Stqarrija

Niżżel l-artiklu fil-format PDF
Seduta plenarja
Adottat il-kompromess dwar il-logħob tan-nar
Konsumatur - 30-11-2006 - 12:44
Il-Parlament adotta kompromess li ntlaħaq mal-Kunsill dwar rapport imħejji fi ħdan il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur dwar it-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi. Il-Membri qablu li regolamenti burokratici li japplikaw għal manifatturi ta' logħob tan-nar li jinbiegħ lil pubbliku m'għandhomx ikunu japplikaw għall-manifatturi artiġjanali li jipproduċu logħob tan-nar li jinħaraq minnhom stess matul festi reliġjużi, kulturali u tradizzjonali.

Skond estimi tal-Kummissjoni, in-numru ta' inċidenti relatati mal-logħob tan-nar jilħqu l-45,000 fis-sena u ħafna drabi jinvolvu t-tfal. Ir-rapporteur Joel HASSE FERREIRA (PES, PT) fakkar li fl-UE, il-liġijiet nazzjonali dwar l-oġġetti pirotekniċi jvarjaw u fil-fatt il-projbizzjonijiet fuq l-użu tal-logħob tan-nar huma differenti minn Stat Membru għall-ieħor. Ir-rapport ġie adottat mill-Parlament b'565 vot favur, 22 kontra u 6 astensjonijiet.
 
Għalhekk, il-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni għandha l-għan li toħloq qafas leġiżlattiv fuq livell Komunitarju li jintroduċi l-kundizzjonijiet meħtieġa ta’ sigurta' minimi. B'hekk għandu jkun żgurat il-moviment ħieles tal-prodotti pirotekniċi waqt li  jittejjeb il-ħarsien ġenerali tal-konsumatur u ta' kull min juża' dawn il-prodotti b'mod professjonali, sabiex jonqsu l-inċidenti.
 
Skond il-Kummissjoni, barra milli jiġi stabbilit livell għoli ta’ ħarsien għall-konsumaturi, benefiċċju ewlieni ieħor ta' din il-leġiżlazzjoni għandu jkun it-tnaqqis tal-piżijiet fuq l-intrapriżi permezz ta’ sistema ta’ approvazzjoni armonizzata biex l-oġġetti pirotekniċi jitqiegħdu fis-suq. Din l-industrija diġa' għandha valur ta' €7 biljun fis-sena u tinkludi il-logħob tan-nar, kif ukoll tagħmir għall-infigħ ta' l-airbags u l-apparat li jissikka minn qabel iċ-ċinturin tas-sigurta' fil-karozzi f’każ ta’ kolliżjoni.
 
Il-bejgħ għall-użu privat
 
Il-Kummissjoni pproponiet li l-oġġetti pirotekniċi jkunu klassifikati f'kategoriji skond it-tip ta’ l-użu tagħhom, l-iskop tagħhom u l-livell ta’ riskju, u hekk kif iddeċieda l-Parlament, skond il-livell ta' ħoss li jagħmlu - għax dawn m'għandhomx ikunu ta' periklu għas-saħħa tal-bniedem. Il-MPE qablu dwar restrizzjonijiet fuq l-eta' minima għal min ikun ser jixtri jew juża l-logħob tan-nar:
 
Oġġetti tal-logħob tan-nar li jaqgħu taħt Kategorija 1, li jippreżentaw periklu żgħir ħafna u li huma maħsubin biex jintużaw f’żoni limitati, inklużi f’bini domestiku, m'għandhomx ikunu disponibbli għal konsumaturi ta' taħt it-tnax-il sena.
 
Dawk tal-Kategorija 2, li jippreżentaw periklu żgħir u li huma maħsubin biex jintużaw barra, iżda f’żoni limitati, m'għandhomx ikunu disponibbli għal konsumaturi ta' taħt is-sittax-il sena.
 
Dawk tal-Kategorija 3, li jippreżentaw periklu medju u li huma maħsubin biex jintużaw barra f’żoni kbar fil-miftuħ, m'għandhomx ikunu disponibbli għal konsumaturi ta' taħt it-tmintax-il sena.
 
Fil-każ ta' logħob tan-nar fil-Kategoriji 2 u 3, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri ġustifikati minħabba raġunijiet ta' sigurta', orndi pubblika jew ħarsien ambjentali, li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-pussess, l-użu jew il-bejgħ lill-pubbliku ġenerali.
 
