Mistoqsija Parlamentari - O-000072/2017Mistoqsija Parlamentari
O-000072/2017

Mandati ta' arrest tal-Interpol (Avviżi Ħomor) u t-Turkija

8.9.2017

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000072/2017
lill-Kunsill
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Judith Sargentini, Bodil Valero, Rebecca Harms, Jordi Solé, Josep-Maria Terricabras, Barbara Lochbihler, Eva Joly, Jan Philipp Albrecht, Jean Lambert, Ulrike Lunacek, f'isem il-Grupp Verts/ALE

F'Awwissu 2017, il-pulizija Spanjola arrestat żewġ ġurnalisti kritiċi b'ċittadinanza doppja Svediża/Torka u Ġermaniża/Torka rispettivament, wara avviż tal-Interpol maħruġ mit-Turkija.

L-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (fir-riżoluzzjoni 2161 (2017) innotat li s-sistema ta' Avviż Aħmar tal-Interpol ġie abbużata minn xi pajjiżi biex irażżnu l-libertà tal-espressjoni jew biex jippersegwitaw membri tal-oppożizzjoni politika lil hinn mill-fruntieri tagħhom.

Għalhekk, huwa importanti li jkun hemm salvagwardji xierqa għal difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti leġittimi kontra l-abbuż potenzjali ta' notifiki tal-Interpol.

L-Istati Membri tal-UE japplikaw regoli differenti: xi Stati Membri jirrifjutaw li jaġixxu meta jirċievu l-avviż tal-Interpol, filwaqt li oħrajn iwettqu arrest.

– X'inhu jagħmel il-Kunsill biex jiżgura li d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u ta' pajjiżi terzi ma jiġux miksura bl-użu ta' data tal-Interpol min-naħa tal-Istati Membri tal-UE?

– Il-Kunsill huwa konxju minn xi mekkaniżmu fis-seħħ li jiżgura skambju awtomatiku ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri meta tal-anqas Stat Membru wieħed jesprimi dubji dwar il-leġittimità, il-ħtieġa u l-proporzjonalità ta' avviż tal-Interpol?

– Il-Kunsill qed jippjana li jarmonizza n-normi u l-prattiki fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-mod li bih l-awtoritajiet tal-pulizija għandhom jirreaġixxu meta jirċievu avviż tal-Interpol, bħal pereżempju stħarriġ ġudizzjarju obbligatorju qabel titwettaq detenzjoni fuq il-bażi ta' avviż tal-Interpol?