Stqarrija
 

Nuqqas ta' qbil dwar ir-riforma tal-leġislazzjoni dwar il-telekomunikazzjoni

Elezzjonijiet 2009 - So¿jetà ta' Informazzjoni - 06-05-2009 - 16:44
Seduta plenarja
Aqsam ma' ħaddieħor
Nuqqas ta' qbil dwar ir-riforma tal-leġislazzjoni dwar il-telekomunikazzjoni

Nuqqas ta' qbil dwar ir-riforma tal-leġislazzjoni dwar il-telekomunikazzjoni ©BELGA_JULIEN WARNAND

Bħalma kien il-każ fl-ewwel qari tal-proċedura leġislattiva, l-MEPs baqgħu tal-fehma li l-aċċess għall-internet ta' utent ma jistax jiġi ristrett mingħajr ma tkun ittieħdet tali deċiżjoni minn awtorità ġudizzjarja. Huma emendaw test li kien ġie miftiehem b'mod informali mal-Kunsill u b'riżultat ta' dan, il-pakket leġislattiv dwar it-telekomunikazzjoni ser ikollu jgħaddi mill-proċedura ta' konċiljazzjoni qabel jiġi adottat. Madankollu l-MEPs qablu mal-Kunsill fuq l-aspetti l-oħra tal-pakkett.

Il-pakkett leġislattiv dwar it-telekomunikazzjoni jinkludi r-reviżjoni tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjoni elettronika (rapporteur Catherine Trautmann (PES, FR)), id-direttiva dwar id-drittijiet taċ-ċittadini (rapporteur Malcolm Harbour (EPP-ED, UK)), u l-ħolqien ta' entità Eworpea ġdida tas-27 regolatur nazzjonali fil-qasam tat-telekomunikazzjoni bl-isem ta' BEREC (rapporteur Pilar del Castillo (EPP-ED, ES)).
 
Il-Parlament u l-Kunsill qablu fuq id-direttiva dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, kif ukoll fuq il-ħolqien ta' BEREC, iżda l-MEPs emendaw il-ftehima ta' kompromess li kienet intlaħqet dwar il-qafas għall-komunikazzjoni elettronika.
 
L-MEPs reġgħu adottaw emenda (407 vot favur, 57 kontra u 171 astensjoni, rapport Trautmann), li l-Parlament kien oriġinarjament adotta fl-ewwel qari tal-proċedura ta' kodeċiżjoni u li kienet ġiet rifjutata mill-Kunsill. Din l-emenda tgħid li ma tista' tiġi imposta l-ebda restrizzjoni fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-utenti aħħarija, mingħajr ma tkun ittieħdet tali deċiżjoni minn awtorità ġudizzjarja, sakemm ma jkunx hemm riskju għas-sigurtà pubblika.
 
Peress li hemm rabta bejn it-tliet leġislazzjonijiet, aktarx li l-pakkett leġislattiv sħiħ ikollu jgħaddi mill-proċedura ta' konċiljazzjoni matul il-leġislatura li jmiss, qabel jiġi adottat. 
 
Aċċess għan-netwerks garantit
 
It-test dwar is-servizz universali u d-drittijiet tal-konsumaturi fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika, għandu l-għan li jtejjeb il-ħarsien tal-konsumatur (rapport Harbour). Fost affarijiet oħra, it-test isaħħaħ l-obbligu li fornitur jipprovdi pakkett minimu ta' servizzi ta' kwalità speċifika, li jkun aċċessibbli għall-utenti aħħarija kollha bi prezz li kulħadd ikun jiflaħ iħallas. Dan is-servizz universali jinkludi d-dritt li utent jaqbad ma' netwerk tal-komunikazzjoni pubblika ta' kwalità tajba biżżejjed li tippermetti l-aċċess għallinternet
 
Utent għandu jkollu wkoll il-garanzija li jkun jista' jaqbad man-numri tat-telefown ta' emerġenza (kemm il-112 kif ukoll numri oħra nazzjonali) bla ħlas, li jkollhom servizz ta' konsultazzjoni tad-direttorju tat-telefown, kif ukoll li jkun hemm aċċess adegwat għal-telefowns pubbliċi u punti oħra ta' aċċess għat-telekomunikazzjoni.
 
L-Istati Membri ser ikollhom jippromwovu servizzi ta' valur soċjali, permezz ta' numri tat-telefown li jibdew bil-116, inkluż il-116000 biex jiġu rappurtati każijiet ta' tfal mitlufa.
 
Kuntratti ċari u sistemi sempliċi
 
Il-konsumaturi ser ikollhom id-dritt għal informazzjoni aħjar dwar il-prezzijiet, it-tariffi, kif ukoll it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratti li jiffirmaw. Dawn il-kuntratti ser ikollhom jispeċifikaw, fost affarijiet oħra, il-mod kif jistgħu jsiru telefonati ta' emerġenza, x'restrizzjoni ikun hemm għall-aċċess għall-internet minn mowbajl li fil-fatt ikun jista' jaqbad mal-internet,  kif ukoll xi ħlasijiet ikunu jridu jsiru biex numru jiġi trasferit għal fornitur tas-servizz ieħor jew biex jintemm kuntratt.
 
