Netwerk tal-Premju Sakharov

In-Netwerk tal-Premju Sakharov inħoloq mill-Premju Sakharov li l-Parlament Ewropew jagħti għal xogħol eċċezzjonali favur id-drittijiet tal-bniedem.

Sakharov Prize Network laureates with President Tajani photo

© Unjoni Ewropea, 2018 - Parlament Ewropew

In-Network tal-Premju Sakharov (SPN) jiġbor fih rebbieħa tal-Premju Sakharov u Membri tal-Parlament Ewropew (MPE). In-network ġie varat fil-Parlament Ewropew fl-2008, fl-20 anniversarju tal-Premju Sakharov. Il-ħolqien tan-network irrikonoxxa "r-rwol speċjali tar-rebbieħa tal-Premju Sakharov bħala Ambaxxaturi għal-Libertà tal-Ħsieb", u l-membri tiegħu "qablu li jsaħħu l-isforzi konġunti f'appoġġ tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha permezz ta' azzjonijiet komuni meħuda mir-rebbieħa tal-Premju Sakharov flimkien u taħt il-patroċinju tal-Parlament Ewropew".

In-Network tal-Premju Sakharov b'mod ġenerali jgħaqqad lill-MPE, ir-rebbieħa tal-premju u s-soċjetà ċivili biex iqawwi l-kooperazzjoni dwar l-azzjoni favur id-drittijiet tal-bniedem fi Brussell u internazzjonalment. In-network iservi bħala mezz ta' komunikazzjoni li jippermetti lir-rebbieħa tal-premju u lill-Parlament jindirizzaw kwistjonijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u kwistjonijiet relatati. Il-membri tan-network regolarment jagħtu lectures tas-Sakharov madwar l-UE biex iqajmu kuxjenza dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u jagħtu bidu għal dibattitu pubbliku fil-kapitali Ewropej.

In-Network iltaqa' f'konferenzi li saru fl-2008, l-2011, l-2013, l-2016 u l-2018. Dawn il-konferenzi tan-Network tal-Premju Sakharov huma forum ta' dibattitu bejn il-MPE, ir-rebbieħa tal-premju u rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, istituzzjonijiet internazzjonali oħra u s-soċjetà ċivili, u jservu ta' bażi għal azzjoni msaħħa tan-network favur id-drittijiet tal-bniedem.

Fl-4 u l-5 ta' Ġunju 2018, in-Network tal-Premju Sakharov iltaqa' fi Brussell biex jiċċelebra t-30 anniversarju tal-Premju Sakharov, iqis il-kisbiet tal-imgħoddi u jidentifika l-isfidi tal-ġejjieni. Il-konferenza saret fil-preżenza ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem magħżula taħt il-kappa tal-Fellowship tal-Premju Sakharov, programm li n-Network kien beda ħames snin ilu biex jagħti s-setgħa lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem mid-dinja kollha.

Abbona għall-aħbarijiet!

Il-Bullettin tan-Netwerk tal-Premju Sakharov tal-PE hu pubblikazzjoni regolari li tintbagħat lill-MPE u lir-Rebbieħa tal-Premju Sakharov.

Arkivju ta' Posters

Ara l-posters tal-Premju Sakharov mill-1991 sal-lum!

Kuntatt

Human Rights Actions Unit

European Parliament
Rue Wiertz 60
B-1047 Brussels