Stqarrija
 

"YOUrope needs YOU" magħżul bħala l-aħjar proġett tal-Premju Ewropew Karlu Manju għaż-Żgħażagħ 2009

Seduti ta' smigħ - Zgħażagħ - 19-05-2009 - 15:07
Diversi
Aqsam ma' ħaddieħor

EuroparlTV - Premju Ewropew Karlu Manju għaż-Żgħażagħ 2009

Il-proġett Pollakk YOUrope needs YOU ntgħażel bħala l-ewwel rebbieħ tal-Premju Ewropew Karlu Manju għaż-Żgħażagħ 2009. Il-proġett jinvolvi sensiela ta' workshops organizzati minn studenti universitarji fi skejjel sekondarji, sabiex l-istudenti sekondarji jsiru jafu affarijiet interessanti dwar l-Ewropa permezz ta' metodi informali. It-tieni premju ngħata lill-proġett European Festival of University Theatre of Albi (Franza) u t-tielet premju ngħata lill-proġett Gumboot Diplomacy (il-Ġermanja).

Il-President tal-Parlament Ewropew Hans-Gert Pöttering u l-Kap tal-Fondazzjoni tal-Premju Karlu Manju, Michael Janse, attendew iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni li seħħet fid-19 ta' Mejju, f'Aachen, fil-Ġermanja, u ppreżentaw il-premju lill-proġett Pollakk, li ħa l-ewwel post. Il-Premju Ewropew Karlu Manju għaż-Żgħażagħ jirrikonoxxi proġetti li jsawru sens ta' identità Ewropea fost iż-żgħażagħ.
 
Waqt li kien qiegħed jilqa' lir-rappreżentanti tas-27 proġett kandidat għall-Premju Ewropew Karlu Manju għaż-Żgħażagħ, Hans-Gert Pöttering stqarr: "Bl-ideat, bil-kreattività u bl-involviment tagħkom, turuna kif iż-żgħażagħ jesperjenzaw l-idea Ewropea u kif intom tqisu l-Ewropa komuni bħala komunità reali u opportunità għall-ġejjieni tagħkom."
 
"YOUrope needs YOU"
 
Il-proġett "YOUrope needs YOU" ġie mfassal minn membri tal-forum tal-istudenti Ewropej AEGEE, sabiex iħeġġeġ lill-istudenti tal-iskejjel sekondarji biex isiru ċittadini attivi. Il-proġett jipprovdi taħriġ għal studenti universitarji li jkunu lesti li jaqsmu l-għarfien tagħhom dwar l-Unjoni Ewropea permezz ta' workshops fl-iskejjel stess. L-ewwel wieħed minn dawn il-workshops seħħ f'Diċembru 2008 fi skola sekondarja f'Gostyn, fil-Polonja. L-istudenti universitarji ppreżentaw l-Ewropa u l-opportunitajiet li din toffri għal studenti mill-Polonja u għal 30 student minn Franza permezz ta' proġett ta' skambju.
 
Skont Hans-Gert Pöttering, "dan il-proġett jirrappreżenta mezz konvinċenti tad-diversità Ewropea. Jinfluwenza lill-parteċipanti u l-pajjiżi li jkunu ġejjin minnhom permezz ta' workshops u ta' laqgħat. Dan minħabba l-fatt li dawk li jieħdu sehem huma kemm ambaxxaturi li jxerrdu l-idea Ewropea. Għaldaqstant, dan il-proġett huwa ta' eżempju għal inizjattivi oħra tal-Unjoni Ewropea li jistgħu jkunu bbażati fuqu."
 
"European Festival of University Theatre of Albi"
 
Il-Viċi-President tal-Parlament Ewropew Luigi Cocilovo, ippreżenta t-tieni premju lill-proġett "European Festival of University Theatre of Albi". Dan il-Festival annwali jġib flimkien gruppi tat-teatru, atturi, kummidjanti u mużiċisti mill-Ewropa kollha f'Albi, fi Franza, biex jeżewgu l-prestazzjonijiet tagħhom quddiem udjenza lokali. L-avveniment għandu l-għan li jippromwovi l-kultura Ewropea u d-diversità artistika.
 
Permezz tad-diskors tiegħu, Luigi Cocilovo ried jenfasizza li "l-entużjażmu taż-żgħażagħ mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea li ħadu sehem fil-Premju Ewropew Karlu Manju għaż-Żgħażagħ, jibgħat sinjal importanti biex jiġi żviluppat mill-ġdid sens komuni ta' identità  u ta' integrazzjoni Ewropea." Fil-fehma tiegħu, "il-Festival Ewropew f'Albi huwa okkażjoni importanti biex wieħed jiskopri l-Ewropa u l-kultura tagħha permezz tat-teatru." Barra minn hekk, "dan il-proġett juri 'spirtu ta' moħħ miftuħ' u jenfasizza l-idea ta' diversità, li hija parti mill-identità Ewropea."
 
"Gumboot Diplomacy"
 
Jürgen Linden, is-sindku ta' Aachen, ippreżenta t-tielet premju lill-proġett "Gumboot Diplomacy", mill-Ġermanja. Permezz ta' dan il-proġett, gruppi ta' żgħażagħ mill-Olanda, mill-Polonja, mill-Ungerija u mill-Ġermanja għamlu riċerka fl-għargħar lokalizzat fiż-żoni tagħhom qabel ma bdew jagħmlu riċerka konġunta fil-mergħat tax-xmara Lippe fil-Ġermanja u ppreżentaw ir-riżultati tagħhom quddiem panel ta' esperti.
 
Il-premjijiet u  l-għażla tar-rebbieħa
 
It-tliet proġetti rebbieħa ngħataw €5,000, €3,000 u €2,000 rispettivament. Iż-żgħażagħ involuti fil-proġetti rebbieħa huma wkoll mistiedna jżuru l-Parlament Ewropew fix-xhur li ġejjin.
 
F'Marzu li għadda, ġurija nazzjonali magħmula minn mill-inqas żewġ MPE u rappreżentant ta' organizzazzjoni għaż-żgħażagħ għażlet proġett rebbieħ f'kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE.
 
Il-ġurija Maltija kienet għażlet li tipproponi l-proġett ta' Nicolette Busuttil, studenta tal-Liġi ta' 20 sena, li għamlet xogħol volontarju fiċ-ċentri ta' detenzjoni f'Ħal Safi u Ħal Far.
 
F'April, il-ġurija Ewropea, magħmula minn tliet MEPs, mill-President tal-Parlament Ewropew u minn erba' rappreżentanti tal-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju, għażlet it-tliet rebbieħa mis-27 proġetti proposti fil-livell nazzjonali.
 
Ref.: 20090508IPR55522