Diskors inawgurali tal-President tal-Parlament Ewropew Jerzy Buzek
Sinjuri Presidenti tal-Parlament Ewropew,
Sinjuri ministri,
Sinjuri presidenti u rappreżentanti tal-istituzzjonijiet Ewropej,
Għeżież kollegi u, qabel kollox, għeżież ħbieb,
Qed nindirizzakom illum bħala t-tlettax il-president ta' din l-assemblea eletta b'suffraġju dirett u għandi pjaċir nara fostna presidenti preċedenti tal-Parlament:
- Is-Sur Emilio Colombo,
- Is-Sur Enrique Barón Crespo,
- Is-Sur Egon Klepsch,
- Is-Sur Klaus Hänsch,
- Is-Sur José Maria Gil-Robles,
- Is-Sra Nicole Fontaine,
- Is-Sur Pat Cox,
- Is-Sur Hans-Gert Pöttering.
Il-preżenza tagħkom hiija unur kbir.
Kif ħafna minnkom jirrepetu, l-elezzjoni tiegħi hija wkoll simbolu, simbolu tal-ħolma li saret realtà, taċ-ċittadini tal-parti tagħna tal-Ewropa, jiġifieri l-unità tal-kontinent tagħna.
Għeżież kollegi tal-Estonja, tal-Latvja, tal-Lituwanja, tas-Slovakkja, tar-Repubblika Ċeka, tal-Ungerija, tas-Slovenja, tar-Rumanija u tal-Bulgarija, ta' Ċipru u ta' Malta,
Jien naf liema huma l-preokkupazzjonijiet, il-bżonnijiet u l-aspettativi ta' dawk li ngħaqdu riċentement mal-Unjoni u nifhimhom. Jien nafhom għax huma wkoll dawk tal-pajjiż tiegħi. Madankollu, huwa flimkein li aħna nassumu r-responsabilità tal-ġejjieni tal-kontinent tagħna. M'għadx hemm Ewropa antika u Ewropa ġdida, hemm biss l-Ewropa, l-Ewropa tagħna kollha! Aħna rridu li din tkun moderna u b'saħħitha, u li ċ-ċittadini tagħna jkunu konxji minnha.
Dan se jitlob enerġija u xogħol.
Dan l-objettiv jistħoqlu li aħna ma noqogħdu lura minn l-ebda sforz, għax din hija l-ħolma ta' ġenerazzjonijiet sħaħ ta' Ewropej. Jien lest li nimpenja ruħi f'dawn l-isforzi għax din hi wkoll il-ħolma tiegħi.
Għeżież kollegi,
F'dan il-bidu tal-leġiżlatura l-Ewropa u aħna stess, ir-rappreżentanti tagħha, għandna ħafna sfidi x'niffaċċjaw. M'għandniex ninsew li biex intejbu l-Ewropa, il-Parlament Ewropew għandu rwol partikolari, irwol istituzzjonali imma wkoll soċjali. Dan l-irwol huwa pjuttost simboliku għax il-Parlament Ewropew hu l-essenza stess tad-demokrazija Ewropea.
Hu l-bażi tal-kontinwità u tal-istabilità ta' dan id-demokrazija, il-gwardjan tal-ideat u l-valuri riflessi fid-deċiżjonijiet tagħna u fl-effetti tagħhom, imma wkoll fid-dibattiti tagħna.
Il-Griegi, li vvintaw id-demokrazija, kellhom drawwa jgħidu permezz tal-għalliem tagħhom Artistotles li l-kriterju tal-maturità tal-bniedem, u għalhekk taċ-ċittadin, kien il-kapaċità tiegħu li jsolvi l-differenzi u l-kunflitti ta' interess mhux bil-vjolenza imma permezz tad-dibattitu u l-argumentar. Il-Parlament Ewropew hu fuq quddiem f'din it-tradizzjoni u jagħti l-garanzija tal-istabilità tax-xena politika fejn hemm xenarji differenti u fejn il-poter jaqa' f'idejn il-Membri. Il-Parlament Ewropew għandu wkoll missjoni oħra: li l-Ewropa tingħata viżjoni ġdida li tmur lilhinn mill-preżent, lilhinn minn dak li hu, biex tiffoka fuq dan li għandu jkun. Biex flimkien nagħtu l-ħajja lil din il-viżjoni, jrid ikollna l-kreattività, l-għarfien, l-għerf u fuq kollox kuraġġ.
