Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0072/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0072/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

13.2.2007

biex jingħalaq id-dibattitu dwar l-istqarrija tal-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
imressqa minn Pasqualina Napoletano, Margrietus van den Berg, Glenys Kinnock, Marie-Arlette Carlotti, Elena Valenciano Martínez-Orozco u Ana Maria Gomes
f’isem il-Grupp PSE
dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur

Proċedura : 2007/2514(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0072/2007
Testi mressqa :
B6-0072/2007
Testi adottati :

B6‑0072/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1706 tan-NU li tipproponi forza għaż-żamma tal-paċi ta' 22000 ruħ fid-Darfur,

–  wara li kkunsidra s-samit ta' l-AU li sar f'Addis Ababa fid-29 u t-30 ta' Jannar 2007,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Paċi fid-Darfur iffirmata f’Abuja, in-Niġerja, fil-5 ta’ Mejju 2006,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima għall-Paċi Komprensiva ffirmata fid-9 ta' Jannar 2005,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1714 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-6 ta' Ottubru 2006,

–  wara li kkunsidra l-missjoni attwali ta' l-AMIS (Missjoni Afrikana fis-Sudan), li l-mandat tagħha jispiċċa fl-1 ta' Lulju 2007,

–  wara li kkunsidra ż-żjara fis-Sudan mill-President taċ-Ċina Hu Jintao fi Frar 2007 u l-konklużjonijiet tas-Samit ta' bejn l-UE u ċ-Ċina tad-9 ta' Settembru 2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

Billi fil-11 ta' Jannar 2007 l-Gvern tas-Sudan u l-gruppi ribelli qablu dwar waqfien mill-ġlied ta' 60 jum, iżda attakki mingħajr l-ebda diskriminazzjoni fuq ċivili u fuq ħaddiema umanitarji qed jissoktaw mingħajr waqfien bi vjolenza li l-aġenziji umanitarji ddeskrivew bħala 'fuq skala li ħadd qatt ma ra fid-Darfur'[1],

B.  billi, ħafna aġenziji umanitarji u NGOs irtiraw kompletament mid-Darfur, wara numru kbir ta' attakki fuq ħaddiema umanitarji,

C.  billi fis-16 ta' Novembru 2006 il-laqgħa għolja organizzata f'Addis Ababa mill-AU u l-NU wasslet għal ftehim dwar it-tqegħid ta' forza mħallta mill-AU u min-NU fid-Darfur, li tinvolvi appoġġ loġistiku tan-NU u strutturi ta' kmand u ta' kontroll għall-fini ta' preżenza estiża għaż-żamma ta' paċi fid-Darfur,

D.  billi l-Gvern tas-Sudan qed jibqa' jittardja l-istallazzjoni ta' din il-forza mħallta, u s'issa ħalla biss lill-AU u lin-NU jinstallaw forza ta' appoġġ ħafifa magħmula minn 105 uffiċjal ta' l-istaff militari u 33 konsulenti tal-pulizija biss,

E.  billi l-kunflitt tad-Darfur - u impunità mill-prosekuzzjoni - qed taffettwa dejjem iktar l-istabilità tal-pajjiżi ġirien - Ir-Republika Afrikana Ċentrali u ċ-Ċad - u tikkostitwixxi theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali,

F.  billi d-duttrina tar-'Responsabilità għal Protezzjoni' tan-NU tistipula li, fejn 'awtoritajiet nazzjonali b’mod ċar jonqsu li jipproteġu l-popolazzjonijiet tagħhom minn ġenoċidju, reati tal-gwerra, tindif etniku u reati kontra l-umanità,' ħaddieħor għandu jkollu r-responsabilità li jipprovdi l-protezzjoni meħtieġa,

G.  billi t-tortura u l-lieva sfurzata ta' l-adulti u t-tfal saret karatteristika ta' l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u tal-vjolazzjonijiet tal-liġi umanitarja internazzjonali fid-Darfur, bil-konsegwenza li l-vittmi tat-tortura huma wisq imbeżżgħin minn kastigi ta' tpattija sabiex jirrappurtaw l-abbuż lill-AMIS jew lill-ħaddiema umanitarji,

H.  billi l-vjolenza sesswali kontra n-nisa u t-tfal hija rrikonoxxuta bħala reat kontra l-umanità iżda l-istupru sistematiku għadu qed jintuża mill-partijiet fil-kunflitt tad-Darfur bħala arma tal-gwerra, u minkejja l-għadd ta' assigurazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Sudaniż, il-vjolenza sesswali qed tissokta bla waqfien,

I.  billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU awtorizza l-użu ta' sanzjonijiet skond ir-riżoluzzjoni 1591 tiegħu kontra erba' individwi li qed ixekklu l-proċess ta' paċi u qed iwettqu ksur tal-liġi internazzjonali (UNSC 1672), iżda billi dawn is-sanzjonijiet għad iridu jiġu implimentati,

