Tħejjija tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018 (dibattitu)
David Casa (PPE). – Sur President, iva, l-ikbar sfida għalina fis-snin li ġejjin, jiġifieri l-abbiltà li nsibu bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u sostenibbli - u allura qed nistaqsu kif se nindirizzaw dan?
Hu essenzjali li l-ħaddiema jkunu kapaċi jaddattaw irwieħhom u jsibu impjieg li jkun paragunabbli mal-kwalifiċi tagħhom u jkunu kapaċi jittrasferixxu l-ħiliet tagħhom bejn negozju u ieħor, u bejn industrija u oħra. It-taħriġ u t-tagħlim huwa neċessarju sabiex nassiguraw li t-tkabbir fl-impjiegi jkun imqabbel mal-provvista tax-xogħol, u dan jgħodd mhux biss għal dawk il-ħaddiema ta’ età avvanzata iżda wkoll għal dawk li jkunu daħlu fid-dinja tax-xogħol għall-ewwel darba.
Irridu ninvestu fil-ħaddiema sabiex inkunu nistgħu nħaddmu potenzjal sħiħ tas-suq diġitali u forom ġodda ta’ xogħol. Il-pajjiżi Membri għandhom jiġu inkoraġġuti sabiex jinvestu fi programmi ta’ tagħlim ta’ matul il-ħajja għall-ħaddiema kollha f’kull qasam. Irridu wkoll nanalizzaw is-swieq tax-xogħol sabiex insibu l-bilanċ ġust bejn it-taħriġ vokazzjonali u dak universitarju, sabiex b’hekk nissodaw il-ħolqa bejn id-domanda u l-provvista tas-suq tax-xogħol.
It-trawwim u l-istimular tal-intraprenditorija huwa kruċjali, ukoll f’termini nassiguraw it-tkabbir u s-salvagwardjar fi ħdan swieq tax-xogħol diversi. It-tieni ħaġa hija li l-intreprenditorija ma tgħoddx biss għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu l-impjieg, imma għal dawk li jkunu qegħdin joħolquhom ukoll.