Il-konsumaturi għandhom ukoll ikunu jistgħu jbiddlu minn fornitur tas-servizz telefoniku għall-ieħor b'mod iktar sempliċi, mingħajr ma jkollhom ibiddlu n-numru tagħhom u fi żmien ġurnata ta' ħidma.
 
It-tul massimu tal-kuntratti għandu jkun armonizzat sabiex ma jkunx jaqbeż is-sentejn, waqt li l-konsumaturi għandhom jingħataw id-dritt li jtemmu kuntratt wara sena.
 
Il-ħarsien tal-privatezza u azzjoni kontra attività illegali fuq l-internet
 
Meta tidħol fis-seħħ, din id-direttiva għandha ttejjeb is-sikurezza u l-integrità tan-netwerk, kif ukoll il-ħarsien tad-dejta personali tal-utent, waqt li ssaħħaħ il-miżuri kontra l-ispam u l-attakki ċibernetiċi.
 
Koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u r-regolaturi nazzjonali fil-qasam tar-regolamentazzjoni tas-suq
 
Il-Parlament u l-Kunsill qablu wkoll li qabel jittieħdu deċiżjonijiet regolatorji, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ser ikollhom jikkonsultaw mal-Kummissjoni u ma' entità Eworpea ġdida magħmula mir-regolaturi nazzjonali fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, BEREC (rapport Trautmann). F'każijiet bħal dawn, BEREC tkun trid tadotta opinjoni b'maġġoranza assoluta tas-27 membru tagħha.
 
Ir-regolatur ser ikollu jieħu kont sħiħ ta' kwalunkwe dubbji serji li jkun hemm minn naħa tal-Kummissjoni u ta' BEREC, li l-miżura regolatorja proposta minnu tkun toħloq ostakolu fis-suq intern tal-UE. F'tali każ, ir-regolatur nazzjonali għandu jikkoperaw mill-qrib mal-Kummissjoni u BEREC sabiex flimkien jidentifikaw il-miżura l-iktar xierqa u l-iktar effikaċi.
 
Ir-regolaturi nazzjonali ser ikunu jistgħu jirrikjedu lil operatur integrat ġdid biex jissepara l-infrastruttura tan-netwerk tiegħu mill-unitajiet li joffru servizzi li jużaw din l-infrastruttura. Din hija miżura regolatorja eċċezzjonali magħrufa bħala separazzjoni funzjonali, li ma tbiddilx is-sjieda ġenerali tas-servizzi u tal-aċċess tan-netwerk, u li għandha tiġi applikata biss meta kwalunkwe strument regolatorju ieħor ma jkunx irnexxielu jikseb kompetizzjoni effikaċi.
 
Investimenti f'netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss u fil-qsim tal-infrastruttura
 
Ir-regolaturi nazzjonali għandhom jippromwovu innovazzjoni u investiment effiċjenti f'infrastrutturi ġodda u mtejba, bħan-netwerks tal-fibra ottika. Kwalunkwe obbligu ta' aċċess mill-kompetituri għall-infrastruttura l-ġdida għandu jieħu kont xieraq tar-riskji miħuda mill-intrapriżi li jkunu għamlu l-investiment u għandu jippermetti ftehimiet ta' koperazzjoni bejn l-investituri u dawk li jkunu qegħdin ifittxu aċċess, bl-għan li r-riskju tal-investiment jiġi diversifikat.
 
Armonizzazzjoni tal-użu tal-ispettru tar-radju
 
Sabiex jitjiebu l-koperazzjoni, l-ippjanar strateġiku u l-armonizzazzjoni tal-użu tal-ispettru mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha toħroġ proposta leġislattiva biex jiġi stabbilit programm multiannwali għall-ispettru tar-radju.
 
Ir-riforma tal-qafas regolatorju tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandha tintroduċi n-newtralità teknoloġika u tas-servizz bħala prinċipju vinkolanti. Dan ifisser li kwalunkwe frekwenza tkun tista' tintuża għal kwalunkwe applikazzjoni.
 
BEREC
 
BEREC għandha tkun magħmula minn bord tal-kapijiet tas-27 awtorità regolatorja nazzjonali u minn rappreżentant tal-Kummissjoni (rapport del Castillo). Għandha tagħti parir indipendenti lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Parlament u lill-Kunsill wara li ssir rikjesta. Il-bord għandu jadotta l-opinjonijiet tiegħu dwar, pereżempju, tilwim transkonfinali, b'maġġoranza ta' tnejn minn kull tlieta.
 
BEREC għandha tiġi ffinanzjata minn sussidji tal-Komunità u minn kontribuzzjonijiet volontarji mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet regolatorji tagħhom.
 
04/05/2009
Rapporteurs : Catherine TRAUTMANN (PSE, FR)
Pilar DEL CASTILLO VERA (EPP-ED, ES)
Malcolm HARBOUR (EPP-ED, GB)
Proċedura: Kodeċiżjoni
Votazzjoni: 6.05.09
Ref.: 20090505IPR55085