J.  billi ż-żjara fis-Sudan mill-President taċ-Ċina Hu Jintao fit-2 ta' Frar 2007 rriżultat f'koperazzjoni ekonomika u diplomatika mkabbra bejn iż-żewġ pajjiżi, inkluż self bla interessi ta' $12.9 miljun u t-tħassir ta' $80 miljun dejn Sudaniż, kif ukoll kuntratti sostanzjali ta' bini,

K.  billi fir-riżoluzzjoni 1593 tal-31 ta' Marzu 2005 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU rrefera s-sitwazzjoni fid-Darfur lill-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC), u afferma li l-ġustizzja u r-responsabilizzazzjoni huma kritiċi sabiex jintlaħqu paċi u sigurtà dejjiema fid-Darfur,

L.  billi l-ICC jista' jkollu rwol importanti sabiex tintemm l-impunità għar-reati mwettqa fid-Darfur, u b'hekk jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' dan ir-reati skond l-Istatut ta' Ruma,

1.  Jiddeplora n-nuqqas tal-Kunsill li jistipula sanzjonijiet kontra dawk fil-Gvern Sudaniż li b'mod ewlieni wasslu għall-kriżi fid-Darfur, minkejja li kien implimenta sanzjonijiet kontra individwi minn pajjiżi oħra fosthom il-Belarus, l-RD tal-Kongo, il-Kosta ta' l-Avorju, il-Korea ta' Fuq, il-Moldova, il-Mjanmar u ż-Żimbabwe; jistieden lill-Kunsill sabiex jaġixxi minnufih sabiex jirranġa dan u biex juri l-impenn tiegħu li jpoġġi l-kriżi umanitarja fid-Darfur fuq nett fl-aġenda politika tiegħu;

2.  Jistieden lin-NU biex iġġib ruħha bi qbil mar-"Responsabilità għall-Protezzjoni" tagħha u tibbaża l-azzjoni tagħha fuq in-nuqqas, jew nuqqas ta' rieda, tal-Gvern tas-Sudan li jħares lill-popolazzjoni tiegħu fid-Darfur minn reati tal-gwerra u minn reati kontra l-umanità, kif ukoll fuq in-nuqqas tiegħu li jipprovdi għajnuna umanitarja lill-popolazzjoni;

3.  Jistieden lin-NU u lill-AU sabiex jiżguraw it-tqegħid tat-tieni u tielet fażi tal-forza mħallta; jistieden lill-Gvern tas-Sudan sabiex iħalli t-tqegħid sħiħ u bla mxekkel tal-forza mħallta kif maqbul fil-laqgħa għolja tas-16 ta' Novembru; iħeġġeġ lin-NU u lill-AU sabiex jimponu sanzjonijiet punittvi u immedjati kontra dawk kollha, inkluż il-Gvern tas-Sudan, li jdewmu jew ixekklu l-ħidma ta' din il-forza; jenfasizza li dawn is-sanzjonijiet għandhom jinkludu embargo fuq iż-żejt fuq il-Gvern tas-Sudan;

4.  Jenfasizza aktar li l-objettivi ta' din il-forza għandhom jirrispettaw il-prinċipji umanitarji tan-newtralità u l-imparzjalità li jiggarantixxu s-sigurtà tal-ħaddiema umanitarji fuq il-post;

5.  Jenfasizza li l-forza mħallta għandu jkollha mandat sħiħ sabiex tħares liċ-ċivili skond is-VII Kapitlu tal-Karta tan-NU;

6.  Jiddeplora r-rapporti li l-Gvern tas-Sudan qed ikompli jappoġġja lill-Janjaweed u lir-ribelli Ċadjani, kif ukoll l-attakki bil-bombi mill-ajruplani tal-gvern fir-reġjun tad-Darfur, li jirrużultaw fi ksur ċar u flagranti tal-Ftehima ta' Paċi għad-Darfur;

7.  Jikkundanna l-ksur li għadu għaddej tat-tregwa mill-partijiet kollha; jistieden lill-partijiet kollha biex iwaqqfu immedjatament l-azzjoni militari u, b'mod partikulari, il-vjolenza, l-istupru tal-massa u l-vjolenza sesswali indirizzata lejn il-popolazzjoni ċivili u lejn dawk li qed jipprovdu l-għajnuna umanitarja;

8.  Jistieden lill-UE biex titlob l-infurzar urġenti taz-zona li fiha ma jistgħux isiru titjiriet fuq id-Darfur stabbilita mir-Riżoluzzjoni 1591 tal-Kunsill ta' Sigrutà tan-NU; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex iżżomm kuntatt maċ-Ċad biex ikun diskuss l-infurzar taz-zona li fiha ma jistgħux isiru titjiriet miċ-Ċad tal-Lvant;

9.  Jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali sabiex jerġgħu jiltaqgħu għal taħdidiet ta' paċi sabiex jitjiebu t-termini tal-Ftehima ta' Paċi u sabiex din tkun aċċettabbli mill-partijiet kollha; jistieden lill-atturi internazzjonali biex iżommu responsabbli lill-partijiet kollha għall-ftehima li tirriżulta u jħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt fid-Darfur biex juru l-impenn tagħhom għal soluzzjoni paċifika għall-kriżi billi jimplimentaw il-ftehim mingħajr dewmien;