Hannah Arendt, filosfa Ġermaniża ta 'oriġini Lhudija, kienet tgħid li l-politika, flimkien mar-reliġjon, hija l-uniku qasam fejn jistgħu jsiru l-mirakli. Eżattament 20 sena ilu aħna konna xhieda ta' miraklu bħal dan fl-Ewropa, u hu għalehkk li aħna nemmnu fil-qawwa tal-immaġinazzjoni, tal-għerf u tal-kuraġġ. Jien naħseb li l-persuni kollha miġbura hawn jemmnu f'dan ukoll.
Huwa b'ottimiżmu li jien għandi l-intenzjoni li niffaċċja l-isfidi li qegħdin jistennewna. Fl-opinjoni tiegħi, dawn huma l-isfidi li ġejjin:
1. il-kriżi ekonomika u s-solidarjetà Ewropea,
2. l-enerġija u l-ekoloġija,
3. il-politika barranija,
4. id-drittijiet tal-bniedem u s-sistema tal-valuri,
5. ir-riforma tal-Parlament tagħna.
Sinjuri Membri,
Il-kwistjoni l-iktar sensittiva u l-iktar kumplessa hija dik tal-kriżi ekonomika. Irridu negħlbuha u dan se nagħmluh. L-Ewropa adottat irwol mexxej billi proponiet soluzzjonijiet fil-G8 u fil-G20, soluzzjonijiet li, filwaqt li jżommu l-mudell soċjali tagħna, jiffavorixxu l-irkupru ekonomiku globali.
F'dinja globalizzata, l-Ewropa għandha tesprimi ruħha b'vuċi waħda.
Huwa preċiżament f'dan il-perjodu ta' kriżi li għandna niffavorixxu t-tkabbir ekonomiku u l-ġlieda kontra l-qgħad, nagħtu l-ħajja mill-ġdid lill-ideat tal-istrateġija ta' Liżbona u nsibu l-mezzi biex ninvestu fit-teknoloġiji l-ġodda, fl-innovazzjoni, fit-tagħlim u fir-riżorsi umani. Il-baġit Komunitajru huwa essenzjali biex jipprovdi l-prijoritajiet u l-proċeduri ċari lill-programmi Ewropej ta' riċerka.
Fil-ġlieda tagħna kontra l-kriżi, ejjem nisimgħu lill-ekonomisti li qed jipproponu li nieħdu din l-opportunità biex nagħmlu riforma profonda tal-ekonomija Ewropea u dinjija. Il-motivazzjoni tagħna tirriskja li tiddgħajjef ladarba l-kriżi tkun għaddiet, mingħajr ma nkunu għamilna l-isforzi meħtieġa biex inħarsu lilna nfusna kontra dak li jmiss.
Skont it-Trattat il-ġdid, il-Parlament u l-Kunsill ser iżommu l-istess kompetenzi baġitarji. Il-proċedura ta' kodeċiżjoni se tikkonċerna l-agrikoltura, is-sajd, il-kummerċ barrani, il-ġustizzja u l-affarijiet interni filwaqt li tagħtina wkoll il-kompetenzi fil-qasam tal-infiq agrikolu.
Aħna għandna dan id-dritt u għandna neżerċitawh, u mhux biss bl-għan li negħlbu l-kriżi.
Irridu nirreżistu t-tentazzjoni tal-protezzjoniżmu u tan-nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid ta' oqsma politiċi komuni. Il-politika ta' koeżjoni għandha tibqa' l-prijorità tal-baġit Komunitarju li jmiss jekk irridu nilħqu l-integrazzjoni sħiħa tal-kontinent tagħna magħqud. Is-suq uniku huwa s-suċċess kbir tagħna, u għandna niddefenduh u nikkonsolidawh sabiex l-Ewropa tibqa' kontinent kompetittiv.
