Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0494/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0494/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

4.12.2007

biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u l-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
mressqa minn Marcello Vernola
f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar il-finalizzazzjoni ta' Ftehima ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa waħda, u l-Montenegro min-naħa l-oħra

Proċedura : 2007/2638(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0494/2007
Testi mressqa :
B6-0494/2007
Testi adottati :

B6‑0494/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-finalizzazzjoni ta' Ftehima ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha min-naħa waħda, u l-Montenegro, min-naħa l-oħra

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta' Ottubru 2005 biex jibdew in-negozjati mas-Serbja u l-Montenegro fid-dawl ta' Ftehima ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA),

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni mill-Kunsill fl-24 ta' Lulju 2006, ta' mandat ta' negozjar speċifiku għall-Montenegro, wara d-dikjarazzjoni ta' indipendenza tal-Parlament tal-Montenegro,

–  wara li kkunsidra l-għeluq tan-negozjati dwar l-FSA fl-1 ta' Diċembru 2006 u l-iffirmar tal-Ftehima fil-15 ta' Marzu 2007,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Ftehima ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, u r-Repubblika tal-Montenegro f'isem il-Komunità Ewropea (COM(2007)350-1),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-finalizzazzjoni tal-Ftehima ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra, COM(2007)350-2),

–  wara li kkunsidra l-iffirmar tal-ftehimiet fit-18 ta' Ottubru 2007 bejn l-UE u l-Montenegro dwar is-simplifikar biex jinkisbu viżi għal żmien qasir u dħul mill-ġdid,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress 2007 tal-Kummissjoni dwar il-Montenegro (SEC 2007)1434,

–  wara li kkunsidra d-dokument indikattiv ta' programmazzjoni finanzjarja multiannwali għall-Montenegro skond l-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni (2007-2009),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Montenegro huwa wieħed mill-partijiet firmatarji tat-Trattat Komunitarju dwar l-Enerġija,

B.  billi l-Montenegro kkonferma r-ratifika ta' l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali fit-23 ta' Ottubru 2006,

C.  billi l-ġejjieni tal-Montenegro jinsab fl-Unjoni Ewropea,

D.  billi l-Montenegro huwa firmatarju ta' l-Assoċjazzjoni tal-Kummerċ Ħieles ta' l-Ewropa Ċentrali (CEFTA); billi l-adeżjoni tal-Montenegro mad-WTO tista' tiġi ffinalizzata fl-2008,

E.  billi fil-laqgħat tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 f'Thessaloniki l-Kunsill Ewropew irrikonoxxa li l-ġejjieni tal-Montenegro huwa fl-Unjoni Ewropea, u li dan ġie kkonfermat f'bosta okkażjonijiet mill-Kunsill u l-Parlament,

F.  wara li kkunsidra l-ambitu tal-Ftehima ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li tistabbilixxi relazzjoni kontrattwali bejn il-Komunità Ewropea u l-Montenegro f'oqsma vitali tal-ħajja istituzzjonali, soċjali u ekonomika ta' dan il-pajjiż,

G.  wara li kkunsidra l-importanza tad-dimensjoni ambjentali fil-ħajja ekonomika u soċjali tar-Repubblika tal-Montenegro, importanza rikonoxxuta mill-Kostituzzjoni tagħha, li tiddikjara li l-Montenegro huwa repubblika ekoloġika, u tenfasizza l-importanza li ma' tali dikjarazzjonijiet ta' intenzjoni hemm miżuri prattiċi u strutturi effikaċi,

H.  wara li kkunsidra l-irwol essenzjali li ġudikatura indipendenti, kompetenti u responsabbli ħielsa mill-korruzzjoni għandha fil-ħajja ta' pajjiż demokratiku,

I.  wara li kkunsidra l-ħtieġa li l-assistenza Komunitarja lill-Montenegro tkun proporzjonata ma' l-impenji kontrattwali li joħorġu mill-Ftehima hawn fuq imsemmija,