10.  Jistieden lill-gvern u lill-gruppi ribelli ewlenin biex jimpenjaw ruħhom flimkien mal-gruppi kollha fis-soċjetà tad-Darfur fl-implimentazzjoni tal-Ftehima ta' Paċi għad-Darfur, inklużi n-nisa u, partikularment, il-persuni spustjati internament (IDPs), sabiex jiġu indirizzati wħud mill-kawżi fundamentali tal-kunflitt, bħalma huma d-drittijiet ta' l-art u ta' rigħi;

11.  Jesprimi dejjem aktar tħassib dwar it-theddida ta' insigurtà u destabilizzazzjoni reġjonali li tista' tirriżulta mill-kunflitt fid-Darfur; jistieden lill-partijiet kollha biex iwaqqfu l-appoġġ għall-movimenti tal-milizzja u r-ribelli fir-reġjun; jilqa' b'sodisfazzjon il-qbil bejn il-Gvernijiet taċ-Ċad u tar-Repubblika Afrikana Ċentrali biex jippermettu l-preżenza tan-NU fit-territorji tagħhom;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehima ta' paċi ta' l-24 ta' Diċembru 2006 bejn il-Gvern taċ-Ċad u l-grupp ribelli Front Magħqud għal Bidla Demokratika, u l-ftehim ta' paċi tat-2 ta' Frar 2007 bejn il-Gvern tar-Repubblika Afrikana Ċentrali u -ewġ gruppi ribelli, l-Unjoni tal-Forzi Demokratiċi għall-Unità u l-Front Demokratiku tal-Poplu;

13.  Jitlob li jkompli l-appoġġ mill-UE u l-appoġġ internazzjonali għal miżuri li jibnu l-kunfidenza, bħal Djalogu u Konsultazzjoni Darfur-Darfur li jinkludu lill-partijiet kollha fil-konflitt kif ukoll lis-soċjetà ċivili;

14.  Jappella sabiex jibdew jitwettqu rondi regolari madwar il-kampijiet ta' l-IDP biex in-nisa jingħataw grad ta' ħarsien minn aktar vjolenza sesswali meta jiġbru l-ħatab, u sabiex jiġu stipulati proċeduri ta' rrappurtar ta' vjolenza sesswali biex il-vittmi jkunu jistgħu jagħmlu dikjarazzjonijiet u jagħtu evidenza u jingħataw lill-aġenziji rilevanti għall-kura ta' emerġenza;

15.  Jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sudan biex iwaqqfu r-reklutaġġ u l-lieva sfurzata ta' suldati tfal ta' inqas minn 18-il sena, u jistieden lill-awtoritajiet Sudaniżi biex iħarsu lit-tfal refuġjati, speċjalment lill-minorenni mhux akkumpanjati;

16.  Jistieden lill-komunità internazzjonali biex, f'każ li l-Gvern tas-Sudan ikompli ma jiħux azzjoni, testendi l-embargo limitat fuq l-armi fuq it-territorju kollu tas-Sudan, kif hemm dispożizzjoni għalih fir-Riżoluzzjoni 1591 tan-NU;

17.  Jistieden lill-komunità internazzjonali, lil-Lega Għarbija u lin-NU sabiex jiggarantixxu li l-forza mħallta jkollha t-truppi, il-helicopters, l-intelliġenza satellitari, it-tradutturi, it-tagħmir, l-iffinanzjar u l-provvisti bażiċi meħtieġa sabiex twettaq l-irwol tagħha fid-Darfur;

18.  Jistieden liċ-Ċina sabiex tuża l-influwenza sinifikanti tagħha fir-reġjun sabiex iġġiegħel lill-Gvern Sudaniż iżomm ma' l-impenji tiegħu skond is-CPA u d-DPA; barra minn hekk jappella liċ-Ċina sabiex tieqaf tesporta armi lejn is-Sudan u sabiex tieqaf timblokka d-deċiżjonijiet dwar sanzjonijiet immirati kontra l-Gvern tas-Sudan fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

19.  Jistieden lill-Ministri għall-Affarijiet Barranin ta' l-UE biex jieħdu posthom fuq quddiem fl-istabbiliment immedjat ta' Fond Fiduċjarju Internazzjonali għall-vittmi ta' l-atroċitajiet fid-Darfur li jkun iffinanzjat mill-introjtu miż-żejt tas-Sudan, kif irrakkomandat mill-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU fl-2005;

20.  Jinkuraġġixxi lill-partijiet kollha rilevanti sabiex ikomplu jikkoperaw bis-sħiħ ma' l-ICC;

21.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kapijiet ta' l-Istat u lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri ta' l-UE, lill-Gvern u lill-Parlament tas-Sudan, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern tal-Lega Għarbija u lill-Gvernijiet tal-Pajjiżi ACP.