RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura li permezz tagħhom il-Kummissjoni tista' titlob lil impriżi u lil assoċjazzjonijiet ta' impriżi jipprovdu l-informazzjoni relatata mas-suq intern u ma' oqsma relatati

12.9.2018 - (COM(2017)0257 – C8-0140/2017 – 2017/0087(COD)) - ***I

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Eva Maydell

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura li permezz tagħhom il-Kummissjoni tista' titlob lil impriżi u lil assoċjazzjonijiet ta' impriżi jipprovdu l-informazzjoni relatata mas-suq intern u ma' oqsma relatati

(COM(2017)0257 – C8-0140/2017 – 2017/0087(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0257),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 43(2), 91, 100, 114, 192, 194(2) u 337 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0140/2017),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Ottubru 2017[1],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 39 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0286/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda    1

Proposta għal regolament

Kunsiderazzjoni 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 43(2), 91, 100, 114, 192, 194(2) u 337 tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 337 tiegħu,

Ġustifikazzjoni

Wara l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew, u sakemm tasal l-opinjoni tal-Kumitat tal-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali tar-Regolament propost fl-applikazzjoni tal-Artikolu 39 tar-Regoli ta' Proċedura, ikun tajjeb li l-bażi legali tiġi limitata għall-Artikolu 337 tat-TFUE kif rakkomandat mis-Servizz Legali.

  • [1]  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 88.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI DWAR IL-BAŻI LEGALI

Is-Sa Anneleen Van Bossuyt

President

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

STRASBURGU

Suġġett:  Opinjoni dwar il-bażi legali tal-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura li permezz tagħhom il-Kummissjoni tista' titlob lil impriżi u lil assoċjazzjonijiet ta' impriżi jipprovdu l-informazzjoni relatata mas-suq intern u ma' oqsma relatati (COM(2017)0257 – C8-0140/2017– 2017/0087(COD))

Sinjura President,

Bl-ittra tat-3 ta' April 2018, f'isem il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (IMCO), inti tlabt lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali (JURI) biex, skont l-Artikolu 39(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, jagħtih opinjoni dwar l-adegwatezza tal-bażi legali magħżula mill-Kummissjoni għall-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura li permezz tagħhom il-Kummissjoni tista' titlob lil impriżi u lil assoċjazzjonijiet ta' impriżi jipprovdu l-informazzjoni relatata mas-suq intern u ma' oqsma relatati[1], magħrufa wkoll bħala "SMIT".

Il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 43(2), 91, 100, 114, 192, 194(2) u 337 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-emenda waħdanija adottata waqt il-votazzjoni dwar ir-rapport fl-IMCO għandha l-għan li tissostitwixxi l-bażi legali t'hawn fuq bl-Artikolu 337 tat-TFUE biss.

Dan ikun jinvolvi bidla mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja għal waħda mhux leġiżlattiva, kif imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-punt 25 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016, u jirrikjedi skambju ta' fehmiet mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Flimkien mal-Artikolu 39 tar-Regoli ta' Proċedura, japplika l-Artikolu 63.

I – Sfond

Fit-28 ta' Ottubru 2015, meta ħabbret l-Istrateġija għal Suq Uniku, il-Kummissjoni spjegat li kienet se "tipproponi inizjattiva regolatorja ħalli tkun tista' tiġbor informazzjoni affidabbli direttament mingħand ċerti parteċipanti fis-suq magħżula, bil-għan li tiggarantixxi u ttejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku."[2] Dik l-Għodda ta' Informazzjoni għas-Suq Uniku kellha tkun parti minn strateġija ġenerali ta' infurzar li tħaddem "approċċ olistiku li jiġbor l-istadji kollha tat-tfassil tal-politika mit-tfassil innifsu sal-implimentazzjoni u t-tixrid tal-informazzjoni, f'konformità mal-istrateġija għal Regolamentazzjoni Aħjar. Dan jinkludi integrazzjoni aħjar tal-aspetti tal-evalwazzjoni u tal-infurzar fit-tfassil tal-politika, assistenza u gwida aħjar lill-Istati Membri waqt l-implimentazzjoni tar-regoli tas-Suq Uniku u infurzar aktar koerenti u effikaċi tal-politika maħsuba biex titjieb il-konformità ġenerali mar-regoli tas-Suq Uniku u mal-liġi tal-UE inġenerali."