J.  billi, wara ftehima bejn il-koalizzjoni li qed tiggverna u sezzjonijiet importanti ta' l-oppożizzjoni, il-Parlament tal-Montenegro adotta fid-19 ta' Ottubru 2007, Kostituzzjoni ġdida għall-Montenegro, bil-maġġoranza meħtieġa ta' żewġ terzi,

K.  billi fl-2007 l-ekonomija tal-Montenegro qed turi tkabbir sod (kważi 8%) u volum dejjem akbar ta' investiment dirett barrani (707 miljun €); billi r-rata tal-qgħad bħalissa hija baxxa u għall-ewwel darba niżlet taħt it-12%; billi, madankollu, għada baqa' tħassib dwar id-defiċit tal-kont kurrenti tal-bilanċ tal-ħlasijiet,

L.  billi l-korruzzjoni għadha problema serja fil-Montenegro, u billi fl-Indiċi tal-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni ta' l-2007 ta' Trasparenza Internazzjonali, il-Montenegro kellu l-punteġġ medju ta' 3.3 (fuq skala li tvarja minn 0, li tfisser "korrott ħafna" sa 10, li tfisser "nadif ħafna"),

1.  Jifraħ lill-gvern tal-Montenegro dwar il-konklużjoni mħaffa tan-negozjati dwar il-finalizzazzjoni tal-Ftehima ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) u l-iffirmar reċenti ta' dan id-dokument importanti;

2.  Iqis l-FSA bħala l-ewwel pass, iżda importanti, mill-Montenegro biex jingħaqad ma' l-Unjoni Ewropea u jemmen li l-ftehima tipprovdi eżempju ulterjuri tal-bidliet pożittivi fil-Balkani tal-Punent li l-prospettiva għal sħubija ma' l-UE tista' tikseb; ifakkar madankollu lill-awtorità tal-Montenegro li l-prospettiva ta' adeżjoni għandha tkun evalwata b'mod realistiku, mhux biss fuq il-bażi tat-transpożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' regoli u standards Komunitarji imma wkoll fuq il-kapaċità amministrattiva u ġudizjarja effettiva tal-pajjiż u l-allokazzjoni ta' biżżejjed riżorsi, li huma essenzjali għal qafas leġiżlattiv sod fil-Montenegro u l-implimentazzjoni effettiva tiegħu u huwa rekwiżit fundamentali għall-iżvilupp demokratiku u ekonomiku tal-pajjiż;

3.  Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tqis l-esperjenzi uniċi tar-riformi marbuta mat-tranżizzjoni ta' l-Istati Membri li ngħaqdu ma' l-UE fis-seklu 21 sabiex telabora fuq il-mekkaniżmi operattivi l-ġodda li jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-Montenegro;

4.  Jirrakkomanda tisħiħ fl-irwol tal-Parlament, bħala l-qofol tad-demokrazija parlamentari, u josserva li għaldaqstant għandu jaġixxi bħala korp ta' skrutinju, per eżempju fil-qasam tal-finanzi pubbliċi;

5.  Jistieden lill-Parlament tal-Montenegro, skond kif iħares lejn l-irwol tiegħu, sabiex jikkontribwixxi b'mod attiv fil-proċess ta' tqarrib ma' l-UE; ifakkar lill-Gvern li għandu jinvolvi lill-Parlament b'mod attiv fil-proċess tat-tfassil ta' l-opinjonijiet;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern u lill-Parlament tal-Montenegro sabiex jagħtu effett prattiku lill-objettivi mniżżla fl-Artikolu 80 ta' l-FSA, bl-introduzzjoni ta' liġijiet u regolamenti meħtieġa sabiex tkun ġarantita l-indipendenza u r-responsabilizzazzjoni tal-ġudikatura; iqis, f'dan ir-rigward, li d-dispożizzjonijiet tal-kostituzzjoni l-ġdida dwar ir-responsabilità fil-ħatra ta' l-imħallfin inaqqsu s-setgħat ta' għażla tal-Parlament u jżidu l-awtonomija tal-korp ġudizzjarju li jirregola lilu nnifsu; ifakkar li huwa essenzjali li ġudikatura indipendenti, effikaċi u ħielsa mill-korruzzjoni tkun fis-seħħ biex tieħu ħsieb l-implimentazzjoni sħiħa u irriversibbli ta' l-istat ta' dritt;

