Il-Parlament Ewropew isostni d-drittijiet tal-bniedem

Ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem huwa wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Kwalunkwe vjolazzjoni ta' dawn id-drittijiet taffettwa l-prinċipji demokratiċi li fuqhom tissejjes is-soċjetà tagħna, isseħħ fejn isseħħ, fi ħdan l-UE jew barra minnha.  Il-Parlament Ewropew jiġġieled kontra dawn il-vjolazzjonijiet permezz ta' azzjoni leġiżlattiva, li tinkludi l-osservazzjoni tal-elezzjonijiet, id-dibattiti ta' kull xahar dwar id-drittijiet tal-bniedem fi Strasburgu u l-inklużjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet tal-kummerċ estern.

Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew isostni d-drittijiet tal-bniedem billi, kull sena, jagħti l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb, li twaqqaf fl-1988. Il-Premju jingħata lil individwi li jkunu taw kontribut eċċezzjonali fil-ġlieda għad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, u b'hekk jiġbed l-attenzjoni pubblika fuq vjolazzjoniiet tad-drittijiet tal-bniedem u jagħti l-appoġġ tiegħu lir-rebbieħa tal-Premju u lill-kawża li jħaddnu.

L-Oppożizzjoni Demokratika fil-Venezwela, rebbieħa tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2017

L-Oppożizzjoni Demokratika fil-Venezwela: l-Assemblea Nazzjonali (Julio Borges) u l-Priġunieri Politiċi kollha kif elenkati mill-Foro Penal Venezolano, irrappreżentati minn Leopoldo López, Antonio Ledezma, Daniel Ceballos, Yon Goicoechea, Lorent Saleh, Alfredo Ramos u Andrea González

L-Oppożizzjoni Demokratika fil-Venezwela, rebbieħa tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2017

© EU 2017 - EP/AP Images / Ariana Cubillos

Il-Venezwela ilha bosta snin għaddejja minn kriżi politika. Il-partit fil-gvern kulma jmur illimita dejjem aktar l-istat tad-dritt u l-ordni kostituzzjonali, u f'Marzu 2017 il-Qorti Suprema neżżgħet lill-Assemblea Nazzjonali eletta demokratikament mis-setgħa leġiżlattiva. Julio Borges, il-president tal-Assemblea Nazzjonali, iddeskriva s-sitwazzjoni fil-Venezwela kif ġej: "Il-konfrontazzjoni li għaddejja fil-Venezwela mhijiex biss waħda politika. Hija konfrontazzjoni vitali, eżistenzjali u bbażata fuq il-valuri".

Fl-istess waqt, l-għadd ta' priġunieri politiċi laħaq aktar minn sitt mija, skont l-aħħar rapport tal-Foro Penal Venezolano (Il-Forum Penali tal-Venezwela), organizzazzjoni prominenti tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venzwela li tagħti assistenza legali pro bono lil persuni li jkollhom riżorsi ekonomiċi limitati u li jitqies li jkunu ġew detenuti arbitrajament, ittorturati jew attakkati fiżikament waqt dimostrazzjonijiet ta' protesta. Fost il-priġunieri politiċi jingħaddu Leopoldo López, Antonio Ledezma, Daniel Ceballos, Yon Goicoechea, Lorent Saleh, Alfredo Ramos u Andrea González, mexxejja prominenti tal-oppożizzjoni.

Wara li l-mexxej tal-oppożizzjoni tal-Venezwela Leopoldo López temporanjament ingħata d-detenzjoni domiċiljari f'Lulju, wara li kien qatta' aktar minn tliet snin detenut, reġa' ġie ttrasferit fil-ħabs f'Awwissu 2017. Antonio Ledesma, politiku prominenti ieħor tal-oppożizzjoni u eks sindku ta' Caracas, ilu fid-detenzjoni domiċiljari mill-2015, filwaqt li l-kollegi tiegħu u eks sindki Alfredo Ramos, ta' Iribarren, u Daniel Ceballos, ta' San Cristobal, ukoll intefgħu l-ħabs, kif ġralu wkoll l-istudent attivist Lorent Saleh. Żewġ ċittadini Spanjoli, Andrea González u Yon Goicoechea, ukoll jingħaddu fost il-priġunieri politiċi.

Mill-bidu tas-sena 'l hawn, aktar minn 130 esponent tal-oppożizzjoni nqatlu u aktar minn 500 ruħ sfaw arrestati arbitrarjament.

Il-Parlament Ewropew kif jappoġġja d-drittijiet tal-bniedem?

Il-Parlament Ewropew jappoġġja d-drittijiet tal-bniedem mhux biss permezz tal-Premju Sakharov iżda anke bis-saħħa ta' azzjoni politika u leġiżlattiva konkreta.

Kuntatt

Kampanji ta' Komunikazzjoni (DĠ COMM)

Parlament Ewropew
60 rue Wiertz / Wiertzstraat 60
B-1047 - Bruxelles/Brussell
il-Belġju