Dan jimplika t-tisħiħ tal-integrazzjoni Ewropea u mhux id-dgħjufija tagħha. Ejjew nagħmlu l-kuraġġ biex naffermaw it-twemmin tagħna! Ejja nispjegaw liċ-ċittadini għaliex l-Ewropa hija essenzjali u għaliex il-metodu Komunitarju hu ta' profitt għall-Ewropej kollha.
Hu impossibbli li niġġieldu kontra l-kriżi jekk nissottovalutaw il-piżijiet u l-bżonnijiet tal-ħajja fis-soċjetà.
Żewġ elementi huma essenzjali biex niddimanizzaw u nifhmu l-Komunità li qed nibnu u fejn ngħixu: dawn huma s-solidarjetà u l-koeżjoni soċjali.
Infatti ma jista' jkun hemm ebda kwistjoni ta' komunità reali jekk ma nieħdux ħsieb lil kulħadd, b'mod partikolari lil dawk l-iktar dgħajfa: il-persuni fil-qgħad, il-persuni mingħajr kwalifiki jew dawk li jgħixu f'postijiet imbiegħda tal-provinċji.
Il-ġlieda kontra l-qgħad huwa l-objettiv ewlieni tal-Presidenza Svediża. Aħna ser nappoġġjawha b'mod attiv f'din il-ħidma.
Min-naħa l-oħra tal-Purtiera tal-Ħadid, darba konna nkantaw fit-toroq "m'hemmx libertà mingħajr solidarjetà". Illum nistgħu naffermaw li mingħajr solidarjetà m'hemm la komunità u lanqas Ewropa moderna u b'saħħitha.
Għeżież ħbieb,
Aħna mhux se negħlbu l-kriżi ekonomika mingħajr il-potenzjal qawwi intellettwali, ekonomiku u kreattiv tan-nisa.
Nofs il-Membri tal-Komunità tagħna ma jgawdux minn opportunitajiet indaqs.
Il-kriżi demografika titlob li tkun appoġġjata l-familja u t-twelid tat-tfal. Għandna niżguraw li n-nisa ma jissagrifikawx il-karrieri tagħhom għall-familja tagħhom u għall-edukazzjoni tat-tfal tagħhom.
Biex tingħeleb il-kriżi demografika filwaqt li jinżammu l-prinċipji demokratiċi, aħna għandna wkoll inkunu Komunità miftuħa. L-immigrazzjoni dejjem ibbenefikat lill-Ewropa. Għandna bżonn nipproponu soluzzjonijiet li jagħmluha possibbli li jintlaqgħu immigranti, li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-integrazzjoni tagħhom iżda wkoll li jkun mistenni minnhom li jkunu miftuħa għall-integrazzjoni.
Id-djalogu interkulturali, li mpenja ruħu għaliha l-predeċessur tiegħi Hans-Gert Pöttering, huwa għodda effikaċji u provata għal din l-integrazzjoni.
Għeżież kollegi,
Aħna ffaċċjati minn kriżi tal-enerġija. L-Ewropej forsi ma jifhmux l-ġeopolitika, imma jifhmu meta tinqata' l-enerġija għat-tisħin. Aħna għandna nkomplu d-diversifikazzjoni tar-riżorsi enerġetiċi billi ninvestu iktar fis-sorsi ta' enerġija rinovabbli u fil-fjuwils fossili. L-enerġija nukleari għadha fil-kompetenza tal-Istati Membri, kif ukoll għad-dispożizzjoni tagħhom. Irridu nespandu n-netwerk tal-pipeline barra l-fruntieri tagħna sabiex ma nibqgħux dipendenti minn xi Stat, ikun liema jkun. Irridu nsaħħu l-interkonnessjonijiet bejn in-netwerks tagħna tal-gass u dawk elettriċi u nqisu l-possibilità li jsir xiri konġunt tal-gass b'mod li jinħoloq suq veru Ewropew tal-solidarjetà enerġetika. Naħseb li wasal iż-żmien għall-Unjoni li jkollha politika verament komuni tal-enerġija, u jien se naħdem biex din titwettaq.
Il-ħolqien tal-Komunità Ewropea tal-faħam u l-azzar fl-1951 kien il-bidu tal-Komunità tagħna.