7.  Iħeġġeġ lill-gvern tal-Montenegro u lill-awtoritajiet ġudizzjarji biex jipprovdu l-għajnuna u l-koperazzjoni kollha meħtieġa lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani rigward il-konklużjoni ta' l-inkjesta dwar il-kriminalità organizzata u l-kuntrabandu tas-sigaretti li tinvolvi politiċi promenti tal-Montenegro u tista' tiġi segwita b'mandat ta' arrest internazzjonali;

8.  Jinnota b'sodisfazzjon il-koperazzjoni kontinwa tal-Montenegro ma' l-ICTY u jenfasizza li din il-koperazzjoni hija marbuta ħafna mal-progress tal-Montenegro lejn sħubija ma' l-UE; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Montenegro biex itemmu l-investigazzjonijiet tagħhom fuq Sreten Glendza, kmandant tad-distrett tal-pulizija ta' l-Ulcinj, u fuq ħames ex uffiċjali tal-pulizija li ġew akkużati li wettqu reati tal-gwerra fl-1992; jistieden lill-istess awtoritajiet biex jiftakkru fl-istrateġija ta' finalizzazzjoni tat-Tribunal u jwettqu l-arranġamenti meħtieġa minħabba l-iskadenza ta' l-2008 għall-konklużjoni tal-ġurijiet kollha fl-ICTY;

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-arrest li seħħ aktar kmieni din is-sena fit-territorju tal-Montenegro ta' l-akkużat maħrub għar-reati tal-gwerra Vlastimir Djordjevic u jistieden lill-awtoritajiet tal-Montenegro biex jikkoperaw mas-Serbja u ma' pajjiżi ġara oħra fil-lokalizzazzjoni u fl-arrest tas-suspettati tar-reati tal-gwerra li fadal, b'mod partikolari ta' Ratko Mladic u ta' Radovan Karadzic;

10.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Montenegro sabiex jadottaw u jimplimentaw politiki proattivi kontra l-korruzzjoni, bil-għan li titjieb l-effiċjenza ta' l-amministrazzjoni pubblika, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, armi, sigarretti u drogi, ladarba dawn huma rekwiżiti għal aktar integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea; ifakkar l-importanza li tiġi stabbilita klima ta' sikurezza għaċ-ċittadini tal-Montenegro, għat-turisti u l-investituri barranin u jistieden f'dan ir-rigward li korpi indipendenti li jissorveljaw il-korruzzjoni jiġu msaħħa.

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tal-Ftehima ta' Faċilitazzjoni tal-Viża u tal-Ftehima ta' Rijammissjoni mal-Montenegro fit-18 ta' Settembru 2007 bħala l-ewwel pass lejn reġim ħieles mill-viża u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jistabbilixxu rotta programmata konkreta u jadottaw miżuri maħsuba biex iżidu l-opportunitajiet ta' vvjaġġar għal proporzjon akbar ta' ċittadini, partikolarment ta' żgħażagħ u ta' studenti;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon f'dan ir-rigward il-ftuħ taċ-Ċentru ta' l-Applikazzjoni Komuni ta' l-UE f'Podgorica sabiex jiffaċilita l-proċeduri għal ħruġ ta' viża għal perjodu qasir u jistieden lill-Istati Membri biex jipparteċipaw f'dan il-proġett taċ-Ċentru ta' l-Applikazzjoni Komuni sabiex iċ-ċittadini tal-Montenegro jibbenefikaw bis-sħiħ mill-Ftehima li ġiet iffirmata;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Montenegro biex jieħdu l-iffirmar tal-ftehima bħala opportunità biex jiksbu riformi qawwija f'oqsma bħall-istat ta' dritt, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, it-tisħiħ tal-kontrolli fuq il-fruntiera, u ż-żieda fil-kapaċità amministrattiva tal-Montenegro;

