Mistoqsija Parlamentari - O-000098/2014Mistoqsija Parlamentari
O-000098/2014

Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet

17.12.2014

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000098/2014
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Monika Hohlmeier, Roberta Metsola, Elissavet Vozemberg, Tadeusz Zwiefka, Emil Radev, Barbara Matera, Nadine Morano, Salvatore Domenico Pogliese, f'isem il-Grupp PPE

Rapporti reċenti jixħtu dawl fuq tendenzi allarmanti fil-fenomenu tal-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet Qed jokkorru tendenzi inkwetanti fir-rigward ta' materjali li jinsabu onlajn li juru atti ta' abbuż sesswali fuq it-tfal, inkluża ż-żieda fid-domanda għal materjali abbużivi ġodda, livelli ogħla ta' vjolenza u tnaqqis fl-età tal-vittmi (skont l-Europol, 10 % tal-vittmi għandhom inqas minn sentejn), u trasgressuri li jfittxu ambjenti fil-midja soċjali, li huma popolari fost it-tfal u ż-żgħażagħ, għall-attivitajiet tagħhom bħala ċiberpredaturi tal-minuri u bħala xenarju għall-"grooming" tat-tfal. L-aġenziji tal-infurzar tal-liġi madwar l-Ewropa qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet biex ikollhom aċċess għall-evidenza diġitali, minħabba l-fatt li dawk li jabbużaw mit-tfal qed jagħmlu użu minn livelli avvanzati ta' kriptaġġ u jospitaw is-servers tagħhom fuq netwerk privat (id-darknet) li jiggarantixxi livell massimu ta' anonimità. L-iżvilupp tekniku fit-teknoloġija għolja tal-informatika jirrikjedi standards għolja ta' sigurtà u kriptaġġ. Iċ-ċiberpredaturi jagħmlu użu ħażin minn dawn is-sistemi biex jipprevjenu lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi milli jkollhom access għall-kontenut tagħhom permezz ta' mandati ta' perkwiżizzjoni. Dan iqajjem tħassib serju peress li ċ-ċiberpredaturi qed jużaw l-anonimat u d-darknet biex jespandu l-attivitajiet kriminali tagħhom. Fid-dawl ta' dan kollu, il-Kummissjoni hija mitluba twieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin:

1. Il-Kummissjoni tista' tagħti rendikont dwar l-implimentazzjoni effikaċi tad-Direttiva 2011/92/UE tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal? Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li din id-Direttiva hija adegwata għad-dinja onlajn?

2. Il-Kummissjoni tikkunsidra temenda d-direttiva msemmija hawn fuq jew tipproponi test leġiżlattiv ġdid bil-għan li tarmonizza l-kundizzjonijiet tal-interċettazzjoni legali onlajn u l-aċċess għad-data ta' komunikazzjoni diġitali sabiex, f'dak li għandu x'jaqsam mal-liġi, dawk in-numri kbar ta' persuni li jabbużaw mit-tfal ma jibqgħux jingħataw l-impunità li tiġi provduta lilhom mit-tekniki tal-anonimità u l-kriptaġġ użati għall-attivitajiet kriminali, u sabiex iwaqqfu l-fenomenu dejjem jikber taċ-ċiberpredaturi u l-'grooming' tat-tfal onlajn?

3. Il-Kummissjoni tista' telabora fuq ir-riżultati miksuba permezz tal-Alleanza Globali kontra l-Abbuż Sesswali tat-Tfal Onlajn, u tindika kwalunkwe azzjonijiet oħra li għandhom jittieħdu bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-atturi tal-industrija, bħall-provvedituri tal-internet, sabiex tiġi miġġielda din il-vjolenza li kulma jmur qiegħda tinxtered? Hija lesta tagħti bidu għal kampanja ta' sensibilizzazzjoni li tirrifletti l-impenn tagħha biex lit-tfal tippermettilhom jifhmu u tedukahom dwar kif għandhom iġibu ruħhom quddiem ir-riskji tal-internet, u li tagħti sostenn lill-ġenituri u l-edukaturi biex jipproteġu lit-tfal onlajn?