Fit-2 ta' Mejju 2017, il-Kummissjoni ppreżentat "pakkett ta' konformità" bi tliet proposti dwar it-tisħiħ tal-funzjonament prattiku tas-Suq Uniku, fosthom il-proposta biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet u l-proċedura li permezz tagħhom il-Kummissjoni tista' titlob lil impriżi u lil assoċjazzjonijiet ta' impriżi jipprovdu informazzjoni relatata mas-suq intern u ma' oqsma relatati u b'hekk tinħoloq l-Għodda ta' Informazzjoni għas-Suq Uniku.

Il-Kummissjoni bbażat il-proposta tagħha fuq l-Artikoli 43(2), 91, 100, 114, 192, 194(2) u 337 tat-TFUE.

II – Artikoli rilevanti tat-Trattat

L-Artikoli li ġejjin tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huma ppreżentati bħala l-bażijiet legali fil-proposta tal-Kummissjoni:

Taħt it-Titolu III "Agrikoltura u Sajd" tat-Tielet Parti tat-TFUE "Politika u Azzjonijiet Interni tal-Unjoni":

Artikolu 43(2)

(ex Artikolu 37 TKE)

2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli prevista fl-Artikolu 40(1) kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra meħtieġa għall-kisba tal-objettivi tal-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd.

Taħt it-Titolu VI "It-Trasport":

Artikolu 91

(ex Artikolu 71 TKE)

1. Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 90, u filwaqt li jitqiesu l-fatturi partikolari tat-trasport, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jistabbilixxu:

(a) regoli komuni li japplikaw għat-trasport internazzjonali lejn jew mit-territorju ta' Stat Membru jew li jaqsam it-territorju ta' Stat Membru wieħed jew aktar;

(b) il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-mod li bih trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta' trasport f'xi Stat Membru;

(c) miżuri li jtejbu s-sigurtà fit-trasport;

(d) provvedimenti oħra xierqa.

[...]

Artikolu 100

(ex Artikolu 80 TKE)

1. Id-dispożizzjonijiet ta' dan it-Titolu għandhom japplikaw għat-trasport bil-ferrovija, fit-triq, u bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet xierqa għan-navigazzjoni marittima u tal-ajru. Huma għandhom jaġixxu wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni.

Taħt il-Kapitolu 3 "Approssimazzjoni ta' liġijiet":

Artikolu 114

(ex Artikolu 95 TKE)

1. Ħlief fejn provdut xort'oħra fit-Trattati, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kisba tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 26. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b'regolamenti jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.

[...]

Taħt it-Titolu XX "L-Ambjent":

Artikolu 192

(ex Artikolu 175 TKE)

1. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jiddeċiedu liema azzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni sabiex twettaq l-objettivi msemmija fl-Artikolu 191.

2. B'deroga għall-proċedura ta' deċiżjoni prevista fil-paragrafu 1 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 114, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'mod unanimu skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni għandu jadotta:

(a) dispożizzjonijiet essenzjalment ta' natura fiskali;

(b) miżuri li jaffettwaw:

— ippjanar tal-art;

— immaniġġjar kwantitattiv tar-riżorsi tal-ilma, jew dak kollu li jaffettwa, direttament jew indirettament, id-disponibbiltà ta' dawn ir-riżorsi;

— użu tal-art, bl-eċċezzjoni tal-immaniġġjar tal-iskart;

(c) miżuri li jaffettwaw b'mod sinifikanti l-għażla ta' Stat Membru bejn fonti differenti ta' enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija.

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, jista' jagħmel il-proċedura leġiżlattiva ordinarja applikabbli għall-oqsma previsti fl-ewwel subparagrafu.

3. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jadottaw programmi ta' azzjoni ġenerali li jistabbilixxu l-objettivi prijoritarji li għandhom jitwettqu.

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi għandhom jiġu adottati skont il-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 jew 2, skont il-każ.

[...]