14.  Jenfasizza l-importanza ta' l-Artikolu 114 ta' l-FSA li fih impenn għal "aktar żvilupp ta' politika amministrattiva effiċjenti u ta' responsabilizzazzjoni fil-Montenegro" u jħeġġeġ lill-Gvern sabiex jadotta d-dispożizzjonijiet meħtieġa bil-għan li tkun garantita trasparenza fir-reklutaġġ u l-ġestjoni tal-karrieri fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika kif ukoll sabiex isir użu sħiħ, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, mill-istrumenti Komunitarji ta' assistenza u ta' ġemellaġġ għall-korpi pubbliċi;

15.  Jiddispjaċih dwar l-iffirmar ta' ftehima bejn l-Istati Uniti u l-Montenegro, li fiha l-Montenegro jwiegħed li ma jgħaddix persunal ta' l-Istati Uniti lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) bil-patt u l-kundizzjoni li l-Istati Uniti tipprovdi għajnuna militari lill-Montenegro (l-hekk imsejħa ftehima ta' l-Artikolu 98); ifakkar li l-UE topponi dawn il-ftehimiet għaliex idgħajfu l-awtorità ta' l-ICC; jistenna li l-Montenegro iqis il-pożizzjoni ta' l-UE f'dan ir-rigward u jadotta l-miżuri xierqa;

16.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' turiżmu eko-sostenibbli huwa ta' importanza kbira għall-futur ekonomiku tal-Montenegro; jinsisti dwar il-bżonn li l-Montenegro jadotta qafas ta' leġiżlazzjoni ambjentali koerenti u pjan ewlieni għall-ħarsien tal-kosta u jħeġġeġ lill-Gvern biex il-korpi indipendenti responsabbli biex jiżguraw li jkun hemm rispett b'mod partikolari għall-bilanċ ekoloġiku delikat fiz-zoni kostali, iżda anki għall-parks nazzjonali fin-naħa ta' ġewwa tal-pajjiż isiru operattivi, u jikkundanna l-fatt li l-Artikolu 96 ta' l-FSA ma fih ebda impenn ċar f'dan ir-rigward.

17.  Jiddispjaċih dwar l-ispekulazzjonijiet fuq il-proprjetà u l-beni immobbli li għaddejjin bħalissa u l-impatt negattiv tagħhom fuq l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż, primarjament minħabba l-kontroll dgħajjef jew mhux biżżejjed ta' l-awtoritajiet statali jew lokali;

18.  Jinnota li de facto l-Montenegro juża l-euro bħala l-munita uffiċjali; jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-użu attwali ta' l-euro, li ġie deċiż mill-awtoritajiet tal-Montenegro f'ċirkustanzi eċċezzjonali, ma għandu x'jaqsam xejn mas-sħubija fiz-zona euro; ifakkar li sabiex wieħed jingħaqad maz-zona euro jridu jiġu sodisfatti l-kriterji kollha definiti fit-Trattat, li jinkludu l-kisba ta' livell għoli ta' konverġenza sostenibbli;

19.  Iħeġġeġ għalhekk lill-Gvern u lill-Parlament tal-Montenegro sabiex jimplimentaw ma' l-ewwel opportunità li jkollhom il-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pajsaġġi - partikolarment taz-zoni kostali - u ta' l-ilmijiet u ta' l-ambjent tal-baħar, kif ukoll jimplimentaw il-pjanijiet ewlenin għall-ġestjoni integrata ta' l-iskart u t-trattament tad-drenaġġ, b'iffukar partikolari fuq il-promozzjoni tal-ġbir differenzjat ta' l-iskart fil-lokalitajiet turistiċi tal-kosta u billi jipprovdu għall-bini ta' impjanti għall-irkupru termali; jigbed l-attenzjoni b'mod partikolari lejn il-bilanċ ekoloġiku delikat tal-Bajja ta' Kotor u l-ħtieġa urġenti li jkun hemm intervent kollettiv bil-għan li dan il-patrimonju ta' sbuħija naturali u arkitettonika rari jiġi ppreservat;

