażagħ Maltin u huwa intiż sabiex jassisti ommijiet adolexxenti f'faqar estrem u b'mard bħal HIV u AIDS, biex ikunu jistgħu joħorġu jaħdmu u jtejbu l-għixien tagħhom.


Il-proġett tnieda fl-2010 u jikkonsisti f'ċentru f'Kibera fejn jingħata servizz ta' kura lil tfal bejn is-sitt xhur u t-tliet snin u huwa ffinanzjat  permezz ta' donazzjonijiet li jingħataw minn fuq l-Internet kif ukoll minn ġbir lokali.


Dan il-proġett iħeġġeġ lin-nisa jaħdmu f'ambjent b'kultura patrijarkali, biex b'hekk ikunu jistgħu jmantnu l-familja tagħhom, kif ukoll jigwadanjaw d-dinjità u r-rispett f'soċjetà li ħafna drabi tabbużahom.


Bħalissa 32 tifel u tifla jużaw din il-faċilità però il-pjan hu li n-numru ta' tfal jikber għal 35. Dawn jingħataw edukazzjoni bażika kif ukoll ikel lokali bnin ibbażat fuq programm b'nutrijenti ta kwalita'. Barra minn hekk, it-tfal jikbru f'ambjent sikur u b'saħħtu li jgħinhom biex ikollhom iktar opportunitajiet biex jiżviluppaw b'mod aktar integru.


L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fil-Belt Valletta u ġiet eżaminata minn ġurija nazzjonali magħmula mill-MEPs Simon Busuttil (EPP) u Louis Grech (S&D), flimkien mal-President tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, is-sur Matthew Vella.


Ġurija Ewropea magħmula mill-President tal-Parlament Ewropew Jerzy Buzek, flimkien ma' tliet MEPs, kif ukoll erba' rappreżentanti tal-Fondazzjoni Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen, se tkun qed tagħżel l-ewwel tliet premijiet minn fost proġetti nnominati mis-27 stat Membru tal-UE. Ir-rebbieħa se jsiru magħrufa waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premijiet se ssir f Aachen, il-Ġermanja, fil-31 ta' Mejju, fejn se jkunu mistiedna rappreżentanti mill-proġetti nazzjonali kollha.


Il-Premju Karlumanju għaż-Żgħażagħ huwa organizzat mill-Parlament Ewropew u l-Fondazzjoni għall-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen u jippremja żgħażagħ li jissottomettu proġetti dwar l-iżvilupp fl-UE, l-integrazzjoni u kwistjonijiet ta' identita' Ewropea.

Ref. : 20110322IPR16119
 
 
 
Kuntatti