Taħt it-Titolu XXI "Enerġija":

Artikolu 194(2)

2. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-kisba tal-objettivi previsti fil-paragrafu 1. Dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni. Dawn m'għandhomx jolqtu d-dritt ta' Stat Membru li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi ta' enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn riżorsi differenti ta' enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta' enerġija tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 192(2)(c).

Skont is-Seba' Parti tat-TFUE intitolata "Dispożizzjonijiet ġenerali u finali":

Artikolu 337

(ex Artikolu 284 TKE)

Biex twettaq il-kompiti fdati lilha, il-Kummissjoni tista' tiġbor kull tagħrif u tagħmel il-verifiki kollha meħtieġa fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

Barra minn hekk, minħabba l-kontroreferenzi magħmula, għandhom jiġu kkunsidrati l-Artikoli li ġejjin:

Artikolu 26

(ex Artikolu 14 TKE)

1. L-Unjoni għandha tadotta miżuri bil-ħsieb li tistabbilixxi jew li tassigura l-funzjonament tas-suq intern, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.

2. Is-suq intern għandu jikkomprendi arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

3. Il-Kunsill li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni għandu jistabbilixxi l-linji gwida u l-kondizzjonijiet meħtieġa sabiex jiżguraw progress bilanċjat fis-setturi kollha interessati.

Artikolu 90

(ex Artikolu 70 TKE)

Rigward il-materji f'dan it-Titolu, l-objettivi tat-Trattati għandhom jiġu segwiti fil-kwadru ta' politika komuni tat-trasport.

Artikolu 191(1)

(ex Artikolu 174 TKE)

1. Il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent għandha tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-għanijiet li ġejjin:

— salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent;

— ħarsien tas-saħħa tal-bniedem;

— użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali;

— promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima.

Artikolu 194(1)

1. Fil-kuntest tal-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u b'kont meħud tal-ħtieġa ta' preservazzjoni u titjib tal-ambjent, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija għandha timmira li, fi spirtu ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri:

(a) tassigura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija;

(b) tassigura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni;

(c) tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar fl-użu tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta' forom

ta' enerġija ġodda u rinnovabbli; u

(d) tippromwovi l-interkonnessjoni ta' netwerks tal-enerġija.

III – Ġurisprudenza tal-QĠUE dwar l-għażla tal-bażi legali

Il-Qorti tal-Ġustizzja tradizzjonalment qieset il-kwistjoni ta' bażi legali xierqa bħala waħda ta' importanza kostituzzjonali, li tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi (l-Artikolu 5 tat-TUE) u tiddetermina n-natura u l-ambitu tal-kompetenza tal-Unjoni[3]. Għaldaqstant, l-għażla ta' bażi legali mhix diskrezzjonali. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, "l-għażla tal-bażi legali ta' att Komunitarju għandha tiġi bbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom, b'mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att[4]." Għalhekk, l-għażla ta' bażi legali żbaljata tista' tiġġustifika l-annullament tal-att inkwistjoni. F'dan il-kuntest, l-għażla tal-bażi legali ma tistax tiddependi sempliċement mill-konvinzjoni tal-istituzzjoni fir-rigward tal-objettiv mixtieq. Ix-xewqa tal-istituzzjoni li jkun hemm parteċipazzjoni aktar attiva fl-adozzjoni ta' att partikolari, f'liema ċirkustanzi jkun ġie adottat l-att, kif ukoll il-ħidma li tkun saret f'aspetti oħra fl-ambitu tal-azzjoni koperta minn att partikolari, huma wkoll irrilevanti biex tiġi identifikata l-bażi legali korretta[5].

Jekk eżami ta' miżura juri li jkollha skop doppju jew ikun fiha komponent doppju u wieħed minnhom ikun identifikabbli bħala l-iskop jew il-komponent ewlieni jew predominanti, filwaqt li l-ieħor ikun biss inċidentali, dik il-miżura għandha tkun ibbażata fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik li jirrikjedi l-iskop jew il-komponent ewlieni jew predominanti[6]. Madankollu, meta miżura jkollha diversi objettivi jew komponenti kontemporanji, li jkunu marbuta b'mod inseparabbli, mingħajr ma wieħed ikun sekondarju u indirett meta mqabbel mal-ieħor/mal-oħrajn, din il-miżura għandha tkun ibbażata fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti[7], jekk il-proċeduri previsti għall-bażijiet legali rispettivi ma jkunux inkompatibbli mad-dritt tal-Parlament Ewropew u ma jimminawhx[8].

