Analiżi
 

L-interpreti tal-Parlament Ewropew

Istituzzjonijiet - 12-04-2006 - 09:01
Aqsam ma' ħaddieħor

Il-Parlament Ewropew spiss ġie mqabbel mat-Torri ta’ Babel f’termini tan-numru ta’ lingwi mitkellma fi ħdan il-ħitan tiegħu. Madankollu, filwaqt li fit-Torri ta’ Babel ma kienx hemm komunikazzjoni, huwa ċar li fil-Parlament Ewropew din il-problema ma teżistix. Id-differenza hija dovuta għall-interpreti: bihom, il-membri tal-Parlament jistgħu jitkellmu bil-lingwa tagħhom u xorta waħda jiġu mifhuma.

Il-MPE jiġu eletti sabiex jirrappreżentaw il-kostitwenzi politiċi u mhux fuq il-bażi ta’ l-abbiltajiet lingwistiċi tagħhom. Sabiex il-Parlament jagħti lil kulħadd dak li ħaqqu, il-MPE kollha għandhom id-dritt jużaw il-lingwa uffiċjali li jixtiequ jużaw matul il-laqgħat. Dan id-dritt huwa ddikjarat b’mod ċar fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew.
 
Il-PE huwa l-aktar post li jħaddem interpreti fid-dinja bi 350 interpretu permanenti, li magħhom jiżdiedu madwar 400 freelancer fil-perjodi li fihom ikun hemm l-aktar xogħol.
 
Kull meta jkun hemm laqgħa parlamentari, l-interpreti huma preżenza familjari. Jaħdmu minn kabini sound-proof li jinsabu matul il-kmamar tal-laqgħa. Huma jittrasmettu b’mod preċiż il-messaġġ tal-kelliem f’sa 20 lingwa uffiċjali ta’ l-UE. Filwaqt li l-udjenza tkun tista’ tarahom, dawn qatt ma jkollhom l-attenzjoni mitfugħa fuqhom. Huma l-vuċi tal-kelliema kollha.
 
 
Ref.: 20060403FCS06935

Xi fatti u figuri

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmiss
 
Tim ta’ interpreti waqt xogħolhom - © EP Photo Service

Interpretu tal-PE fuq ix-xogħol

Kollox beda b’erba’ lingwi (il-Franċiż, il-Ġermaniż, it-Taljan, l-Olandiż), lura fis-snin ħamsin, meta l-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Olanda stabbilixxew il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. Erba’ lingwi jfisser biss 12-il kombinazzjoni lingwistika, għalhekk l-interpretazzjoni mxiet mingħajr intoppi. Tkabbir gradwali sa l-1995 ġab miegħu aktar lingwi u żied il-kumplikazzjonijiet, b’mod partikolari per eżempju għall-Finlandiż, meta wieħed iqis li ftit nies li ma kienux Finlandiżi kienu jitkellmuh. Is-soluzzjoni kienet ‘l hekk imsejħa s-sistema “retour” li biha wieħed jittraduċi mill-ilsien nattiv għal lingwa oħra. Normalment, l-interpreti jaħdmu minn lingwa barranija għal-lingwa nattiva; l-interpreti Finlandiżi kienu l-ewwel nies li użaw ir-“retour” fl-1995.
 
L-espansjoni ta’ l-2004 kważi dduplikat in-numru ta’ lingwi użati fil-Parlament. Għajr Ċipru li juża l-Grieg, l-Istati Membri l-ġodda ġabu l-lingwi tagħhom (iċ-Ċek, l-Estonjan, il-Latvjan, il-Litwan, l-Ungeriż, il-Malti, il-Pollakk, l-Islovakk u l-Isloven). Li jinstabu interpreti bil-ħiliet lingwistiċi addattati ma kienitx ħaġa faċli, speċjalment mil-lingwi l-inqas mitkellma, inkluż il-Malti, li 400,000 ruħ biss titkellmu.
 
Illum, il-Parlament Ewropew jaħdem b’20 lingwa, li jfisser li jista’ jkun hemm 380 kumbinazzjoni. L-użu tas-sistema ta’ “retour” żdied kif għamel dak ta’ l-interpretazzjoni permezz ta’ “relay”, li biha, lingwa tiġi tradotta f’oħra permezz ta’ tielet lingwa wżata bħala pern. Madankollu filwaqt li l-interpreti  jitgħallmu lingwi ġodda, aktar diskorsi sejrin jiġu interpretati direttament. L-interpreti jaħdmu bħala tim; bi 3 f’kull kabina. It-tim sħiħ għal seduta plenarja huwa ta’ 60 interpretu.
 
