Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0164/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0164/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

23.4.2007

biex tagħlaq id-dibattitu fuq l-istqarrijiet tal-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
imressqa minn Joseph Daul, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Simon Coveney, Antonio Tajani, f'isem il-grupp PPE-DE
minn Elena Valenciano Martínez-Orozco, Pasqualina Napoletano, f'isem il-Grupp PSE
minn Marco Cappato u Marco Pannella f'isem il-Grupp ALDE
minn Roberta Angelilli u Eoin Ryan f'isem il-Grupp UEN
minn Flautre, Frassoni, Romeva, Horacek u Beer f'isem il-Grupp V-ALE
minn Morgantini, Portas, Agnoletto f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar l-inizjattiva favur moratorju universali għall-piena tal-mewt

Proċedura : 2007/2542(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0164/2007

B6‑0164/07

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-inizjattiva favur moratorju universali għall-piena tal-mewt

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Frar 2007 dwar l-inizjattiva favur moratorju universali għall-piena tal-mewt

wara li kkunsidra l-Linjigwida dwar il-politika ta' l-UE lejn pajjiżi terzi fir-rigward tal-piena tal-mewt, tat-3 ta' Ġunju 1998,

- wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tat-tielet Kungress Dinji kontra l-Piena tal-Mewt organizzat f'Pariġi mill-1-3 ta' Frar 2007;

- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar it-tneħħija tal-piena tal-mewt mogħtija fid-19 ta' Diċembru 2006 fl-Assemblea Ġenerali tan-NU mill-Presidenza ta' l-UE, li ġiet iffirmata minn 85 pajjiż mill-gruppi ġeografiċi kollha;

- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni li nqrat mill-Presidenza ta' l-UE f'isem l-Unjoni Ewropea waqt ir-raba' sessjoni tal-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-29 ta' Marzu 2007;

- wara li kkunsidra l-appoġġ pubbliku għall-moratorju espress mis-Segretarju Ġenerali tan-N.U waqt iż-żjara reċenti tiegħu f'Ruma

- wara li kkunsidra l-Artikolu 103 tar-Regoli ta’ Proċedura;

A.  Billi l-bżonn ta' moratorju universali għall-piena tal-mewt huwa pass strateġiku lejn it-tneħħija tal-piena tal-mewt fil-pajjiżi kollha;

B.  Billi r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Frar 2007 ħeġġet lill-Presidenza ta' l-UE biex tressaq malajr test ta' riżoluzzjoni lill-Assemblea Ġenerali tan-NU attwali u biex iżżomm lill-Parlament informat dwar ir-rżultati miksuba; billi sa dan il-punt ma tressqet l-ebda riżoluzzjoni lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti;

C.  Billi d-dikjarazzjoni dwar il-piena tal-mewt, imressqa mill-Unjoni Ewropea fl-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Diċembru 2006, issa ġabret 88 firma ta' Stati mill-gruppi ġeografiċi kollha;

1.  Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri ta' l-UE biex jiġbru appoġġ għad-Dikjarazzjoni minn pajjiżi terzi;

2.  Iħeġġeġ lill-UE biex taħtaf l-opportunitajiet eżistenti billi tkompli għaddejja u jitlob lill-Istati Membri Ewropej u lill-UE biex iressqu immedjatament - billi jfittxu ko-sponsorizzazzjoni ta' pajjiżi minn kontinenti oħra - riżoluzzjoni għall-moratorju universali għall-piena tal-mewt fl-Assemblea Ġenerali tan-NU;

3.  Jitlob lill-Presidenza biex tħeġġeġ il-pajjiżi li fadal li għadhom ma ffirmawx u ma rratifikawx it-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi biex jagħmlu dan, kif ukoll dawk l-Istati Membri li għadhom ma ffirmawx il-Protokoll No. 13 lill-ECHR dwar il-piena tal-mewt;

4.  Jappoġġja bis-sħiħ id-dikjarazzjoni finali tat-tielet Kungress Dinji u għandu intenzjoni li jsegwi dan il-Kungress, partikolarment billi joħloq id-dimensjoni parlamentari tal-kampanja globali kontra il-piena tal-mewt u billi jqajjem il-kwistjoni fost id-delegazzjonijiet u l-parteċipazzjonijiet inter-parlamentari waqt l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-EU u l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja;

5.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu kull opportunità possibbli biex jappoġġjaw it-twaqqif ta' koalizzjonijiet reġjonali abolizzjonisti,

6.  Jitlob lill-Istituzzjonijiet kollha ta' l-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Kunsill ta' l-Ewropa, biex jappoġġjaw il-Jum Dinji kontra l-Piena tal-Mewt billi jiġi ċċelebrat kull 10 ta' Ottubru, jibda mill-2007, il-Jum Ewropew kontra l-Piena tal-Mewt, u jassoċja ruħu ma' l-inizjattiva li jorganizza Konferenza Ewropea ta' importanza kbira kontra l-Piena tal-Mewt b'konnessjoni ma' dak il-Jum; jagħti mandat lill-President biex jirrappreżenta l-Parlament Ewropew, flimkien mad-delegazzjoni relevanti, għal din l-okkażjoni;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri Ewropej, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-istati membri tan-NU.