Aċċess dirett għan-navigazzjoni prinċipali (agħfas "Enter")
Aċċess għall-kontenut tal-paġna (ikklikkja fuq Enter) (agħfas "Enter")
NOT FOUND ! (agħfas "Enter")

L-Ungerija għandha tirrispetta l-valuri bażiċi tal-UE

Seduta plenarja Drittijiet fundamentali 16-02-2012 - 12:23
 

L-MEPs iddeċiedew li l-Parlament għandu jħejji rapport dwar jekk il-liġijiet u l-valuri tal-UE humiex qegħdin jiġu rispettati fl-Ungerija. Barra minn hekk, il-Parlament għandu wkoll jiddeċiedi jekk għandhomx jittieħdu miżuri skont Artikolu 7 tat-Trattat tal-UE, li jintuża biex jiġu investigati riskji ċari ta' ksur serju tal-valuri komuni tal-UE. Il-Kummissjoni ġiet mitluba timmonitorja mill-qrib it-tibdil li jseħħ fil-liġijiet tal-Ungerija u kif il-pajjiż jimplimentahom.


Il-Parlament Ewropew iqis li l-Gvern Ungeriż għandu jikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet, l-oġġezzjonijiet u t-talbiet tal-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja u jemenda l-liġijiet ikkonċernati b'rispett tal-valuri bażiċi u l-istandards tal-UE.


L-MEPs ħadu l-okkażjoni biex jesprimu t-tħassib serju tagħhom dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija fir-rigward tal-eżerċizzju tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, tar-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u dawk soċjali, tas-sistema ta' kontroll u bilanċ, tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni.


Il-Parlament irid li l-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja, isegwi jekk u kemm ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew ġew implimentati mill-Gvern Ungeriż u jippreżenta s-sejbiet tiegħu f'rapport.


L-MEPs talbu lill-Kummissjoni biex timmonitorja mill-qrib l-emendi possibbli li jsiru u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Ungeriża, kif ukoll il-konformità tagħhom mal-kontenut u l-ispirtu tat-Trattati Ewropej. Għaldaqstant, din għandha twettaq studju bir-reqqa sabiex tiżgura:

-  l-indipendenza sħiħa tal-ġudikatura;

- li r-regolamentazzjoni tal-Bank Nazzjonali Ungeriż taderixi mal-leġiżlazzjoni Ewropea;

-  li l-indipendenza istituzzjonali tal-protezzjoni tad-data u tal-libertà tal-informazzjoni tingħata lura u tkun garantita;

- li d-dritt tal-Qorti Kostituzzjonali li tirrevedi kwalunkwe leġiżlazzjoni jingħata lura b'mod sħiħ;

-  li l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja jkunu garantiti mill-kontenut u l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-Midja Ungeriża;

- li l-liġi elettorali l-ġdida tilħaq l-istandards demokratiċi Ewropej u tirrispetta l-prinċipju tal-alternanza politika;

- li d-dritt li teżerċita oppożizzjoni politika b'mod demokratiku jkun assigurat kemm fl-istituzzjonijiet, kif ukoll barra minnhom;

- li l-liġi dwar il-knejjes u d-denominazzjonijiet reliġjużi tirrispetta l-prinċipji bażiċi tal-libertà tal-kuxjenza u żżomm milli tissuġġetta r-reġistrazzjoni tal-knejjes għall-approvazzjoni ta' maġġoranza ta' żewġ terzi fil-Parlament Ungeriż;


Il-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament hija mitluba tara, fuq bażi tar-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, jekk għandhomx jittieħdu ċerti miżuri, inklużi dawk f'Artikolu 7.1  tat-Trattat tal-UE - li jintuża f'każ ta' riskju ċar ta' ksur tal-valuri komuni tal-UE.

Ref. : 20120216IPR38359
 
 
 
Kuntatti
 
  • Corinne CORDINA
  • Servizz tal-Istampa - Uffiċjal (Brussell)
  • Telephone number(+32) 2 28 31082 (BXL)
  • Telephone number(+33) 3 881 74588 (STR)
  • Mobile number(+32) 498 98 33 00