IV – Għan u kontenut tal-proposta

L-għan tal-proposta, kif iddikjarat mill-Kummissjoni fil-memorandum ta' spjegazzjoni tagħha, huwa "li jgħin lill-Kummissjoni tissorvelja u tinforza r-regoli tas-suq intern billi jippermettilha tikseb informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva komprensiva u affidabbli b'mod tempestiv mingħand atturi partikolari fis-suq permezz ta' talbiet għall-informazzjoni mmirati b'mod restrittiv." Il-Kummissjoni tkompli billi tgħid li "[d]in l-inizjattiva għandha l-għan li ttejjeb l-aċċess tal-Kummissjoni għal informazzjoni tas-suq neċessarja biex din twettaq il-kompiti tagħha skont l-Artikolu 17 tat-TUE, bl-għan li tindirizza problemi serji fl-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern."

Il-premessa 23 tistipula li l-għan tal-proposta hu "l-iffaċilitar tal-aċċess mill-Kummissjoni għal informazzjoni tas-suq li hi neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tagħha biex tikseb funzjonament mingħajr intoppi tas-suq intern [...]".

Fil-premessa 1, il-Kummissjoni tispjega li "[f]'ċerti każijiet, informazzjoni subottimali li taffettwa l-azzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-suq intern iżżid ir-riskju li jitfaċċaw diffikultajiet għall-kummerċ fis-suq intern li jirriżultaw minn attivitajiet nazzjonali mhux koordinati ta' infurzar jew minn żvilupp differenti ta' soluzzjonijiet regolatorji nazzjonali għal dawn il-problemi." Il-premessa 3 tistipula: "[l]-identifikazzjoni u, fejn xieraq, l-indirizzar ta' diffikultajiet bħal dawn b'mod effiċjenti u effettiv jeħtieġ aċċess tempestiv għal informazzjoni tas-suq kwantitattiva u kwalitattiva li hi komprensiva, preċiża u affidabbli."

Meta taġixxi bħala gwardjan tat-Trattati skont l-Artikolu 17(1) tat-TUE, b'mod partikolari, il-Kummissjoni tkun teħtieġ aċċess għall-informazzjoni fattwali rilevanti kollha. Madankollu, il-Kummissjoni mhux dejjem tkun tista' toqgħod fuq l-informazzjoni mogħtija mill-ilmentaturi jew mill-Istati Membri (il-premessa 5). Il-premessa 4 tfakkar li l-Kummissjoni m'għandhiex setgħat investigattivi biex tinforza d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-suq intern u li s-setgħat investigattivi eżistenti relatati mar-regoli tal-kompetizzjoni huma "limitati mill-bażi ġuridika tagħhom għal oqsma ddefiniti u ma jippermettux il-ġbir u l-użu tal-informazzjoni miġbura għal skopijiet oħra ta' politika relatata mas-suq intern."

Huwa għalhekk li, kif stipulat fil-premessa 8, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li, bħala l-aħħar alternattiva, titlob lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet tal-impriżi jagħtuha direttament, u b'mod tempestiv, informazzjoni tas-suq kwantitattiva u kwalitattiva li tkun preċiża u affidabbli, jekk ma jkunx hemm sorsi oħra ta' informazzjoni disponibbli, jew jekk dawn ikunu insuffiċjenti jew inadegwati u allura ineffikaċi.

L-iskop ta' tali awtorizzazzjoni hu "li tipprovdi lill-Kummissjoni b'ħila addizzjonali ta' ġbir ta' informazzjoni meta din tkun meħtieġa strettament għat-twettiq tal-kompitu inkarigat lill-Kummissjoni mit-TFUE biex tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-għan li jiġi stabbilit u żgurat il-funzjonament tas-suq intern." (il-premessa 10). Il-premessa 10 tiċċara li "[t]-tali awtorizzazzjoni ma għandhiex l-għan li toħloq setgħat ta' infurzar ġodda għall-Kummissjoni bħal, b'mod partikolari, is-setgħat li tieħu passi dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-suq intern kontra parteċipanti individwali fis-suq."

Il-premessa 10 tiċċara wkoll li "[f]l-interess tal-istabbiliment ta' suq intern li jaħdem bis-sħiħ", il-kamp ta' applikazzjoni tas-SMIT ikopri setturi ekonomiċi fi ħdan is-suq intern li għalih it-TFUE ppreveda politiki komuni, jiġifieri l-agrikoltura u s-sajd (eskluża l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar), it-trasport, l-ambjent u l-enerġija.

Il-premessa 12 tiddisponi li "[t]-talbiet għal informazzjoni huma mmirati biex isolvu problema preżunta serja [...] fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-oqsma tas-suq intern, tal-agrikoltura u tas-sajd (eskluża l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marini), tat-trasport, tal-ambjent u tal-enerġija."

Fil-premessa 14, il-Kummissjoni tindika li "[l]-miżura ta' investigazzjoni [...] hi partikolarment siewja għall-iżgurar tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-suq intern mill-Kummissjoni" u "[h]i siewja wkoll għal kwalunkwe azzjoni ta' infurzar sussegwenti mill-Istati Membri kkonċernati li tkun teħtieġ l-użu tal-informazzjoni rilevanti miġbura bl-użu ta' din is-setgħa u ddivulgata mill-Kummissjoni lill-Istati Membri kkonċernati" u "tista' tkun utli wkoll [...] biex tikkontribwixxi għat-tiswir jew għat-tfassil ta' soluzzjonijiet regolatorji." Il-premessa 15 tistipula li "[j]enħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' tinfurza l-konformità mat-talbiet għal informazzjoni [...] permezz ta' multi u ta' ħlasijiet perjodiċi ta' penali proporzjonati imposti permezz ta' deċiżjoni." Fl-aħħar nett, fil-premessa 20, il-Kummissjoni tammetti "l-eċċezzjonalità tal-miżura ta' investigazzjoni prevista f'dan ir-Regolament[...]."

Fir-rigward tal-kontenut, l-Artikolu 1 jispjega li r-Regolament jistabbilixxi regoli dwar il-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tista' titlob lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta' impriżi jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti li l-Kummissjoni hija inkarigata li twettaq b'rabta mal-oqsma msemmija fl-Artikolu 2 u l-proċedura biex tintalab din l-informazzjoni. L-oqsma msemmija fl-Artikolu 2 huma s-suq intern, kif imsemmi fl-Artikolu 26(2) tat-Trattat, l-agrikoltura u s-sajd (għajr il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar), it-trasport, l-ambjent u l-enerġija. L-Artikolu 3 jagħti d-definizzjonijiet ta' mikroimpriża, impriża żgħira u impriża medja. L-Artikolu 4 jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li titlob informazzjoni direttament mingħand impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi biex tindirizza diffikultà serja fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun qed tirriskja li timmina t-twettiq ta' objettiv importanti tal-politika tal-Unjoni. L-Artikolu 5(2)(a) jirreferi għal dik l-allegata diffikultà serja bħala waħda li jkollha dimensjoni transkonfinali.

Fil-Kapitolu II, il-proposta tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura biex tintalab l-informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tuża s-SMIT bħala l-aħħar alternattiva biss, meta l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni ma tkunx suffiċjenti jew adegwata u ma tkunx tista' tinkiseb fil-ħin għal lista eżawrjenti ta' raġunijiet. Fil-Kapitolu III, il-proposta tiddisponi sanzjonijiet f'każ li l-impriża ma tipprovdix informazzjoni jew tipprovdi biss informazzjoni inkompluta, ineżatta jew qarrieqa, u tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li timponi multi u ħlasijiet ta' penali perjodiċi.

V – Analiżi u determinazzjoni tal-bażi legali xierqa

Il-Kummissjoni bbażat il-proposta fuq l-Artikoli 43(2), 91, 100, 114, 192, 194(2) u 337 tat-TFUE.

F'dokument informali mħejji mis-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-għażla tal-bażijiet legali invokati fil-proposta, issir distinzjoni bejn żewġ settijiet ta' bażijiet legali: fuq naħa l-Artikolu 337 tat-TFUE u, fuq in-naħa l-oħra, l-Artikolu 114 tat-TFUE kif ukoll l-Artikoli 43(2), 91, 100, 192 u 194(2).

L-Artikolu 337 tat-TFUE jippermetti lill-Kummissjoni tiġbor kwalunkwe informazzjoni u tagħmel il-verifiki kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti fdati lilha fil-limiti u bil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 114 tat-TFUE huwa l-bażi legali xierqa għal miżuri ta' approssimazzjoni ġenwinament immirati lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern billi jiġi eliminat jew evitat il-ħolqien ta' ostakli għal-libertajiet fundamentali jew kwalunkwe tgħawwiġ tal-kompetizzjoni[9].

B'konformità mal-Artikolu 43(2) tat-TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, bis-saħħa tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli prevista fl-Artikolu 40(1) kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika agrikola komuni u tal-politika komuni tas-sajd.

Skont l-Artikolu 91 tat-TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, bis-saħħa tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jadottaw kull dispożizzjoni xierqa bil-għan li jintlaħqu l-objettivi tat-Trattati fil-qafas ta' politika komuni għat-trasport. L-Artikolu 91 tat-TFUE japplika għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (l-Artikolu 100(1) tat-TFUE). Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, bis-saħħa tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet xierqa għat-trasport bil-baħar u bl-ajru.

L-Artikolu 192 jiddisponi l-adozzjoni ta' miżuri fil-qasam tal-ambjent. L-Artikolu 192(1) tat-TFUE jiddisponi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, bis-saħħa tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jiddeċiedu dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Unjoni sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent. Ċerti miżuri li jaqgħu fi ħdan il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent huma adottati mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament skont proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew (Artikolu 192(2)). Skont l-Artikolu 192(3), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, bis-saħħa tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jadottaw programmi ta' azzjoni ġenerali li jistabbilixxu l-objettivi prijoritarji li għandhom jintlaħqu.

Skont l-Artikolu 194(2) tat-TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, bis-saħħa tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar l-enerġija.

Skont il-Qorti, il-bażi legali ta' att għandha tkun determinata mill-għan u l-kontenut tiegħu.

Kif imsemmi hawn fuq, l-għan iddikjarat tal-proposta huwa li l-Kummissjoni tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha fdati lilha mit-TFUE biex tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-objettiv li jiġi stabbilit u żgurat il-funzjonament tas-suq intern. B'mod aktar speċifiku, l-objettiv ewlieni tas-SMIT huwa li l-Kummissjoni tingħata għodda għall-ġbir tal-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti fdati lilha mit-Trattat b'rabta ma' ċerti oqsma.

Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 337 tat-TFUE jagħti kompetenza ġenerali lill-Kummissjoni biex tiġbor kwalunkwe informazzjoni meħtieġa sabiex twettaq il-kompiti fdati lilha mit-Trattati, bil-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti mill-Kunsill. Din id-dispożizzjoni tifforma l-bażi legali għall-atti li jikkonċernaw l-attività ġenerali ta' ġbir ta' informazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, sabiex ma jkunx hemm bżonn li tali atti jkunu bbażati fuq id-diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat li jagħtu kompiti speċifiċi lill-Kummissjoni u mingħajr il-ħtieġa li tali ġbir ikun meħtieġ sabiex jintlaqħu l-objettivi ta' politika partikolari tal-UE[10].

Il-Qorti ddikjarat li, sabiex jiġi determinat jekk il-bażi legali ta' att tal-Unjoni li jkollu l-għan li tinġabar informazzjoni f'settur speċifiku tkunx l-Artikolu 337 TFUE jew bażi legali speċifika, għandu jiġi eżaminat jekk dak l-att, fl-għan u l-kontenut tiegħu, jistax jitqies bħala neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi assenjati speċifikament lill-politika tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni.

L-Artikolu 2 tal-proposta jistipula li s-SMIT għandu japplika f'oqsma speċifiċi. Għalhekk, huwa marbut mill-qrib mal-objettivi tal-politiki tal-Unjoni elenkati f'dak l-Artikolu. Madankollu, l-għodda ta' informazzjoni hija parti minn strateġija ġenerali ta' infurzar immirata lejn it-titjib tal-konformità ġenerali mar-regoli tas-Suq Uniku u d-dritt tal-Unjoni b'mod ġenerali. Il-ġbir ta' informazzjoni li tista' twettaq il-Kummissjoni huwa biss dak magħmul bil-ħsieb li jgħin lill-Kummissjoni twettaq il-kompiti tagħha b'rabta mal-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni. Ma jidhirx li l-proposta tiddisponi xi regoli li jinkorporaw is-SMIT fil-qafas tar-regoli tal-Unjoni dwar is-suq intern jew xi wieħed mis-setturi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 2 tal-proposta. Jidher li l-iskop tas-SMIT mhuwiex li jintlaħqu l-objettivi assenjati speċifikament lil waħda jew aktar mill-politiki speċifiċi tal-Unjoni iżda pjuttost li jiġu solvuti d-diffikultajiet fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f'oqsma speċifiċi.

Fid-dawl ta' dan, minħabba n-natura orizzontali tas-SMIT u l-fatt li r-rabta mal-oqsma ta' politika elenkati fl-Artikolu 2 tidher pjuttost inċidentali, l-Artikoli 43(2), 91, 114, 100, 192 u 194(2) mhumiex bażijiet legali xierqa għall-proposta.

Fir-rigward tal-Artikolu 337 tat-TFUE, ta' min wieħed jinnota li l-proposta mhux biss tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li titlob informazzjoni mingħand impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi. Fil-fatt, il-proposta tistipula li hija tistabbilixxi miżura ta' investigazzjoni eċċezzjonali għall-Kummissjoni kif ukoll miżura ta' infurzar. B'mod partikolari, il-Kapitolu III dwar multi u ħlasijiet ta' penali perjodiċi juri xebh qawwi mad-dispożizzjonijiet marbuta ma' sanzjonijiet fir-Regolament (KE) Nru 1/2003, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589. Madankollu, il-bażi legali għal dawn l-atti li tippermetti li jsiru dispożizzjonijiet għal multi u ħlasijiet ta' penali perjodiċi hija limitata strettament għal każijiet ta' kompetizzjoni, hija prevista speċifikament fit-Trattat, ma tirrikjedix rikors għall-Artikolu 339 tat-TFUE u mhijiex applikabbli għal politiki oħra relatati mas-suq intern. Fil-każ tas-SMIT, il-bażi legali prevista mill-Kummissjoni, jiġifieri l-Artikolu 337 tat-TFUE, jagħtiha biss is-setgħa li tiġbor informazzjoni u twettaq il-kontrolli meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti fdati lilha mingħajr ma tagħtiha setgħat addizzjonali f'dak ir-rigward.

VI – Konklużjoni u rakkomandazzjoni

Fid-dawl ta' li ntqal hawn fuq, għandu jiġi konkluż li l-Artikoli 43(2), 91, 114, 100, 192 u 194(2) tat-TFUE mhumiex bażijiet legali xierqa għas-SMIT kif proposta mill-Kummissjoni u li l-għan u l-kontenut attwali tal-proposta jmorru lil hinn mis-setgħat stipulati fl-Artikolu 337 tat-TFUE.

Fil-laqgħa tal-10 ta' Settembru 2018, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali ddeċieda – bi 12-il vot favur, l-ebda vot kontra u żewġ astensjonijiet[11] – li jirrakkomanda li l-Artikoli 43(2), 91, 114, 100, 192 u 194(2) tat-TFUE mhumiex bażijiet legali xierqa għas-SMIT kif proposta mill-Kummissjoni u li l-għan u l-kontenut attwali tal-proposta jmorru lil hinn mis-setgħat stipulati fl-Artikolu 337 tat-TFUE.

