Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0323/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0323/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

29.8.2007

biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
imressqa minn Gerardo Galeote Quecedo, Ioannis Varvitsiotis, Nikolaos Vakalis, Antonios Trakatellis, Konstantinos Hatzidakis, Rodi Kratsa, Georgios Papastamkos, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Manolis Mavrommatis, Ioannis Gklavakis, Giorgos, Dimitrakopoulos, Antonios Samaras, Panayiotis Demetriou, Ioannis Kasoulides, Giuseppe Castiglione, Rolf Berend, Luis de Grandes, Margie Sudre, Fernando Fernandez Martin, Sergio Marques, Laszlo Surjan, Iles Braghetto, Maria Petre, Tomas Zatloukal, Jean-Pierre Audy, Marian-Jean Marinescu, Francesco Musotto, Monica Maria Iacob Ridzi, Yiannakis Matsis, Antonio Tajani
f’isem il-Grupp PPE-DE
dwar id-diżastri naturali ta’ dan is-sajf

Proċedura : 2007/2605(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0323/2007
Testi mressqa :
B6-0323/2007
Testi adottati :

B6‑0323/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-diżastri naturali ta’ dan is-sajf

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6 u 174 tat-Trattat KE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2006 dwar in-nirien fil-foresti u l-għargħar fl-Ewropa, ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Settembru 2002 dwar l-għargħar fl-Ewropa[1], ir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-14 ta’ April 2005 dwar in-nixfa fil-Portugall[2], ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2005 dwar in-nixfa fi Spanja[3], ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (nirien u għargħar) fl-Ewropa[4], u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar id-diżastri naturali (nirien fil-foresti, nixfiet u għargħar) - aspetti ta’ l-agrikoltura[5], aspetti ta’ żvilupp reġjonali[6] u aspetti ambjentali[7],

–  wara li kkunsidra ż-żewġ seduti ta’ smigħ konġunti organizzati mill-Kumitati tiegħu għall-Iżvilupp Reġjonali, għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel, u għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali dwar ‘Strateġija Ewropea għad-Diżastri Naturali’ (20 ta' Marzu 2006) u dwar il-‘Forza Ewropea għall-protezzjoni ċivili: għajnuna mill-Ewropa’ (5 ta’ Ottubru 2006),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 li twaqqaf mekkaniżmu Komunitarju li jiffaċilita l-koperazzjoni msaħħa fl-interventi ta' għajnuna tal-protezzjoni ċivili (2001/792/KE, Euratom)[8], l-adozzjoni li se ssir ma ddumx tad-deċiżjoni emendata tal-Kunsill li tistabbilixxi mekkaniżmu Komunitarju ta’ protezzjoni ċivili u l-pożizzjoni tal-Parlament ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006[9],

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsillu li jwaqqaf Fond ta’ Solidarjetà ta’ l-Unjoni Ewropea (COM(2005)0108), u l-pożizzjoni tal-Parlament tat-18 ta' Mejju 2006[10],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-25 ta’ April 2007 dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill bil-għan li tkun adottata direttiva dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar ta’ l-għargħar[11],

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Marzu 2007 li twaqqaf Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili (2007/162/KE, Euratom)[12],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern tat-12 u t-13 ta’ Ġunju 2007 dwar it-titjib tal-ħila ta’ koordinazzjoni taċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC) fil-mekkaniżmu Komunitarju għall-protezzjoni ċivili,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta’ Michel Barnier tad-9 ta’ Mejju 2006, intitolat ‘Għal forza Ewropea għall-protezzjoni ċivili: għajnuna mill-Ewropa’,

–  wara li kkunsidra l-punt 12 tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006 dwar ir-reazzjoni ta’ l-Unjoni għall-emerġenzi, il-kriżijiet u d-diżastri,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għargħar[13],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata unanimament ta’ l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja dwar il-protezzjoni ċivili u l-prevenzjoni ta’ diżastri naturali u ekoloġiċi fir-reġjun Ewro-Mediterranju”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sajf ta’ l-2007 kien ikkaratterizzat minn nirien fil-foresti u nirien oħra f’zoni mhux ikkultivati li kienu partikolarment drammatiċi fl-Ewropa tan-Nofsinhar kollha kemm hi, li f'ħafna każijiet wasslu għall-mewt ta' ċittadini Ewropej, anke ta' staff iddedikat għat-tifi tan-nar, u fi ħsara materjali u ambjentali konsiderevoli; billi l-erja li nħarqet f’Lulju biss kienet kbira daqs l-erja totali li nħarqet matul is-sena l-oħra kollha; billi fix-xahar ta’ Awissu, fil-Greċja seħħet traġedja nazzjonali serja minħabba wieħed mid-diżastri l-aktar letali minn nirien li qatt ġraw fid-dinja kollha mill-1871,

B.   billi l-erja totali ta’ veġetazzjoni u ta’ msaġar affettwata min-nirien fl-Ewropa dan is-sajf hija aktar minn 500 000 ettaru, u l-pajjiżi affettwati l-aktar serjament huma l-Greċja, l-Italja (u b’mod partikulari Sqallija), il-Bulgarija, Ċipru, il-Kroazja, l-Ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, Spanja (u b'mod partikulari l-gżejjer Kanarji), l-Ukrajna u l-Albanija,

C.   billi n-nirien fil-foresti riċenti u devastanti fil-Greċja, li qerdu b'mod partikulari partijiet kbar tal-Peloponniż, tal-Gżira ta' Evja u taz-zoni madwar Ateni, waħedhom ikkawżaw il-mewt ta' 60 ruħ, weġġgħu lil ħafna nies, ħarqu eluf ta' ettari ta' foresti u art miksija b'siġar żgħar, qatlu l-annimali, qerdu ħafna djar, proprjetajiet u rħula; billi, waqt din il-kriżi, kienu rrappurtati 170 nar ieħor fil-foresti f’diversi postijiet fil-Greċja fl-istess ġurnata,

D.   billi, fl-istess żmien, kien hemm ħafna għargħar fl-Ewropa, li affettwa ħafna zoni fit-tramuntana, u b’mod partikulari fir-Renju Unit, li għamel ħsara lil djar, skejjel, infrastruttura u agrikoltura u dan wassal biex ħafna nies tilfu darhom u għal telf sinifikanti għan-negozji u l-industrija tat-turiżmu, filwaqt li kien hemm nixfiet kbar fl-Ewropa tal-Lvant, b’mod partikulari fir-Rumanija,

E.   billi, minħabba li s-sjuf qed isiru dejjem aktar sħan u niexfa fl-Ewropa tan-Nofsinhar, in-nirien fil-foresti u nirien oħra f’zoni mhux ikkultivati huma fenomenu rikorrenti, iżda għadhom ivarjaw drammatikament minn sena għal oħra fl-intensità u fil-post ġeografiku; billi t-tendenza ta’ dawn l-avvenimenti diżastrużi hija influwenzata wkoll mill-bidla fil-klima u hija marbuta maż-żieda ta’ perjodi ta’ sħana qawwija u ta’ nixfiet, kif innotat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nixfiet,

F.   billi l-frekwenza, il-ħruxija, il-kumplessità u l-impatt ta’ diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem madwar l-Ewropa kollha żdiedu malajr ħafna fis-snin riċenti,

G.   billi ż-żieda fil-perjodi ta’ sħana qawwija għandha effett sproporzjonat f’oqsma vulnerabbli tal-popolazzjoni, u speċjalment fuq l-azjani, u spiss twassal biex ħafna nies jiddaħħlu l-isptar jew imutu,

H.   billi l-Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili kien attivat disa’ darbiet għall-istess tip ta’ emerġenza fi żmien ħames ġimgħat, u sebgħa mill-emerġenzi ġraw fl-istess ħin; billi l-għajnuna ta’ l-Istati Membri ma kinitx biżżejjed biex tiżgura reazzjoni ħafifa u xierqa ta’ protezzjoni ċivili fl-emerġenzi kollha,

I.   billi ċ-Chairman tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Parlament u l-Kummissarju ta’ l-UE għall-Politika Reġjonali, fl-aħħar tnax-il xahar, kitbu lill-Presidenzi tal-Kunsill biex iħeġġuhom jieħdu deċiżjoni dwar ir-regolament ġdid tal-Fond ta' Solidarjetà, filwaqt li wieħed jiftakar li l-Parlament kien diġà adotta l-pożizzjoni tiegħu f’Mejju 2006,

1.  Jesprimi s-solidarjetà qawwija tiegħu mal-qraba ta’ dawk li mietu u mar-residenti fiz-zoni affettwati, u jfaħħar lill-ħaddiema tat-tifi tan-nar, lill-professjonisti u lill-voluntiera li ħadmu bla waqfien biex jitfu n-nirien, isalvaw in-nies u jillimitaw il-ħsara mid-diżastri naturali ta' dan is-sajf;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex timmobilizza l-Fond ta’ Solidarjetà kurrenti ta’ l-UE (EUSF) bl-iktar mod flessibbli li huwa possibbli u mingħajr dewmien; iqis, f’dan ir-rigward, li hemm bżonn li r-riżorsi meħtieġa jkunu disponibbli minnufih sabiex tittaffa t-tbatija u biex l-vittmi tad-diżastri naturali - nirien u għargħar - u l-qraba tagħhom jingħataw dak kollu li għandhom bżonn permezz ta’ l-EUSF u ta’ Strumenti Komunitarji oħra;

3.   Jiddeplora l-fatt li jidher li ħafna minn dawn in-nirien fil-foresti tqabbdu apposta, u huwa inkwetat b'mod partikulari li atti kriminali apposta qed ikunu dejjem aktar il-kawża ta' nirien fil-foresti fl-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri ħorox mingħajr dewmien biex jipprevjenu tali atti ta' qerda li jsiru apposta u biex issir ġustizzja ma' min għamilhom, sabiex tkun skoraġġata aktar imġiba kriminali maħsuba;

4.  Jirrikonoxxi s-solidarjetà ta’ l-Unjoni Ewropea, ta’ l-Istati Membri tagħha u ta’ pajjiżi oħra bl-għajnuna li taw lir-reġjuni affettwati waqt emerġenzi ta’ nirien fil-foresti permezz ta’ inġenji ta’ l-ajru, tagħmir għat-tifi tan-nar u kompetenza, kif ukoll l-għajnuna mogħtija lill-awtoritajiet rilevanti u lis-servizzi tas-salvataġġ; iqis li l-kobor ta’ dawn il-fenomeni u l-konsegwenzi tagħhom jegħlbu l-ħiliet u l-kapaċitajiet reġjonali u nazzjonali u jirrikjedu impenn Ewropew effettiv urġenti; jinnota li dan deher b’mod speċjali fil-każ tal-Greċja meta, minkejja li l-Gvern Grieg għamel kulma seta’ u minkejja l-mobilizzazzjoni tal-mekkaniżmi nazzjonali u komunitarji eżistenti kollha, kien impossibbli li d-diżastru jiġi kkontrollat;

5.  Jirrikonoxxi l-kontribut taċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ u ta’ Informazzjoni (MIC) bl-appoġġ u l-iffaċilitar tal-mobilizzazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ għajnuna għall-protezzjoni ċivili waqt l-emerġenzi; madankollu, jinnota li r-riżorsi ta’ l-Istati Membri biex jitfu n-nirien fil-foresti, speċjalment mill-ajru, huma limitati u m’huwiex dejjem possibbli li Stati Membri joffru appoġġ meta r-riżorsi jkunu meħtieġa għall-pajjiż; għaldaqstant, jinnota li xi Stati Membri rċevew inqas għajnuna minn oħrajn u kellhom joqogħdu fuq ftehimiet bilaterali ma' stati li m’humiex fl-UE għall-għajnuna; għalhekk, jiddispjaċih li f’xi każijiet l-UE kollha kemm hi ma wrietx solidarjetà biżżejjed;

6.   Iħeġġeġ lill-Kunsill b’qawwa biex jieħu deċiżjoni, mingħajr aktar dewmien, dwar ir-regolament ġdid tal-Fond ta’ Solidarjetà, filwaqt li wieħed jiftakar li l-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu f’Mejju 2006; iqis li d-dewmien tal-Kunsill f’dan ir-rigward m’huwiex aċċettabbli; jemmen li r-regolament il-ġdid, li - fost miżuri oħra - inaqqas il-limiti minimi għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà ta’ l-UE, ikun jista’ jirranġa l-ħsara b’mod iktar effettiv, flessibbli u f’waqtu; jistieden lill-Presidenza Portugiża fil-Kariga, kif ukoll lill-Ministri ta' l-UE għall-Finanzi, l-Ambjent, l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Reġjonali, biex jieħdu azzjoni qawwija u mgħaġġla minnufih; għalhekk jissuġġerixxi li għandha ssir laqgħa konġunta tal-Kunsill ta’ dawn il-Ministri responsabbli ta’ l-UE, filwaqt li l-Parlament u l-Kummissjoni jkunu preżenti bħala osservaturi;

7.   Iqis li l-esperjenza riċenti u tas-snin li għaddew tenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-ħila Komunitarja ta’ prevenzjoni, tħejjija u reazzjoni tal-protezzjoni ċivili b’rabta ma’ nirien fil-foresti u ma’ nirien oħra f’zoni mhux ikkultivati, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni bil-qawwa biex tieħu azzjoni f'dan ir-rigward;

8.  Jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni riċenti tal-Kunsill tal-5 ta’ Marzu 2007 li twaqqaf Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili, u jemmen li l-azzjonijiet li jingħataw għajnuna finanzjarja permezz ta’ dan l-istrument għandhom jiżguraw li tidher is-solidarjetà Ewropea u jagħtu aktar valur miżjud Ewropew lill-immaniġġjar effettiv ta' diżastri naturali; madankollu, huwa preokkupat li l-ammont allokat għal dan l-istrument ġdid m’huwiex se jkun biżżejjed biex jitwettaq ix-xogħol ambizzjuż tiegħu b’mod effettiv;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tara hemmx il-possibiltà ta’ aċċess miftiehem minn qabel għal kapaċità komplementarja biex tkun żgurata reazzjoni ħafifa għal emerġenzi ewlenin, li jistgħu jkunu disponibbli minn sorsi oħra, inkluż is-suq kummerċjali; jissuġġerixxi li l-ispiża tal-forza li tkun qiegħda għassa tista’ titħallas permezz ta’ l-Istrument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili;

10.  Jitlob li titwaqqaf forza Ewropea li tista' tirreaġixxi minnufih f’emerġenzi, kif propost fir-rapport Barnier, u jiddispjaċih għan-nuqaas ta’ reazzjoni u segwitu f’dan ir-rigward; għalhekk, jilqa’ b’sodisfazzjon is-sejħa konġunta mill-President Franċiż Nicolas Sarkozy u mill-Prim Ministru Grieg Kostas Karamanlis għal koperazzjoni eqreb f’dan il-qasam li tmur lil hinn mill-qsim volontarju tradizzjonali tar-riżorsi;

11.  Jenfasizza, f’dan il-kuntest, il-ħtieġa li jitkompla l-iżvilupp ta’ kapaċità b’reazzjoni ħafifa bbażat fuq il-moduli tal-protezzjoni ċivili ta’ l-Istati Membri, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tas-16 u s-17 ta’ Ġunju 2006; jitlob lill-Kummissjoni bix tfassal proposta konkreta f’dan ir-rigward;

12.  Jenfasizza li d-diżastri naturali, u b’mod partikulari n-nirien fil-foresti, din is-sena poġġew f’periklu konsiderevoli monumenti u siti arkeoloġiċi ta’ valur kbir għall-wirt kulturali Ewropew; jiġbed l-attenzjoni, f’dan ir-rigward, għat-theddida, għalkemm ġiet evitata, lil Olimpja antika u, b’mod partikulari, lill-mużew tagħha, bħala Sit ta’ Wirt Dinji; jitlob li jkunu disponibbli riżorsi fil-każ li siti Ewropej ta’ wirt kulturali ssirilhom ħsara bin-nirien kontinwi fil-foresti;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tesplora l-potenzjal għal koperazzjoni bejn il-pajjiżi ġirien ta’ l-UE u pajjiżi terzi oħra biex jitfu n-nirien diżastrużi, jaqsmu l-aqwa prattiki u/jew kapaċitajiet waqt ix-xhur perikolużi tas-sajf sabiex ikunu mħejjija aħjar għall-istaġun tan-nirien fil-foresti ta’ l-2008;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa għal miżuri aktar qawwija bil-għan li jiġu evitati diżastri naturali; f’dan ir-rigward, jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni fl-2008 ta’ żewġ studji tal-Kummissjoni bil-għan li tinħoloq strateġija integrata għall-prevenzjoni ta’ diżastri naturali; barra minn hekk, jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tinvestiga l-użi potenzjali ta’ koordinazzjoni miftuħa bil-għan li jiġu evitati diżastri naturali;

15.  Jenfasizza l-ħtieġa li titħaffef il-proċedura ta’ aċċess għall-fondi ta’ l-UE għall-irkupru ta’ l-art agrikola wara għargħar u nirien u l-ħtieġa li tkun disponibbli aktar għajnuna finanzjarja għall-iżvilupp ta’ difiżi kontra l-għargħar; jenfasizza l-effetti fatali tan-nirien fil-foresti u ta’ l-għargħar fuq annimali u bhejjem, u jitlob li tingħata għajnuna fit-tneħħija ta’ karkassi u fdalijiet sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-mard;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali milquta min-nirien u l-għargħar.