Robert Schuman kien iddikjara li "s-solidarjetà fil-produzzjoni tintiseġ b'dan il-mod se turi li kwalunkwe gwerra [...] issir mhux biss mhux ta' min jaħsibha, iżda materjalment impossibbli".
Għeżież ħbieb,
Il-politika tagħna tal-enerġija għandha tqis it-theddid li hemm għall-ambjent minħabba l-bidla fil-klima. Għandna bżonn revoluzzjoni ħadra u etika tal-awtolimitazzjoni.
Il-Parlament Ewropew qed jiddibatti din il-kwistjoni. Jien ħdimt fi ħdan il-Kumitat Temporanju dwar il-Bidla fil-Klima ma' ħafna kollegi Membri. Intom tafu x'inhuma l-opinjonijiet tiegħi u tafu li jien se nikkollabora magħkom favur kompromess ta' Copenhagen li se juri li hu ta' benefiċċju kemm għall-ambjent kif ukoll għall-ekonomiji tagħna.
Sinjuri Membri,
Aħna istituzzjoni ta' piż fil-livell internazzjonali. Dan huwa dak li ċ-ċittadini tagħna jistennew minna. M'għandniex bżonn biss ta' Ewropea fl-Unjoni Ewropea, imma wkoll fix-xena internazzjonali. Politika barranija koerenti u effikaċji, li jkollha ċerta viżjoni tal-ordni fid-dinja, għandha tkun wieħed mill-objettivi kbar ta' din il-leġiżlatura.
Jean Monnet kien jgħid li kull wieħed għandu ambizzjoni. Il-kwistjoni hija jekk din l-ambizzjoni hiex li wieħed ikun xi ħadd jew li jwettaq xi ħaġa. Ejja jkollna, min-naħa tagħna, l-ambizzjoni li nwettqu xi ħapa matul din il-leġiżlatura.
X'inhuma l-objettivi l-iktar importanti?
Wieħed:
Politika attiva fir-rigward tal-ġirien Ewropej fin-naħa tan-Nofsinhar u tal-Lvant. Għal dan il-għan irridu nkomplu l-ħidmiet tagħna fil-qafas tal-Assemblea interparlamentari APEM u nimplimentaw azzjonijiet fil-qafas tal-Assemblea Euronest.
Tnejn:
Il-promozzjoni tad-demokrazija u tal-mudelli ta' governanza tajba. Irridu nieħdu vantaġġ mill-assemblej interparlamentari u mid-delegazzjonijiet tagħna biex norganizzaw samits parlamentari 'l fuq mis-samits bilaterali tal-Unjoni. Dan għandu l-importanza tiegħu għax il-Parlament Ewropew issa se jivvota f'ħafna iktar oqsma politiċi. L-Eurolat huwa eżempju tajjeb ta' kollaborazzjoni ta' dan it-tip.
Tlieta:
Wasal iż-żmien li napplikaw sħubija verament parlamentari transatlantika u li niffissaw flimkien qafas ġdid għall-ordni fid-dinja. Jien se nagħmel kull sforz biex insaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-Kungress tal-Istati Uniti fil-livelli kollha.
Erbgħa:
L-evoluzzjoni tal-isħubija strateġika tagħna mar-Russja mingħajr ma ninsew, bħal ma għamilna fir-relazzjonijiet maċ-Ċina, li l-kwistjonijiet ekonomiċi u politiċi m'għandhomx ikunu iktar importanti mid-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija. Bħala President, jien se nieħu sehem sħiħ fid-djalogu mal-imsieħba Russi tagħna, b'mod partikolari fil-qafas tal-istrateġija l-ġdida għall-baħar Baltiku.
Ħamsa:
Irridu nsaħħu r-relazzjonijiet tagħna mal-Indja u mal-qawwiet l-oħra emerġenti bħall-Brażil u l-Afrika t'Isfel. L-Indja għandha tkun l-imsieħeb tagħna kemm fil-livell ekonomiku kif ukoll fuq dak politiku.
