Jiddefendu l-libertajiet tagħna

Biex jiċċelebra t-30 anniversarju tal-Premju Sakharov, il-Parlament, flimkien ma' erba' fotografi mill-kooperattiva Magnum, qed jippreżenta l-istejjer ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem ta' żmienna.

Il-proġett fotografiku bit-titlu "Jiddefendu l-libertajiet tagħna" huwa vjaġġ li jdaħħlek fil-ħajja ta' kuljum ta' żewġ nisa u żewġt irġiel li jiġġieldu għad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, fit-Tuneżija, fl-Etjopja u fil-Bożnija-Ħerzegovina.

Asma Kaouech, it-Tuneżija

minn Newsha Tavakolian

Asma Kaouech, Sakharov Fellow

© Newsha Tavakolian / Magnum Photos, 2017

Il-fotografa Iranjana Newsha Tavakolian turi l-ħidma ta' Asma Kaouech hija u tistinka biex ma tħallix li żgħażagħ Tuneżini jiġu rradikalizzati. Fil-25 ritratt tagħha, turi t-taqbidiet u t-tamiet tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta' Tuneżini, wara r-rivoluzzjoni tal-2011.

Ameha Mekonnen, l-Etjopja

minn Enri Canaj

Ameha Mekonnen, Sakharov Fellow

© Enri Canaj / Magnum Photos, 2017

Enri Canaj jinsab wara l-kamera li ssegwi l-ħidma u l-ħajja tal-avukat Etjopjan Ameha Mekonnen. Ameha, li qabel kien impjegat mal-gvern, issa huwa l-kap tal-Human Rights Council, organizzazzjoni li tiddefendi d-dritt tal-ġurnalisti u tal-bloggers li jesprimu fehmiethom liberament.

Jadranka Miličević, il-Bożnija-Ħerzegovina

minn Bieke Depoorter

Jadranka Miličević, Sakharov Fellow

© Bieke Depoorter / Magnum Photos, 2017

F'25 ritratt, xogħol il-fotografa Belġjana Bieke Depoorter jikxef l-intimità profonda li tinħeba wara l-ħidma ta' kuljum ta' Jadranka Miličević.  Jadranka, li kienet rifuġjata tal-Gwerra tal-Balkani wara li fl-1992 ħarbet minn Sarajevo lejn is-Serbja, waqqfet żewġ organizzazzjonijiet mhux governattivi - Cure u Care - biex tgħin lin-nisa li jisfaw vittmi ta' vjolenza u diskriminazzjoni.

Samrith Vaing, il-Kambodja

minn Jérôme Sessini

Samrith Vaing, Sakharov Fellow

© Jérôme Sessini / Magnum Photos, 2017

L-għajn esperta tal-fotografu Franċiż Jérôme Sessini ssegwi l-ħidma ta' kuljum ta' Samrith Vaing fil-Kambodja huwa u jappoġġja l-ġlieda tal-minoranza etnika tal-Bunong kontra l-ħtif tal-art minn kumpaniji multinazzjonali. Sessini jikkomunika l-elementi essenzjali ta' dawn il-ħajjiet permezz tal-użu tal-abjad u l-iswed.