Aċċess dirett għan-navigazzjoni prinċipali (agħfas "Enter")
Aċċess għall-kontenut tal-paġna (ikklikkja fuq Enter)
Aċċess dirett għal-lista tas-siti l-oħra (agħfas "Enter")

Jum l-Ewropa 2011 - Festival tal-Futbol tal-Parlament Ewropew f'Għawdex

Istituzzjonijiet − Malta - 09-05-2011 - 17:05
 
Iċ-Ċelebrazzjonijet marbuta ma’ Jum l-Ewropa 2011 bdew nhar it-30 ta' April, f’Għawdex permezz tal-ħames edizzjoni tal-Festival tal-Futbol tal-Parlament Ewropew li sar fil-Gozo Stadium fix-Xewkija   Iċ-Ċelebrazzjonijet marbuta ma’ Jum l-Ewropa 2011 bdew nhar it-30 ta' April, f’Għawdex permezz tal-ħames edizzjoni tal-Festival tal-Futbol tal-Parlament Ewropew li sar fil-Gozo Stadium fix-Xewkija

Il-kunflitti li għaddejjin bħalissa fid-dinja Għarbija qed jagħtu tifsira speċjali lil Jum l-Ewropa hekk kif ġnus sħaħ f’pajjiżi ġirien tal-Unjoni Ewropea kienu qed jipperikolaw ħajjithom sabiex jiksbu l-libertajiet u l-opportunitajiet li jgawdu minnhom illum iċ-ċittadini tal-UE.


Iċ-Ċelebrazzjonijet marbuta ma’ Jum l-Ewropa 2011 bdew nhar it-30 ta' April, f’Għawdex permezz tal-ħames edizzjoni tal-Festival tal-Futbol tal-Parlament Ewropew li sar fil-Gozo Stadium fix-Xewkija.


Filwaqt li indirizza għadd ta’ parteċipanti żgħar li ħadu sehem f’nofs ta’ nhar ta’ futbol, il-Membru tal-Parlament Ewropew Simon Busuttil (PPE) qal li Jum l-Ewropa huwa ċelebrazzjoni ta’ valuri importanti bħad-demokrazija.


Dr Busuttil qal li d-demokrazija hija valur li issa l-Ewropa għandha tgħin biex jinkiseb mill-popli li jgħixu fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq bħall-Libja. 


Chris Said, Segretarju Parlamentari għall-Kosumatur, il-Kompetizzjoni Ġusta, il-Kunsilli Lokali u d-Djalogu Pubbliku, qal li t-tifsira ta’ Jum l-Ewropa kienet marbuta mat-tmiem ta’ kunflitti kbar fil-kontinent Ewropew u l-bidu ta’ żmien ta’ prosperita’ fost in-nazzjonijet Ewropej.


Huwa rrefera għas-sitwazzjoni preżenti fl-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani fejn nazzjonijiet sħaħ kienu qamu kontra l-oppressjoni u esprimew xewqathom għall-liberta’ u d-demokrazija, u għamel paragun mar-rivoluzzjonijiet li kienu seħħew f’bosta pajjiżi Ewropej fis-seklu dsatax u mal-waqgħa tal-Komuniżmu fl-Ewropa tal-Lvant fl-aħħar tas-snin tmenin.


Dr Said saħaq dwar l-importanza li l-UE tiġi ċċelebrata għall-opportunitajiet li toffri liċ-ċittadini tagħha permezz tal-paċi u sikurta’, il-mobilita’ tal-ħaddiema u l-istudenti, l-opportunitajiet ġodda ta’ xogħol, ambjent aħjar kif ukoll drittijiet u libertajiet garantiti.


"Jum l-Ewropa jfisser it-tmiem ta’ sekli sħaħ li tulhom il-loġika Ewropea kienet imsejsa fuq il-gwerer. Bħalissa, iżda, s-sitwazzjoni lilhinn minn xtutna hija differenti ħafna,” qal Julian Vassallo, Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, fil-bidu tal-avveniment.


“Filwaqt li bosta pajjiżi fid-dinja jidhru lesti jagħlqu għajnejhom għal dak li qed iseħħ fil-Mediterran, huma l-Ewropej li ħadu t-tmexxija sabiex jieqfu lir-reġimi li lesti li jduru kontra nieshom stess akkost li jibqgħu mqabbda mal-poter.


“Huma l-Ewropej li qed jaqbżu għal dawk li qed jirriskjaw ħajjithom sabiex jiksbu l-libertajiet u l-opportunitajiet li nieħdu for granted fl-UE,” qal Dr Vassallo.


Fil-Festival tal-Futbol tal-Parlament Ewropew ħadu sehem għadd ta’  tfal min-nurseries ta’ Oratory Youths, Nadur Youngsters, Munxar Falcons, Xagħra United, Għajnsielem, St Laurence/Gharb u Xewkija Tigers minn Għawdex, kif ukoll Pietà Hotspurs and Birkirkara FC minn Malta. Il-festival ġie organiżżat mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta flimkien mal-Gozo Football Association u l-Kunsill Malti għall-iSport.


Kull min lagħab ingħata tifkira għall-parteċipazzjoni.


Fl-istess ħin fir-Rabat, Għawdex, ġew organiżżati numru ta’ attivitajiet kulturali fi Pjazza San Franġisk. Fost l-oħrajn, kien organizzat dibattitu miftuħ bejn grupp ta' studenti tas-sixth form u l-MEP Simon Busuttil (EPP) dwar it-tifsira ta' Jum l-Ewropa għaż-żgħażagħ.


L-attivitajiet marbuta ma’ Jum l-Ewropa 2011, jkomplu fil-Belt Valletta nhar id-9 ta’ Mejju.

Ref. : 20110506IPR18790
 
 
 
Kuntatti