U dan ma jieqafx hawn, għax bir-Rumanija u l-Bulgarija li huma mistennija li jissieħbu fl-2007, l-interpreti diġà bdew xogħol sabiex jipprovdu lill-osservaturi kompatrijotti tagħhom bil-possibbiltà li jisimgħu d-dibattiti Parlamentari fil-lingwa nattiva. Fil-futur, il-Parlament jista’ jintalab jipprovdi interpretazzjoni għall-Irlandiż. Il-Kroazja u l-Maċedonja applikaw sabiex jissieħbu fl-UE. Hemm proposta mill-Gvern Spanjol sabiex jiżdiedu l-Katalan, il-Galizjan u l-Bask matul seduti plenarji. U l-lista dejjem tiżdied!
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmiss

Li nkun jew ma nkunx interpretu... dik hi l-problema

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
Tim ta’ interpreti waqt xogħolhom - © EP Photo Service

Interpreti jitkellmu u jisimgħu fl-istess ħin

L-interpreti jitkellmu bil-lingwa tagħom perfettament u jkollhom livell tajjeb ħafna f'zewġ lingwi oħra. “Sabiex wieħed isir interpretu, irid ikun iħobb il-lingwi,” tgħid Gertrud Dietze, interpretu Ġermaniż, “irid ikun iħobb l-isforz meħtieġ sabiex jitgħallem u jżomm livell għoli tal-lingwa”. Bosta interpreti jaħdmu b’erba’ jew b’ħames lingwi, oħrajn b’sebgħa jew bi tmienja, u jafuhom ilkoll tajjeb ħafna. Huwa essenzjali għalihom li jifhmu perfettament dak li jkun qiegħed jingħad minħabba li ma għandhomx ħin jiftħu dizzjunarju jew jistaqsu lill-kollegi tagħhom; interpretu jiddependi biss fuqu nnifsu.
 
Madankollu, l-għarfien ta’ lingwa huwa biss għodda; l-interpretazzjoni tinvolvi li jitwassal il-messaġġ ta’ diskors. Bosta persuni jistgħu jitkellmu lingwi b’mod elokwenti, iżda ftit minnhom huma interpreti tajbin. Hija ħila li teħtieġ li tiġi mgħallma.
 
Minħabba li l-firxa ta’ suġġetti koperti fid-dibattiti parlamentari hija kważi bla limitu, l-interpretu huwa meħtieġ li jkollu għerf ġenerali solidu u ħila fl-oqsma kollha ta’ l-attività ta’ l-UE. Li interpretu jkun familjari ma’ l-opinjonijiet politiċi tal-MPE jgħin sabiex ikun jista’ jifhem aħjar l-intenzjonijiet tal-kelliem, ‘l hinn mis-sempliċi kliem.
 
L-interpreti huma komunikaturi, dak li jħossu fuq dak li jkunu qiegħed jingħad huwa irrelevanti. “Jien nagħmel lin-nies jifhmu lil xulxin jgħidu x’jgħidu, anki jekk jgħidu bil-maqlub ta’ dak li nemmen li hu veru jien,” qalet is-Sinjorina Dietze. “Aħna imparzjali u dan huwa aktar faċli għal dawk li għandhom talent fir-reċtar, li jistgħu jpoġġu lilhom infushom fil-mod ta’ ħsieb tal-kelliem...tkun fuq l-istess linja tiegħu”.
 
Xogħol l-interpretu
 
L-interpretazzjoni mhijiex traduzzjoni kelma b’kelma iżda t-trasmissjoni ta’ messaġġ, irċevut f’lingwa u mwassal b’mod preċiż f’lingwa oħra. Minħabba li jridu jaħdmu f’dak il-ħin stess li jkun qiegħed jingħad id-diskors, l-interpreti jridu jaħdmu taħt pressjoni, simultanjament jgħaddu l-messaġġ tad-diskors oriġinali f’lingwa oħra. Huma jisimgħu u jitkellmu fl-istess ħin, għalhekk jisimgħu b’għażla, għax jiffukaw fuq il-messaġġ aktar milli fuq il-kliem.
 