Sitta:
Il-Lvant Nofsani jibqa' essenzjali għall-istabilizzazzjoni fid-dinja. L-Ewropa għandu jkollha rwol attiv f'dan ir-reġjun.
Sebgħa:
It-tkabbir hu wieħed mill-istrateġiji politiċi tagħna li l-iktar kellhom suċċess. L-antenati Ewropej tagħna qatt gawdew minn paċi u minn prosperità tant dewwiema bħal dawk li ngawdu minnhom illum? Il-Kroazja u forsi l-Islanda wkoll donnhom l-eqreb pajjiżi għall-adeżjoni.
Tmienja:
L-Unjoni hija l-ewwel donatur dinji f'dik li hi l-għajnuna għall-iżvilupp. Irridu nfasslu l-lista tal-benefiċjarji attwali u potenzjali tagħna u m'għandniex nittraskuraw l-obbligi tagħna lejhom, b'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju. Filwaqt li nagħlqu l-bibien tagħna għal xi pajjiżi ġodda, m'għandniex nagħlqu wkoll il-qlub tagħna u, ejjem inkunu żguri kemm jista' jkun li l-livell ta' għajxien tal-pajjiżi tagħhom joqorbu lejn l-istandards Ewropej tagħna.
Disgħa:
Irridu nsaħħu l-missjonijiet mibgħuta mill-Unjoni fil-qafas tal-politika Ewropea tas-sigurtà u tad-difiża, li kienu 22 matul l-aħħar sitt snin. Dawn għandu jkollhom mandat ċar u l-mezzi neċessrji għall-azzjoni tagħhom. Il-Parlament għandu l-intenzjoni li jikkontrolla u jissorvelja dawn il-missjonijiet iktar mill-qrib. Il-kompetenzi estiżi fil-qasam baġitarju li l-Parlament se jingħata skont it-Trattat ta' Liżbona ċertament se jtejbu l-flessibilità tagħna fl-għoti tar-riżorsi għall-missjonijiet meħtiepa li nixtiequ.
Għeżież kollegi,
L-implimentazzjoni tat-trattat il-ġdid għandha tkun il-prijorità tagħna fil-futur immedjat. Jien nintrabat li nħejji lill-Parlament biex jiffunzjona b'konformità mad-dispożizzjonijiet il-ġodda mill-ġurnata tad-dħul fis-seħħ tat-trattat.
Imma, indipendentement mit-Trattat, inħossu li xi bidliet huma indispensabbli. Inħossu l-ħtieġa li niddinamizzaw il-parlamentariżmu tal-assemblea tagħna.
Bħala President tal-Parlament nixtieq nistrieħ fuq il-ħidma notevoli li saret fis-snin riċenti minn oħrajn fil-qasam tar-riforma parlamentari. Diġà wettaqna diversi bidliet utli. Imma għandna mmorru ħafna iktar 'l bogħod ...
Jien se nagħmel l-almu kollu teigħi biex nagħti iktar lok għad-dibattitu politiku kreattiv fi ħdan l-assemblea tagħna.
Għandna nissottolinjaw bil-qawwi s-superjorità tad-demokrazija fuq it-teknokrazija.
Personalment jien sostenitur qawwi ta' talbiet iktar frekwenti biex wieħed jingħata l-ħin li jitkellem mill-emiċiklu, għaliex dawn jippermettu li jiġu dinamizzati d-dibattiti fil-plenarja. Fl-opinjoni tiegħi, dan huwa mod partikolarment importanti kif jiġu garantiti d-drittijiet tal-minoranza, jiġifieri tal-kollegi li m'għandhom l-ebda kariga fil-Parlament, jew tal-gruppi tagħhom.
Bħala Membri Parlamentari, aħna għandna d-dmir li nisimgħu leħen iċ-ċittadini tagħna, imma aħna għandna wkoll nikkonvinċuhom dwar il-vantaġġi li għandu kontinent iktar magħqud u li jiffunzjona aħjar.
L-element kbir nieqes mill-proċess ta' riforma huwa t-titjib tar-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea li huma l-Kummissjoni u l-Kunsill. Parti kbira mill-mandat tiegħi se jkun iddedikat lil dan.
Bħala President, se nagħmel l-almu tiegħi biex inħejji mudell ġdid ta' sħubija mal-Kummissjoni sabiex jissaħħaħ il-kontroll tal-Parlament fil-livell eżekuttiv u biex l-organi eżekuttivi jkollhom iktar responsabilità fir-rigward tal-istituzzjoni tagħna.
Lulju li għadda, jien stedint lill-President tal-Kummissjoni biex jipparteċipa f'ħin il-mistoqsijiet li se jsir kull xahar fil-Parlament. L-intervneti se jsiru skont it-talbiet biex wieħed jitkellem fl-emiċiklu. Nipproponi li norganizzaw dawn id-dibattiti mill-iktar fis possibbli.
Ġimagħtejn ilu, il-President Barroso bagħtilna l-"linji gwida tal-politiki" tat-tieni mandat tiegħu. Din hija innovazzjoni notevoli, li twassal biex wieħed jirrikonoxxi li hu l-Parlament li jeleġġi lill-President tal-Kummissjoni. Ninsab sodisfatt bis-sħiħ b'dan l-approċċ.
Stedint ukoll lill-kumitati parlamentari biex jeżaminaw il-leġiżlazzjoni li se tiġi adottata u biex jiddeterminaw jekk il-Kummissjoni l-ġdida għandhiex l-intenzjoni li tiċħad, timmodifika jew iżżomm dawn il-propost leġiżlattivi. Nistieden bl-istess mod lill-kumitati biex jiddibattu fil-fond dwar l-istrateġija politika tal-futur b'mod li s-smigħ tal-kummissarji maħtura jkunu bbażati fuq id-dettalji tal-programm leġiżlattiv u mhux esklussivament fuq l-eżami tal-curriculum vitae tagħhom jew tal-esperjenza professjonali tagħhom.
Irridu nerġgħu nsaħħu r-relazzjonijiet mal-Kunsill. Biex dawn ir-relazzjonijiet ikunu kredibbli, dawn għandhom jirrifletti l-fatt li, fl-Unjoni Ewropea attwali, huwa l-Parlament l-veru leġiżlatur.
Barra minn hekk, irridu naħdmu flimkien biex nirregolaw id-diffikultajiet istituzzjonali li jirriżultaw mit-Trattat ta' Liżbona. Dawn jikkonċernaw il-ġeneralizzazzjoni tal-proċedura ta' kodeċiżjoni, is-sistema l-ġdida ta' komitoloġija, il-ħatra tar-rappreżentant għoli l-ġdid u tal-Viċi President tal-Kummissjoni, il-kontroll demokratiku tas-servizz il-ġdid għall-azzjoni esterna kif ukoll l-attitudni li għandha tiġi adottata matul il-plenarji fir-rigward tal-Presidenza tal-Kunsill li issa se tkun doppja.
Ir-relazzjonijiet tagħna mas-27 parlament nazzjonali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiżviluppaw fl-istess spirtu. Fis-snin riċenti, il-kollaborazzjoni tagħna kellha tendenza li tiżdied u t-Trattat ta' Liżbona se jsaħħaħ iktar il-kuntatti tagħna filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza tal-irwol tagħhom fit-tħejjija ta' leġiżlazzjoni favur iċ-ċittadini. Il-Programm ta' Stockholm, dwar il-ġustizzja u s-sigurtà taċ-ċittadini, jikkostitwixxi eżempju perfett ta' kooperazzjoni bħal din. Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fi ħdan l-Unjoni u barra l-Unjoni tikkostitwixxi objettiv ċentrali ta' dan il-programm, li rridu nwettqu b'konċertazzjoni mal-imsieħba dinjija l-kbar.
Bħala President, jien għandi l-intenzjoni li nsaħħaħ dawn ir-relazzjonijiet fl-oqsma kollha.
Jien nixtieq inkompli r-riformi dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi umani u tal-infiq tal-Parlament sabiex dawn jiddaħħlu direttament fl-attivitajiet programmati.
Il-kumitati responsabbli għall-istrateġiji politiki differenti għandu jkollhom l-għarfien speċjalizzat ta' kwalità għolja.