Il-proposta tgħid ukoll li dawk il-prodotti li jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sigurta' għandhom jiġu mmarkati bis-simbolu CE. B'hekk għandhom ikunu dawk il-prodotti mmarkati b'dan is-simbolu biss li jistgħu jitqiegħdu fis-suq fl-UE. Dan għandu jiggarantixxi ċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' oġetti pirotekniċi fl-UE, waqt li fl-istess ħin jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumaturi.
 
Il-każ tal-manifatturi artiġjanali għal festi reliġjużi, kulturali u tradizzjonali
 
Il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi wkoll Kategorija 4 għal oġġetti tal-logħob tan-nar li jippreżentaw periklu kbir u li huma maħsubin biex jintużaw biss minn persuni b’għarfien speċjalizzat, jiġifieri għal użu professjonali.
 
Ir-rapport kif adottat mill-Kumitat jirrikonoxxi l-fatt li f'għadd ta' pajjiżi, speċjalment dawk Mediterranji u fosthom Malta, jeżistu tradizzjonijiet kulturali u reliġjużi li fihom manifatturi artiġjanali jipproduċu logħob tan-nar li jinħaraq minnhom stess f'attivitajiet reliġjużi, kulturali u tradizzjonali.
 
Għalhekk il-Parlament adotta emenda li tagħmel parti mill-kompromess li ntlaħaq mal-Kunsill, li tgħid li: "Fir-rigward ta' festi reliġjużi, kulturali u tradizzjonali fl-Istati Membri, logħob tan-nar magħmul minn min jipproduċihom għall-użu tiegħu jew tagħha stess ma jistgħux jitqiesu bħala mqiegħda fis-suq jekk l-Istat Membru japprova l-użu tagħhom fit-territorju tiegħu, u għalhekk m'għandhomx bżonn jikkonformaw ma' din id-Direttiva."
 
Il-proposta tal-Kummissjoni tagħmilha ċara li r-responsabbilta' għal regolamenti oħra dwar daqsijiet ta' murtali, distanzi, ħinijiet ta' spettakli u affarijiet relatati tibqa f'idejn il-gvernijiet nazzjonali.
 
L-importazzjoni tal-logħob tan-nar
 
Ir-rapporteur enfasizza wkoll il-fatt li skond estimi ta' l-2004, 96% tal-logħob tan-nar fis-suq Ewropew kien importat miċ-Ċina. Għalhekk, sabiex ikun żgurat li prodotti manifatturati barra mill-Unjoni jkunu konformi ma' l-istandards ta' sigurta' meħtieġa, il-Membri adottaw emenda li tgħid li f'każ li l-manifattur ma jkunx stabbilit fil-Komunita', l-importatur ta' l-oġġetti pirotekniċi għandu jiżgura li l-manifattur jssodisfa l-obbligi kollha li joħorġu minn din id-direttiva. Inkella l-importatur ikollu jassumi dawn l-obbligi huwa stess.
 
Permezz ta' din il-votazzjoni, intemmet il-proċedura legali u għalhekk id-direttiva tista' tidħol fis-seħħ. Peress li l-manifatturi għandhom jingħataw ċans biex jadattaw għal dan il-qafas legali ġdid, il-Membri ddeċiedew li jestendu l-perjodu ta' transizzjoni għall-implementazzjoni. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jadottaw ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard minn 30 xahar wara l-publikazzjoni tagħha - il-proposta tal-Kummissjoni kienet tgħid 18-il xahar. Barra minn hekk, ser ikollhom tliet snin ċans biex japplikaw id-dispożizzjonijiet għal-logħob tan-nar tal-kategoriji 1,2 u 3 u sitt snin ċans għal-logħob tan-nar tal-kategorija 4, kif ukoll għall-oġġetti pirotekniċi l-oħra.


29/11/2006
Rapporteur : Joel HASSE FERREIRA (PES, PT)
Proċedura: Kodeċiżjoni
Dibattitu: 29.11.06

Ref.: 20061129IPR00713

Għal aktar informazzjoni :It-tqegħid fis-suq ta' oġġetti pirotekniċi
Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2007Avviż legali