Parlament Ewropew

Choisissez la langue de votre document :

Stqarrija
 

L-effetti tal-kampi elettromanjetiċi fuq is-saħħa

Saħħa pubblika - 02-04-2009 - 13:14
Seduta plenarja
Aqsam ma' ħaddieħor

Il-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej, speċjalment ż-żgħażagħ, jużaw il-mowbajl. Madankollu għad hemm xi inċertezzi rigward ir-riskji li jistgħu jeżistu għas-saħħa b'rabta mal-użu telefowns ċellulari. Fil-fatt, tagħmir tat-teknoloġija bla fili jarmi kampijiet elettromanjetiċi li jista’ jkollhom effetti negattivi fuq is-saħħa. Il-Parlament Ewropew irid li l-iskejjel, id-djar tal-mistrieħ u l-istituzzjonijiet tas-saħħa jinżammu mbiegħda minn dan it-tip ta' tagħmir.

Permezz tar-rapport imħejji minn Frédérique Ries (ALDE, BE) u adottat b'559 vot favur, 22 kontra u 8 astensjonijiet, il-Parlament enfasizza l-fatt li "għad hemm xi inċertezzi rigward ir-riskji li jistgħu jeżistu għas-saħħa" b'rabta mal-espożizzjoni għall-kampijiet elettromanjetiċi, bħal dawk trażmessi mill-antenni. Minbarra l-limiti ta' espożizzjoni diġà stipulati mill-UE għall-ħarsien tal-ħaddiema, il-Parlament talab li jittieħdu miżuri, abbażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, biex jiġu mħarsa r-residenti u l-konsumaturi.
 
Skont l-MEPs, huwa fl-interess ġenerali li jiġu inkoraġġuti soluzzjonijiet ibbażati fuq negozjati bejn il-partijiet industrijali interessati, l-awtoritajiet pubbliċi, l-awtoritajiet militari u l-assoċjazzjonijiet tar-residenti fir-rigward tal-kriterji tal-installazzjoni ta’ antenni tal-GSM ġodda jew ta’ kejbils b’vultaġġ għoli. Tal-inqas għandu jiġi żgurat li l-iskejjel, il-kindergartens, id-djar tal-mistrieħ għall-anzjani u l-istituzzjonijiet tas-saħħa jinżammu mbiegħda, b'distanzi speċifiċi stabbiliti minn kriterji xjentifiċi, minn dan it-tip ta’ tagħmir.
 
Madankollu, għandu jiġu wkoll żgurat il-ħarsien tan-nies li tgħix viċin dan it-tagħmir. Għaldaqstant, il-Parlament appella "għall-aħjar ippożizzjonar ta’ arbli u tat-tagħmir li jitrażmetti." L-MEPs huma tal-fehma li għandu jkun hemm kondiviżjoni tal-infrastruttura bejn l-operaturi tal-mowbajls sabiex jitnaqqsu l-kampijiet elettromanjetiċi u l-espożizzjoni tal-pubbliku għalihom.
 
Informazzjoni aħjar għall-pubbliku
 
Il-Parlament iqis li l-Istati Membri, flimkien mal-operaturi fis-settur, għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku mapep li juru l-espożizzjoni minn, fost oħrajn, kejbils ta' vultaġġ għoli, arbli ta’ telekomunikazzjonijiet, repetituri tar-radju u antenni tat-telefowns. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġiet mitluba tippreżenta rapport annwali dwar il-livell ta’ radjazzjoni elettromanjetika fl-UE, is-sorsi tagħha, u l-azzjonijiet meħuda għal protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin u tal-ambjent.
 
L-MEPs issuġġerew ukoll li l-Kummissjoni tuża parti mill-iffinanzjar Komunitarju allokat għall-istudji dwar l-kampijiet elettromanjetiċi biex tinvesti f'kampanja globali ta' informazzjoni, indirizzata b'mod speċjali liż-żgħażagħ, dwar prattiki tajba fir-rigward tal-użu tat-telefown ċellulari. Huma ikkundannaw ċerti kampanji aggressivi ta’ kummerċjalizzazzjoni, bħal dawk qabel il-Milied u f'okkażjonijiet speċjali, li joffru mowbaljs jew użu tal-mowbajl għal ċertu ħin bla ħlas, immirati apposta għat-tfal u ż-żgħażagħ.
 
 
01/04/2009
Rapporteur : Frédérique RIES (ALDE, BE)
Proċedura: Inizjattiva
Votazzjoni: 2.04.09
Ref.: 20090401IPR53233