Jerzy Buzek - President tal-Parlament Ewropew
Jerzy Buzek twieled fit-3 ta' Lulju 1940 fi Śmiłowice, belt fix-Xlokk ta' Silesia li issa qiegħda fir-Repubblika Ċeka.
President tal-Parlament Ewropew
Il-personalità u l-ħiliet ta' Jerzy Buzek, flimkien mal-approċċ professjonali tiegħu għall-politika, ipperfezzjonat fil-Gvern Pollakk u fl-oppożizzjoni, wasslu għall-elezzjoni tiegħu għall-uffiċċju tal-President tal-Parlament Ewropew fl-14 ta' Lulju 2009. Kiseb 555 tas-644 vot mitfugħ: l-akbar maġġoranza ta' kwalunkwe President tal-PE mill-ewwel elezzjonijiet diretti fl-1979. Huwa l-ewwel President li ġej minn wieħed mill-Istati Membri l-ġodda tal-UE.
Fl-indirizz inawgurali tiegħu f'Settembru tas-sena li għaddiet iddefinixxa l-prijoritajiet tal-mandat tiegħu: il-promozzjoni tal-idea ta' komunità Ewropea tal-enerġija, il-promozzjoni tad-demokrazija u tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-ġirien tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-UE, it-tisħiħ tar-rwol tal-UE f'dinja multipolari, l-iżgurar li l-baġit pluriennali tal-UE ikun jista' jissodisfa l-ħtiġijiet u jilħaq l-ambizzjonijiet tal-Unjoni wara t-tkabbir, u l-iżgurar li l-Parlament Ewropew ikun lest li jkollu rwol akbar wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona.
Fit-twettiq ta' dmirijietu l-President jinsab f'kuntatt kostanti mal-President tal-Kummissjoni, il-President tal-Kunsill Ewropew u l-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-UE. Jirrappreżenta wkoll lill-Parlament Ewropew matul żjarat barra mill-UE. Dmirijietu ta' kuljum jinkludu li jorganizza l-ħidma tal-Parlament u li jippresiedi d-dibattiti fil-plenarja. Għandu l-għan li jagħmel mill-Parlament Ewropew forum għal dibattitu politiku interessanti u ħaj u għandu l-ambizzjoni li jressaq lill-Parlament aktar viċin il-poplu.
Se jkun fil-kariga għal sentejn u nofs.
L-aqwa MEP Pollakk
Fl-2004, Jerzy Buzek kien elett fil-Parlament Ewropew bl-akbar maġġoranza fil-Polonja.
Meta wasal Brussell, intefa' b'ruħu u b'ġismu f'ħidmietu. Sar Viċi President tal-Forum Ewropew dwar l-Enerġija. Irrappreżenta lill-Parlament Ewropew matul l-elezzjonijiet fl-Ukraina, filwaqt li appoġġja r-Rivoluzzjoni Oranġjo. Kien ir-rapporteur tal-Parlament Ewropew għall-pakkett leġiżlattiv tas-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp 2007-2013, u għall-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija. Bejn l-2004 u l-2009 kien membru tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija tal-Parlament Ewropew u tal-Kumitat tiegħu għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel. Kien membru wkoll tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari UE-Ukraina u tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ażja u mal-ASEAN.
L-impenn u l-ħiliet tiegħu ġew rikonoxxuti f'ħafna okkażjonijiet. Ġie ddikjarat 'MEP tas-Sena 2006' fil-kategorija riċerka u teknoloġija - titlu mogħti minn The Parliament Magazine ippubblikat fi Brussell. Ingħata wkoll il-premju Biały Węgiel tal-inġiniera Pollakki fl-2006.
Kien 'L-Aħjar MEP Pollakk' fl-2008, skont il-klassifika li għamlu l-magażin Wprost u l-gazzetta Rzeczpospolita.
Fl-aħħar elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew kiseb kważi 400 000 vot f'Silesia, biex b'hekk irreġistra l-aħjar riżultat elettorali fil-Polonja għat-tieni darba wara xulxin.
Prim Ministru Pollakk
Fi Frar 1997 sar koordinatur tal-panel ta' esperti ekonomiċi fil-partit Azzjoni Elettorali Solidarjetà (AWS). Il-manifest tal-partit AWS li tfassal dak iż-żmien kien element ewlieni fil-kampanja rebbieħa tal-partit fl-elezzjonijiet għas-Sejm. Jerzy Buzek kien elett għas-Sejm f'dik li kien it-tielet leġiżlatura tiegħu, u sussegwentament l-AWS innominatu għall-uffiċċju tal-Prim Ministru.
Il-gvern ta' Jerzy Buzek ingħata l-ġurament tal-ħatra fil-31 ta' Ottubru. Kompla fil-kariga ta' Prim Ministru sa tmiem il-mandat parlamentari fid-19 ta' Ottubru 2001, u matul dan il-perjodu wassal lill-Polonja għas-sħubija fin-NATO u nnegozja l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea.
Il-gvern ta' koalizzjoni ta' Jerzy Buzek wettaq wieħed mill-programmi ta' riforma l-aktar ambizzjużi fil-Polonja mill-1989 'l hawn, li beda u wassal sa tmiemhom riformi fit-tmexxija lokali, fil-pensjonijiet, fil-kura tas-saħħa, fl-edukazzjoni u fis-settur tal-mini.
Bħala Prim Ministru Pollakk stabbilixxa wkoll il-Programm Strateġiku tal-Gvern għall-Oświęcim, li l-għan ewlieni tiegħu kien li jbiddel lill-Oświęcim f'ċentru internazzjonali għall-edukazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Għadu involut f'din l-inizjattiva. Għen biex titwaqqaf l-Akkademja tal-Oświęcim li, flimkien mal-Università Jagielloń, qed tipprepara programm edukattiv li jibbaża ruħu fuq l-Iskola tal-Kultura u tad-Drittijiet tal-Bniedem Paweł Włodkowic.
Fl-1998, flimkien mal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, ħa sehem fil-Mixja tal-Ħajjin minn Auschwitz sal-kanċelli ta' Birkenau. Kien l-ewwel Prim Ministru Pollakk li għamel dan, biex b'hekk ta spinta lill-iżvilupp ta' din l-inizjattiva importanti ħafna.
F'Jannar 1999 sar President tal-Moviment Soċjali AWS. Meta l-AWS tilef l-elezzjonijiet parlamentari fil-Ħarifa tal-2001, Jerzy Buzek irtira mill-politika attiva għal numru ta' snin.
Xjenzat
Jerzy Buzek attenda l-iskola sekondarja Juliusz Słowacki f'Chorzów. Wara li għadda mill-eżamijiet tat-tluq mill-iskola fl-1957, studja fid-dipartiment tal-inġinerija mekkanika u tal-enerġija fl-Università tat-Teknoloġija ta' Silesia fi Gliwice, u ggradwa fl-1963. Imbagħad beda jaħdem fl-Istitut tal-Inġinerija Kimika fl-Akkademja Pollakka tax-Xjenzi fi Gliwice. Iddefenda t-teżi dottorali tiegħu fl-1969. Jerzy Buzek kompla l-ħidma xjentifika tiegħu matul is-sebgħinijiet. Qatta' l-1971 f'apprendistat ta' riċerka fl-Università ta' Cambridge. Matul l-għaxar snin ta' wara beda riċerka fil-qasam tal-ħarsien ambjentali. Kien lekċerer meqjus tajjeb tajba ħafna fl-Università tat-Teknoloġija ta' Silesia fi Gliwice, u aktar tard fl-Università tat-Teknoloġija ta' Opole.
Il-kisbiet ta' Jerzy Buzek fir-riċerka xjentifika u fit-tagħlim ġew rikonoxxuti meta nħatar Professur tal-Inġinerija.
Attivist f'Solidarność
F'Settembru 1980 Jerzy Buzek sar membru ta' Solidarność u nħatar President tal-Kumitat tal-Ħaddiema. Fis-Sajf tal-1981 sar delegat għall-Ewwel Kungress Nazzjonali tad-Delegati ta' Solidarność. Sar membru dejjem aktar importanti tal-moviment. Ippresieda r-raba', il-ħames u s-sitt Kungressi Nazzjonali. Wara li evita l-priġunerija fit-13 ta' Diċembru 1981, kompla bl-attivitajiet politiċi tiegħu fil-moviment klandestin. Ippubblika 'S', pamflet klandestin illegali, li l-ewwel ħarġa tiegħu dehret f'Jannar 1982.
Issospenda l-attivitajiet tiegħu fl-1987 meta bintu, Agata, kienet marida serjament.
Wara r-rebħa ta' Solidarność fl-1989 sar akkademiku full time.
Attivist tal-komunità u edukatur
Fl-aħħar tad-disgħinijiet stabbilixxa l-premju Pro Publico Bono għall-aħjar inizjattivi ċiviċi fil-Polonja. Bejn l-2002 u l-2004 kien viċirettur tal-fakultà tax-xjenza fl-Università Pollakka fi Częstochowa. Waqqaf ukoll l-Iskola Pollakka tad-Diplomazija u l-Fondazzjoni għall-Familja.
