Stqarrija
 

L-integrazzjoni Ewropea: paċi u rikonċilazzjoni kontra t-tirannija u l-oppressjoni

Elezzjonijiet 2009 - Ġustizzja u Intern - 02-04-2009 - 13:58
Seduta plenarja
Aqsam ma' ħaddieħor

Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li permezz tagħha ikkundanna "bil-qawwa u b'mod ċar ir-reati kollha kontra l-umanità u l-ksur fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem li twettaq mir-reġimi totalitarji u awtoritarji kollha." L-MEPs ħadu wkoll l-okkażjoni biex jesprimu "rispett lejn il-vittmi kollha tar-reġimi totalitarji u mhux demokratiċi fl-Ewropa" u talbu li t-23 ta' Awissu jsir il-Jum ta' Tifkir mal-Ewropa kollha għall-vittmi ta' kull reġim totalitarju u awtoritarju.

Ir-riżoluzzjoni dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu, adottata b'553 vot favur, 44 kontra u 33 astensjoni, iġġedded l-impenn tal-Parlament Ewropew lejn "Ewropa paċifika u prospera msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem," u tfakkar li l-Unjoni Ewropea għandha responsabilità partikolari biex tippromwovi u tissalvagwardja l-valuri tagħha kemm fit-territorju tagħha kif ukoll fil-bqija tad-dinja.
 
L-MEPs stqarru li l-integrazzjoni Ewropea, bħala mudell għall-paċi u għar-rikonċiljazzjoni, tirrapreżenta "għażla ħielsa mill-popli tal-Ewropa biex jimpenjaw ruħhom lejn futur kondiviż." Huma enfasizzaw l-importanza li jinżammu ħajjin il-memorji tal-passat, minħabba li ma jistax ikun hemm rikonċiljazzjoni mingħajr verità u mingħajr tifkira. Għaldaqstant talbu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu aktar sforzi biex jissaħħaħ it-tagħlim tal-istorja Ewropea għaliex "il-preservazzjoni xierqa tal-memorja storika, valutazzjoni komprensiva mill-ġdid tal-istorja Ewropea u r-rikonoxximent mal-Ewropa kollha tal-aspetti storiċi kollha tal-Ewropa modern għandhom isaħħu l-integrazzjoni Ewropea."
 
Ir-riżoluzzjoni adottata turi wkoll dispjaċir li wara 20 sena mill-waqa' tad-dittatorjati Komunisti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, l-aċċess għad-dokumenti li huma ta' rilevanza personali jew li huma meħtieġa għar-riċerka xjentifika għadu ristrett bla bżonn f'xi Stati Membri. Għaldaqstant il-Parlament talab li jsir sforz ġenwin fl-Istati Membri kollha biex jinfetħu l-arkivji, inklużi dawk tas-servizzi ta' sigurtà interna, il-pulizija sigrieta u l-aġenziji ta' intelliġenza. Madankollu, l-MEPs saħqu li jrid jiġi żgurat li dan il-proċess ma jiġix abbużat għal raġunijiet politiċi.
 
Il-Parlament talab li tiġi stabbilita Pjattaforma ta' Memorja u Kuxjenza Ewropea li tagħti appoġġ għan-netwerking u l-kooperazzjoni fost l-istituti nazzjonali ta' riċerka li jispeċjalizzaw fis-suġġett tal-istorja totalitarja. Barra minn hekk, talab li t-23 ta' Awissu jsir il-Jum ta' Tifkir mal-Ewropa kollha għall-vittmi ta' kull reġim totalitarju u awtoritarju, biex dan jiġi mfakkar b'dinjità u imparzjalità.
 
01/04/2009
Proċedura: Riżoluzzjoni
Votazzjoni: 2.04.09
Ref.: 20090401IPR53245