Minħabba li ftit għandhom ħin biex jaħsbu fil-kabini, l-interpreti jqattgħu ħafna ħin iħejju minn qabel, jaqraw dokumenti relevanti fil-lingwi li jkunu se jaħdmu bihom, filwaqt li jippruvaw iżommu l-pass mal-bidliet u mat-termini l-ġodda. Parti essenzjali oħra tax-xogħol hija l-qari tal-gazzetti b’mod regolari u f’lingwi differenti, sabiex iżommu lilhom infushom aġġornati bis-sitwazzjoni politika internazzjonali u bl-aħħar żviluppi. “Trid tifhem il-kunċetti, imbagħad l-affarijiet jiġu għandek b’mod naturali; inkella jkollok tħaffef u teħel b’ċertu kliem,” qalet is-Sinjorina Dietze.
 
Ħafna laqgħat Parlamentari jsiru fi Strasburgu u fi Brussell, iżda hemm ħinijiet meta jsiru f’pajjiżi oħra. Dan ifisser li l-interpreti jridu jivvjaġġaw ħafna. Huwa xogħol li jgħajjik, iżda interessanti u opportunità tajba sabiex wieħed jitgħallem. It-tagħlim tul il-ħajja huwa parti mix-xogħol ta’ l-interpretu: “Rari tgħaddi ġurnata meta nasal id-dar u ma nkunx nista’ ngħid ‘illum tgħallimt xi ħaġa ġdida,’” qalet is-Sinjorina Dietze.
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Mhux paroli biss

Parti ta’ fuq tal-paġnaPreċedenti
 
Console f’kabina li fiha ssir l-interpretazzjoni - © EP Photo Service

Console f’kabina li fiha ssir l-interpretazzjoni

Ix-xogħol ta’ interpretu mhuwiex wieħed faċli kif jista’ jidher minn xi ħadd li muhwiex midħla tiegħu. Il-MPE ftit li xejn iżommu f’moħħhom li d-diskors tagħhom ikun qiegħed jiġi interpretat simultanjament. Għalhekk huma spiss jużaw lingwaġġ kulurit, b’ċajt u logħob bil-kliem, li jista’ jkun diffiċli ferm, jekk mhux impossibbli, biex jiġi tradott. Numri, diskors mgħaġġel u l-qari min-noti jagħmlu l-ħajja ta’ l-interpreti waħda iebsa.
 
Il-logħob bil-kliem huwa sfida kbira għall-interpretu. “Kultant issib li tista’ tittraduċi frażi, għax issib xi ħaġa li hija addattata fil-lingwa tiegħek. Madankollu jeżisti riskju minħabba li din tista’ tiġi interpretata b’mod differenti mill-kliem oriġinali u l-MPE li jkunu qegħdin jisimgħu t-traduzzjoni tiegħek jistgħu jirreaġġixxu għal kliemek milli għal dak li jkun qal il-kelliem oriġinarjament,” qal Bernard Gevaert, interpretu Olandiż.
 
L-ammont ta’ ħin li huwa tassew limitat allokat għal kull persuna matul seduti plenarji jista’ jkun sors ta’ nkwiet. Minħabba li jkunu jridu jgħidu ħafna, il-MPE jitkellmu b’mod mgħaġġel ferm, xi kultant jaqraw minn karta li jkunu ħejjew minn qabel. Diskors mgħaġġel jista’ ma jkunx daqstant ta’ problema jekk il-MPE jagħmel diskors improvviżat; il-problema sseħħ meta l-kelliem jaqra test miktub.
 
“Huwa importanti li tara naqra x'qed jiġri fil-kamra tal-laqgħat”
 
Parti mill-messaġġ li l-interpreti jkollhom jittrasmettu mhuwiex verbali għalhekk iridu jaqbdu kull ħjiel mhux verbali li l-kelliem jagħti bħat-ton tal-vuċi u l-pożizzjoni tal-ġisem. Minħabba dawn l-affarijiet huwa essenzjali li l-interpretu jkun jista’ jara lill-kelliem u lil-udjenza, sabiex jara r-reazzjonijiet differenti.
 
“Il-ħin kollu nkun qegħda nħares madwar il-kamra tal-laqgħa,” tgħid is-Sinjorina Dietze. “Huwa importanti li wieħed jara min dieħel u min ħiereġ, jew affarijiet oħra bħal meta ċ-chairman ikun qiegħed jitkellem f’widnejn l-assistent tiegħu; l-affarijiet jistgħu jieħdu xejra mhux mistennija u jsibuk imħejji/ja jekk tkun ħejjejt għalihom minn qabel.”
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaPreċedenti