Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0366/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0366/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

25.9.2007

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Ana Maria Gomes, Alain Hutchinson u Marie-Arlette Carlotti
f'isem il-Grupp PSE
dwar l-operazzjoni ta' l-ESDP fiċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali (CAR)

Proċedura : 2007/2627(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0366/2007
Testi mressqa :
B6-0366/2007
Testi adottati :

B6‑0366/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-operazzjoni ta' l-ESDP fiċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali (RAĊ)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kunflitt fid-Darfur u l-impatt reġjonali wiesa' b'mod partikulari fuq in-naħa tal-Lvant taċ-Chad u n-naħa tat-Tramuntana tar-Repubblika Afrikana Ċentrali (RAĊ),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1706 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-31 ta' Awissu 2006, li wriet li jridu jiġu indirizzati l-aspetti tas-sigurtà reġjonali sabiex tinkiseb paċi dejjiema fid-Darfur,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tat-23-24 ta’ Lulju, li jitolbu 'lill-korpi kompetenti tiegħu jkomplu l-ippjanar bil-għan li tittieħed deċiżjoni dwar operazzjoni ta' tqarrib, fil-qafas tal-Politika Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża, bħala appoġġ għal preżenza multidimensjonali tan-NU fiċ-Ċad tal-Lvant u fil-Grigal tar-Repubblika Afrikana Ċentrali bil-għan li tittejjeb is-sigurtà f’dawk iz-zoni',

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1769(2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-31 ta’ Lulju 2007 li tistabbilixxi, għal perjodu inizjali ta’ 12-il xahar, operazzjoni Ibrida bejn l-UA u n-NU fid-Darfur (UNAMID),

–  wara li kkunsidra r-rapport ippreżentat fl-10 ta' Awissu 2007 mis-Segretarju-Ġenerali tan-NU, li jirrakkomanda li tintbagħat preżenza multi-dimensjonali fil-Lvant taċ-Ċad u fil-Grigal tar-Repubblika Afrikana Ċentrali, sabiex tittejjeb is-sigurtà tal-popolazzjonijiet rifuġjati u ta' dawk li kellhom iħallu djarhom, tiffaċilita l-provvista ta' l-għajnuna umanitarja u toħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ħidma tar-rikostruzzjoni u ta' l-iżvilupp f'dawn iz-zoni,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa ta’ Arusha dwar il-paċi f'Darfur, li saret mit-3 sas-6 ta' Awissu 2007,

–  wara li kkunsidra l-iffirmar f’N’Djamena fit-13 ta' Awissu 2007, fil-preżenza tal-komunità internazzjonali u tal-Kap ta' Stat taċ-Ċad, il-President Idriss Deby Itno, tal-ftehima politika bil-għan tat-tisħiħ tal-proċess demokratiku fiċ-Ċad mill-partiti politiċi rilevanti kollha taċ-Ċad fil-maġġoranza u fl-oppożizzjoni,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni Presidenzjali tas-27 ta’ Awissu 2007 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li tikkonferma li lesta tistabbilixxi missjoni tan-NU fiċ-Ċad u li tilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni ta’ l-UE li tagħti appoġġ permezz ta’ missjoni militari ta' l-ESDP,

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni tal-'kunċett ta' l-immaniġġjar tal-kriżijiet' fl-10 ta' Settembru permezz ta' proċedura bil-miktub mill-Kunsill,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103 (2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  filwaqt li bħalissa, minħabba l-kunflitt fid-Darfur u l-konsegwenzi transkonfinali tiegħu, madwar 238 000 refuġjat mis-Sudan, 44 600 refuġjat mir-Repubblika Afrikana Ċentrali u 170 000 persuna li kellhom jitilqu minn djarhom f’pajjiżhom stess (IDPs) huma ospitati fi tnax-il kamp mal-fruntiera tal-Lvant taċ-Ċad mas-Sudan,

B.  imħasseb dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-parti tal-Lvant taċ-Ċad li marret għall-agħar mill-2006, minħabba ġlied bejn forzi tas-sigurtà taċ-Ċad u ribelli taċ-Ċad u l-inkursjonijiet ta' milizji Janjaweed u ta' gruppi armati mis-Sudan, kif ukoll minħabba l-brigantaġġ u l-attakki fuq organizzazzjonijiet umanitarji,

C.  billi l-popolazzjonijiet ċivili fil-Grigal tar-Repubblika Afrikana Ċentrali wkoll sofrew minn attakki ta' forzi ribelli mis-Sudan,

D.  billi jrid isir kontribut sabiex tiżdied is-sigurtà f'dan ir-reġjun affettwat mill-kunflitt tad-Darfur, bħala parti minn strateġija globali u reġjonali,

E  billi din l-operazzjoni, fil-kuntest tal-Politika Ewropea għas-Sigurtà u għad-Difiża, għandha tifforma parti mill-qafas ġenerali ta' l-impenji ta' l-UE favur riżoluzzjoni tal-kriżi tad-Darfur, billi tindirizza l-effetti li jwasslu għal nuqqas ta' stabbiltà fil-pajjiżi ġirien,

F.  billi l-istabbiltà fuq żmien twil fis-Sudan, fiċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali teħtieġ ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, ta' l-istat tad-dritt u tat-tmexxija tajba,

G.  filwaqt li jinnota l-isforzi magħmula mill-partijiet reġjonali konċernati sabiex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt intern fiċ-Ċad mal-gruppi li ma ffirmawx il-ftehima ta' qabel, u filwaqt li jemmen li l-komunità internazzjonali għandha tinkoraġġixxi u tiffinanzja inizjattiva bil-għan li terġa' timplimenta l-mekkaniżmi tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti inter-kommunali biex tibni l-paċi u tiffaċilita r-ritorn voluntarju,

H.  billi għadd ta' Stati Membri ta' l-UE diġà qablu li jieħdu parti fl-operazzjoni, u billi hija wkoll mistennija l-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi,

I.  billi l-awtoritajiet taċ-Ċad u tar-Repubblika Afrikana Ċentrali kkonfermaw mas-Segretarju-Ġenerali tan-NU li jaqblu li tintbagħat din il-preżenza multi-dimensjonali ta' l-UE,

1.  Iqis li sforzi koordinati bejn l-UE u n-NU jistgħu jikkontribwixxu biex jinħolqu l-kundizzjonijiet li bihom il-partijiet differenti fil-kunflitt fir-reġjun usa’ tad-Darfur/Ċad tal-Lvant/RAĊ tat-Tramuntana jkunu jistgħu jsibu soluzzjoni politika li ttemm in-nuqqas ta' sigurtà f’dan ir-reġjun, u għaldaqstant ikun iktar faċli li r-refuġjati u l-persuni li kellhom jitilqu djarhom jirritornaw fl-irħula ta' l-oriġini tagħhom;

2.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-iffirmar f’N’Djamena fit-13 ta’ Awissu 2007 mill-partiti politiċi rilevanti kollha taċ-Ċad ta' ftehima bil-għan li jissaħħaħ il-proċess demokratiku fiċ-Ċad,

3.  Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-Riżoluzzjoni 1769(2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li tawtorizza li tinbagħat forza UA/NU ta’ 26,000 suldat u pulizija fid-Darfur, li tikkontribwixxi għall-paċi fir-reġjun kollu meta titqies ma’ forza tal-pulizija tan-NU u l-operazzjoni ppjanata ta’ l-ESDP fil-parti tal-Lvant taċ-Ċad u fil-parti tat-tramuntana tar-RAĊ,

4.  Jappoġġja l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-Moon biex tinstab soluzzjoni permezz ta’ negozjati għall-kunflitt fid-Darfur billi jitħeġġew il-kuntatti bejn l-awtoritajiet Sudaniżi u l-gruppi differenti tar-ribelli,

5.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-proċess politiku bil-medjazzjoni konġunta ta' l-UE u n-NU u bil-garanzija ta' koordinazzjoni sħiħa ta' l-inizjattivi kollha ma' l-UA u mal-Mibgħuta Speċjali tan-NU;

6.   Ifakkar li l-ebda missjoni ta' żamma tal-paċi fil-parti tal-Lvant taċ-Ċad u fil-parti tat-tramuntana tar-RAĊ ma jista' jkollha suċċess mingħajr proċess ġenwin ta' rikonċiljazzjoni; għaldaqstant jistieden lill-gvernijiet taċ-Ċad u tar-RAĊ sabiex jibdew djalogu politiku f'pajjiżhom li jkun jinkludi 'l kulħadd; jistieden ukoll lill-komunità internazzjonali sabiex timmoniterja l-progressi konkreti u tidħol f'impenn fuq tul taż-żmien sabiex iġġib paċi u sigurtà dejjiema fir-reġjun; għalhekk jirrakkomanda li l-forza ta' l-UE jkun fiha għadd sinifikanti ta' persuni intiżi fid-drittijiet tal-bniedem, fl-istat tad-dritt u fl-affarijiet politiċi sabiex dawn jibdew ħidma fuq il-post biex tiffaċilita l-proċess ta' paċi;

7.  Jappoġġja t-tnedija ta’ operazzjoni ta’ l-ESDP fil-parti tal-lvant taċ-Ċad u fil-parti tat-tramuntana tar-RAĊ sabiex dawn iż-żewġ reġjuni jsiru sikuri, u għaldaqstant tissaħħaħ l-effikaċja ta’ l-operazzjoni UA/NU f’Darfur u tkun appoġġjata l-forza ta' pulizija tan-NU li għandha tintbagħat fil-parti tal-lvant taċ-Ċad biex tħarreġ u tmexxi lill-forzi ta' pulizija taċ-Ċad, li xogħolhom se jkun li jipproteġu l-kampijiet u l-villaġġi u jikkontrollaw il-fruntieri;

8.  Jinnota li din l-operazzjoni militari, li tista' tinvolvi sa 4000 suldat, se ddum sena, u se jkun hemm evalwazzjoni f'nofs it-terminu tagħha;

9.  Jirrakkomanda li din l-operazzjoni militari ta' l-ESDP fil-parti tal-lvant taċ-Ċad u fil-parti tat-tramuntana tar-RAĊ, li għandha l-għan li tiggarantixxi l-kundizzjonijiet ta' sigurtà meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jsegwu l-attivitajiet umanitarji, tkun suġġetta għal dawn il-kundizzjonijiet:

  • a)il-forza Ewropea (EUFOR) għandha sservi ta' deterrent, jiġifieri li għandu jkollha mandat b'saħħtu, skond il-Kapitolu VII u regoli ċari ta' ingaġġ li jippermettu l-użu tal-forza meta dan ikun meħtieġ, u, jekk ikun il-każ, permezz ta' azzjoni preventivi, l-aktar f'każ ta' attakki kontra nies ċivili, kampijiet tar-rifuġjati u villaġġi, ħaddiema umanitarji u għad-difiża proprja, sabiex
    • tikkontribwixxi għall-ħarsien ta' nies ċivili fil-periklu, b'mod partikulari rifuġjati u persuni li kellhom jitilqu 'l arthom;
    • tiffaċilita l-provvista ta' għajnuna umanitarja u l-moviment ħieles tal-persunal umanitarju;
    • tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-persunal, tal-binjiet u tat-tagħmir, tan-NU;
    • iġġib fit-tmiem l-attakki transkonfinali billi tagħmel sikur il-fruntiera bejn is-Sudan u ċ-Ċad;
  • b)fl-istess ħin, il-EUFOR għandha taħdem b'mod strettament newtrali u imparzjali billi ma tinvolvix ruħha f'taqbidiet bejn l-awtoritajiet governattivi u l-gruppi ribelli;
  • c)il-EUFOR għandha tkun magħmula minn elementi varji u l-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu t-truppi meħtieġa malajr kemm jista' jkun;
  • d)sabiex tiskuraġġixxi kwalunkwe aggressur potenzjali u biex tiżgura li jkun hemm distinzjoni ċara bejn it-truppi militari u l-ħaddiema umanitarji, il-EUFOR għandha tkun viżibbli u mgħammra kif xieraq; hija għandha tkun kapaċi twettaq kontrolli fuq distanza twila b'vetturi armati u b'ħelikopters (anke ħelikopters ta' l-attakk)
  • e)sabiex taġixxi b'effiċjenza, il-EUFOR għandha tkun kapaċi tiġbor malajr l-informazzjoni li teħtieġ dwar kull theddida potenzjali: għal dan il-għan il-EUFOR għandu tkun kapaċi tħaddem mezzi u riżorsi adegwati;
  • f)f'każ ta' emerġenza, il-EUFOR għandha tkun kapaċi li tibgħat is-suldati tagħha fejn ikunu meħtieġa: il-mobilità tkun fattur ewlieni għas-suċċess ta' din l-operazzjoni; għaldaqstant l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-EUFOR b'helikopters tat-trasport sabiex hi tkun tista' taġixxi malajr għal kull theddida, u b'hekk tkabbar kemm jista' jkun l-irwol tagħha ta' deterrent;
  • g)b'konformità sħiħa mal-prinċipji tal-Liġi Umanitarja Internazzjonali, il-EUFOR m'għandhiex tiġi involuta jew tindaħal fil-ħidma mwettqa mill-NGOs li jinsabu fiċ-Ċad u fir-RAĊ, sabiex ma tpoġġihomx f'periklu;
  • h)il-EUFOR trid tistabbilixxi koordinazzjoni effettiva ma' l-UNAMID sabiex tipproteġi z-zona li hija responsabbli għaliha bl-iktar mod effiċjenti;
  • i)qabel id-dħul ta' l-EUFOR għandha tiġi ddefinita strateġija ċara tat-trasferiment ta' l-inkarigi flimkien mal-pajjiżi ospitanti; din l-istrateġija, li sa mill-bidu, għandha tipprovdi għas-sostituzzjoni ta' l-EUFOR b'forza multinazzjonali oħra, tista' tiġi riveduta, jekk ikun hemm il-ħtieġa, wara l-evalwazzjoni li titwettaq wara 6 xhur, sabiex tippermetti l-għeluq b'suċċess tal-mandat tagħha u s-sigurtà tat-truppi impenjati;

10.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jinforma lill-Parlament fuq bażi regolari, speċjalment permezz tas-Sottokumitat dwar is-Sigurtà u d-Difiża, dwar il-fażijiet differenti ta' l-ippjanar u t-twettiq ta' l-operazzjoni, inklużi l-lezzjonijiet li wieħed jitgħallem minnhom mill-proċess;

11.  Jiddispjaċih li għal bosta raġunijiet din l-operazzjoni ta' l-ESDP ma tistax titwettaq miċ-ċentru ta' l-operazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea li għadu kif twaqqaf; jittama li din is-sitwazzjoni tinbidel bit-Trattat ta' Riforma l-ġdid li għandu jagħmel l-ESDP aktar effiċjenti;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-UA u lill-Ko-Presidenti ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-UE.