Dak li jagħmel ir-rikkezza u l-qawwa tal-istituzzjoni tagħna huma wkoll id-differenzi nazzjonali u lingwistiċi kif ukoll id-differenzi fil-mentalitajiet. Dawn huma dak li jagħmlu l-Ewropa faxxinanti; imma għandna jkollna għodda effikaċji biex nifhmu lil xulxin, u hu għalhekk li l-Membri għandu jkollhom il-possibilità li jesprimu ruħhom bil-lingwa materna tagħhom jekk ikunu jixtiequ dan, sabiex jirrappreżentaw bl-aħjar mod lill-elettorat tagħhom Jien konxju minn din il-problema u se nimpenja ruħi biex insolviha.
Sinjuri Membri,
Għandna dejjem inżommu f'moħħna li l-Unjoni ma tillimitax ruħha biss li tiffaċċja l-isfidi tal-ġejjieni jew li tfittex prosperità u stabilità dejjem akbar. L-Unjoni hija l-ewwel u qabel kollox id-drittijiet tal-bniedem. Id-drittijiet tal-minoranzi, meqjusa hemm skont in-nazzjonalità tagħhom, l-oriġini etnika tagħhom, ir-reliġjon tagħhom jew it-twemmin tagħhom, kif ukoll id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità fiżika jew mentali għandu jkunu protetti b'mod partikolari.
Ninnota bi tħassib it-tensjonijiet preżenti fir-relazzjonijiet bejn is-Slovakkja u l-Ungerija fir-rigrward tal-minoritajiet nazzjonali. Je souhaiterais apporter mon soutien pour résoudre ce différend dans le respect des valeurs de notre Parlement.
Il-Premju Sakharov jikkostitwixxi eżempju tajjeb tal-azzjoni tagħna f'dan is-sens, peress li dan jagħraf difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li llum jifformaw il-bażi ta' dan li wieħed jista' jsejjaħ "netwerk Sakharov", li għandi l-intenzjoni li niżviluppa. Barra minn hekk, nixtieq li nkomplu l-proġett ta' Dar tal-Istorja Ewropea li tneda mill-predeċessur tiegħi Hans-Gert Pöttering.
Għal darb'oħra nixtieq infakkar f'din l-assemblea li l-Unjoni hija komunità ta' ideali u ta' valuri.
Aħna nafu dawn il-valuri kollha u nirrispettawhom. Dawn huma l-libertà, l-ugwaljanza, is-solidarjetà, l-istat tad-dritt, it-tolleranza u l-imħabba għall-proxxmu, is-sigurtà u l-protezzjoni tal-ħajja privata, il-fidi u r-raġuni, id-drittijiet tal-bniedem u l-kuntentizza tal-individwu, u fl-aħħar nett il-proprjetà, il-familja u l-fiduċja mutwa. Dawn huma l-memorja u l-istorja kif ukoll il-ġejjieni komuni.
Il-Komunità Ewropea mhix objettiv fiha nnifisha, imma strument li jiżgura l-protezzjoni ta' dawn il-valuri u joffri t-tama li din il-protezzjoni tkun sostenibbli u effikaċji.
Għeżież kollegi,
Bħala President, jien se nimpenja ruħi biex nikkollabora mal-Istat biex insibu mezzi biex nippromwovu spirtu verament Ewropew. Jien determinat li niżgura l-aċċess għat-televixin bis-satelita u bl-internet għall-kumitati u d-delegazzjonijiet kollha. Iċ-ċittadini għandhom ikunu jafu kif id-drittijiet tagħhom huma s-suġġett ta' diskussjonijiet, kif dawn jiġu modifikati u kif jittieħed vot fuqhom.
Irridu neżaminaw il-modalitajiet tal-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej. Jaqbel, pereżempju, li jitħeġġeġ bil-qawwi l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda matul l-elezzjonijiet b'mod li jkabbar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. Wasal iż-żmien ukoll li jibda d-dibattitu dwar il-partiti politiċi Ewropej. Iċ-ċittadini jridu jkunu jafu għal xhiex ivvotaw, mhux biss fil-pajjiż tagħhom imma wkoll fuq l-iskala Ewropea.