Dejjem tiegħek,

Pavel Svoboda

  • [1]  COM(2017) 257 final.
  • [2]  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji – 28.10.2015, COM(2015) 550 final, p. 17.
  • [3]  Opinjoni 2/00 [2001] Ġabra I-9713, punt 5.
  • [4]  Kawża C-411/06, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill [2009] Ġabra I-7585, punt 45
  • [5]  Kawża C-269/97, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill [2000] Ġabra I-2257, punt 44.
  • [6]  Kawża C-491/01, British American Tobacco (Investments) and Imperial Tobacco, EU:C:2002:741, punt 94; T-526/10, Inuit Tapiriit Kanatami, EU:T:2013:215, punt 66.
  • [7]  Kawża C-211/01, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, [2003] Ġabra I-08913, punt 40; Kawża C-178/03, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill [2006] Ġabra I-107, punti 43-56.
  • [8]  Kawża C-300/89, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill ("Dijossidu tat-titanju"), [1991] Ġabra I-2867, punti 17-25; Kawża C-268/94, Il-Portugall vs Il-Kunsill, [1996] Ġabra I-6177.
  • [9]  Ara, pereżempju, il-Kawża C-217/04 Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u l-Kunsill (ENISA) [2006] Ġabra I-3771, punt 42.
  • [10]  Kawża C-490/10, Il-Parlament vs Il-Kunsill, EU:C:2012:525, punti 63-64.
  • [11]  Kienu preżenti għall-votazzjoni finali: Pavel Svoboda (President), Mady Delvaux, Laura Ferrara (Viċi President), Axel Voss (rapporteur għal opinjoni), Alex Mayer (f'isem Mary Honeyball skont l-Artikolu 200(2)), Joëlle Bergeron, Geoffroy Didier, Pascal Durand, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Julia Reda, Evelyn Regner, Virginie Rozière, Francis Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka.

PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

L-istabbiliment tal-l-kundizzjonijiet u l-proċedura li permezz tagħhom il-Kummissjoni tista’ titlob lil impriżi u lil assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jipprovdu l-informazzjoni relatata mas-suq intern u ma’ oqsma relatati

Referenzi

COM(2017)0257 – C8-0140/2017 – 2017/0087(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

2.5.2017

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

IMCO

31.5.2017

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

31.5.2017

JURI

31.5.2017

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

ECON

29.5.2017

JURI

29.5.2017

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Eva Maydell

30.5.2017

 

 

 

Bażi legali kkontestata

       Data tal-opinjoni tal-JURI

JURI

10.9.2018

 

 

 

Eżami fil-kumitat

11.10.2017

21.11.2017

11.7.2018

 

Data tal-adozzjoni

12.7.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Pascal Arimont, Dita Charanzová, Carlos Coelho, Sergio Gaetano Cofferati, Anna Maria Corazza Bildt, Daniel Dalton, Nicola Danti, Dennis de Jong, Pascal Durand, Maria Grapini, Liisa Jaakonsaari, Eva Maydell, Marlene Mizzi, Nosheena Mobarik, Jiří Pospíšil, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Jasenko Selimovic, Ivan Štefanec, Catherine Stihler, Richard Sulík, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mylène Troszczynski, Mihai Ţurcanu, Anneleen Van Bossuyt, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Biljana Borzan, Birgit Collin-Langen, Julia Reda, Marc Tarabella, Matthijs van Miltenburg, Sabine Verheyen

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Isabella De Monte, Sylvie Goddyn

Data tat-tressiq

12.9.2018

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

31

+

ALDE

Dita Charanzová, Matthijs van Miltenburg, Jasenko Selimovic

ECR

Daniel Dalton, Nosheena Mobarik, Richard Sulík, Anneleen Van Bossuyt

EFDD

Marco Zullo

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Asim Ademov, Pascal Arimont, Carlos Coelho, Birgit Collin-Langen, Anna Maria Corazza Bildt, Eva Maydell, Jiří Pospíšil, Andreas Schwab, Ivan Štefanec, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mihai Ţurcanu, Sabine Verheyen

S&D

Biljana Borzan, Sergio Gaetano Cofferati, Nicola Danti, Isabella De Monte, Maria Grapini, Liisa Jaakonsaari, Marlene Mizzi, Christel Schaldemose, Olga Sehnalová, Catherine Stihler

4

-

EFDD

John Stuart Agnew

S&D

Marc Tarabella

VERTS/ALE

Pascal Durand, Julia Reda

2

0

ENF

Sylvie Goddyn, Mylène Troszczynski

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 21 ta' Settembru 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza