Il-klawżola 5.1 tal-Ftehim tal-Qafas anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP(1) titlob lill-Istati Membri li jintroduċu miżuri li jipprevjenu milli jsir abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ relazzjonijiet jew kuntratti għal żmien fiss suċċessivi filwaqt li tieħu f’kunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta' setturi u kategoriji ta’ ħaddiema speċifiċi. Skond il-Klawżola 5.2 ta’ l-istess Ftehim tal-Qafas l-Istati Membri, meta adattat, għandhom jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta' impjieg għal terminu fiss għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.
Rigward l-ewwel mistoqsija ta’ l-Onorevoli Membru dwar l-allegata distinzjoni bejn is-settur pubbliku u privat, ta’ min jinnota li l-Ftehim japplika għall-ħaddiema għal żmien fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehimiet kollettivi jew skond il-prassi ta’ kull Stat Membru b’possibilitajiet limitati għal derogi fil-livell nazzjonali fil-każ biss ta’ ċerti kuntratti ta' taħriġ u skemi ta’ apprentistat (il-Klawżola 2 tal-Ftehim tal-Qafas).
Malta kkomunikat it-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70/KE fil-25 ta’ Marzu 2004.
Il-Kummissjoni sadattant irċeviet ilment li jqajjem il-kwistjoni tal-kwalità tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70/KE fis-settur pubbliku ta’ Malta. Fi ħdan il-qafas ta’ dan l-ilment is-servizzi tal-Kummissjoni talbu lill-awtoritajiet f’Malta biex jipprovdu tagħrif speċifiku dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam. Jekk l-eżami tal-leġiżlazzjoni jew ta’ l-ilment juru li Malta ma ttrasponitx b'mod sew u sħiħ id-Direttiva 1999/70/KE, il-Kummissjoni tieħu l-passi kollha meħtieġa biex Malta tinġieb f’konformità mal-liġi Komunitarja.
Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins (ETUC). Għaqda tal-Konfederazzjonijiet Industrijali u ta’ Min Iħaddem ta' l-Ewropa. Ċentru ta’ Intrapriżi b’Parteċipazzjoni Pubblika.