Nagħti importanza kbira lill-kollaborazzjoni mal-Konferenza tal-Presidenti tal-Gruppi Politiċi. Flimkien u b'mod solidari se nassumu r-responsabilità tal-azzjonijiet tal-assemblea tagħna, mal-erbatax-il Viċi President li jien nirringrazzja għad-dikjarazzjoni tagħahom ta' kooperazzjoni. Napprezza wkoll l-ispirtu ta' sħubija li għandhom il-presidenti tal-kumitati parlamentari tagħna. Nixtieq li l-presidenti tad-delegazzjonijiet interparlamentari permanenti jkunu jistgħu jinfluwenzaw b'mod sinfikanti l-politika barranija tal-Unjoni. U fir-rigward tal-kwesturi, se neżaminaw magħhom il-baġit tal-Parlament.
Imma l-ewwel u qabel kollox nistrieħ fuq il-kooperazzjoni tagħkom, għeżież kollegi. Bħala President tal-Parlament Ewropew jien konxju mill-fatt li għandi r-responsabilità li niżguralkom kundizzjonijiet tajbin ta' xogħol, imma ma nistax ma nħeġġiġx iżżejjed lil kull wieħed u waħda minnkom biex timpenjaw ruħkom bis-sħiħ.
Sinjuri Membri,
Għall-biċċa l-kbira minna, it-Trattat ta' Liżbona jirrappreżenta soluzzjoni istituzzjonali li ilna ħafna nistennew. Dan se jtejjeb il-kapaċità tal-Unjoni li ssolvi l-problemi kurrenti u li jqarreb lill-istituzzjonijiet Ewropej lejn iċ-ċittadini.
Bronislaw Geremek, li għalih semmejna l-bitħa interna prinċipali tal-Parlament tagħna fi Strasburgu, kien jiċċajta u jgħid li l-integrazzjoni Ewropea hija bħar-rota: trid taqdef b'mod kostanti biex iżżomm il-bilanċ u taħkem id-direzzjoni. Dan juri sew sa liema punt hija indispensabbli għalina r-ratifikazzjoni tat-Trattat ta' Liżbona.
Għeżież ħbieb,
Inqas minn ġimgħa ilu jien kont il-parlament Pollakk għall-kommemorazzjoni tal-għoxrin sena mill-kostituzzjoni tal-ewwel gvern mhux komunista f'din il-parti tal-Ewropa, dak ta' Tadeusz Mazowiecki. Solidarność dak iż-żmien kien rebaħ għaliex konna flimkien, unitu u solidari. Dan l-anniversajru huwa partikolarment emottiv għaliex kien f'dak il-mument li bdiet il-waqgħa brillanti tat-totalitariżmu f'pajjiżi oħra tal-Ewropa ċentrali. Din kienet l-ewwel qasma li spiċċat biex waqqgħet il-ħajt li kien jaqsam l-Ewropa fi tnejn.
Qed nindirizzakom illum fi Strasburgu, il-kapitali ta' reġjun li d-destin tiegħu jfakkar f'ħafna sensi lil dak tar-reġjun tiegħi, Silesia, reġjun tal-fruntieri fejn l-abitanti spiss kellhom ibiddlu n-nazzjonalità tagħhom mingħajr ma kienu ċċaqalqu.
Naħlef solennement li, filwaqt li niżgura l-Presidenza tal-Parlament matul dawn is-snin li ġejjin, ser inkun l-ambaxxatur tagħkom u se nwassal liċ-ċittadini tal-Ewropa u tad-dinja l-messaġġ ta' kontinent magħqud mill-ġdid.
Ejjem naħdmu flimkien biex insibu tweġibiet konkreti u prattiċi għall-isfidi kbar li qed jaffaċċjaw l-Ewropa u d-dinja llum.
Ejjew naħdmu biex inbiddlu l-ħolma tagħna f'realtà. Ejjew, għalhekk, nieħdu l-ħidmu b'entużjażmu, għerf u kuraġġ.
Għaliex din l-Ewropa hija l-Ewropa tagħna: Ewropa komuni, moderna, b'saħħitha.
Grazzi tal-attenzjoni tagħkom.