20.  Jirrakkomanda li l-awtoritajiet tal-Montenegro jagħtu effett prattiku lill-objettivi mniżżla fl-Artikolu 109 billi joħloqu, mill-aktar fis, impjanti li jużaw enerġija li tiġġedded; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tgħin lill-Gvern tal-Montenegro fit-tfittxija tal-finanzjamenti pubbliċi jew pubbliċi-privati meħtieġa sabiex jinbnew dawn l-impjanti; jinnota li l-abbozz ta' l-Istrateġija dwar l-Enerġija 2025 tipprovdi l-opportunità li tittrasforma s-settur ta' l-enerġija tal-Montenegro f'wieħed li jagħmel anqas ħsara lill-ambjent u jenfasizza l-importanza tiegħu għall-iżvilupp tal-pajjiż;

21.  Jinnota li l-investiment dirett barrani fil-Montenegro huwa maħkum minn investimenti fil-proprjetà immobbli; jinsab imħasseb dwar l-ispekulazzjoni fuq il-proprjetà ta' l-art u dik immobbli, li ma tantx tista' tingħeleb malajr u tista' tkun responsabbli li twassal għall-bini taz-zona kostali kollha; josserva li, fl-istess ħin, il-kontrolli fuq il-bini għandhom rwol importanti f'din il-kwistjoni u li, f'zoni sensittivi għandhom jiġu kkunsidrati moratorji fuq il-bini;

22.  Imħasseb dwar in-nuqqas ta' trasparenza u l-kultura ta' monopolji fi ħdan l-istrutturi politiċi u ekonomiċi li qed ifixklu l-iżvilupp tal-Montenegro bħala soċjetà demokratika tas-suq ħieles;

23.  Huwa ta' l-opinjoni li n-nuqqas ta' ppjanar ta' żvilupp ekonomiku fuq medda qasira u twila ta' żmien kif ukoll in-nuqqas li tiġi indirizzata l-'ekonomija moħbija' mdaqqsa tal-Montenegro jistgħu jagħmlu ħsara lill-implimentazzjoni b'suċċess ta' l-FSA; jistieden għalhekk lill-awtoritajiet tal-Montenegro sabiex jieħdu impenn aktar sod favur il-ħolqien ta' l-impjiegi, waħda mill-akbar problemi ekonomiċi u soċjali li qed taffronta s-soċjetà tal-Montenegro, u biex jistabbilixxu politiki ekonomiċi sabiex joħolqu klima ta' negozju miftuħ, kompettitiv u trasparent;

24.  Jiġbed l-attenzjoni fuq l-importanza ta' l-iżvilupp ta' netwerk ta' trasport intermodali li ma jiffokax biss fuq it-trasport fuq it-toroq; iqis li dan l-objettiv jista' jiġi segwit permezz ta' sħubijiet mas-settur privat u bil-ħruġ ta' bonds governattivi; jirrakkomanda li jitkompla t-tiġdid tal-linji tal-ferrovija u jerġgħu jinbnew dawk li qed jintużaw parzjalment minn Podgorica lejn il-belt ta' Nikšić u lejn Shkoder, belt fuq il-fruntiera Albaniżi:

25.  Jistieden lill-Gvern tal-Montenegro sabiex ifittex soluzzjonijiet fit-tul għall-problemi ta' l-akkomodazzjoni u tan-nazzjonalità tar-refuġjati li ġejjin mill-pajjiż ġar tal-Kosovo, fuq il-bażi tal-Konvenzjoni Ewropea ta' l-1997 dwar in-Nazzjonalità u l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa adottata dan l-aħħar dwar il-Prevenzjoni ta' Nuqqas ta' rikonoxximent taċ-ċittadinanza marbuta mal-ħolqien ta' Stati ġodda;

26.  Iħeġġeġ lill-awtoritàjiet tal-Montenegro sabiex jikkordinaw b'mod aktar effiċjenti l-parteċipazzjoni tal-Montenegro fil-programmi Komunitarji, partikolarment fil-qasam ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ; jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li programmi bħal dawn jistgħu jkunu strument effikaċi biex titjieb il-kwalità ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ disponibbli u sabiex jiġu offruti opportunitajiet ġodda ta' studju, inkluża l-possibilità għaż-żgħażagħ tal-Montenegro li jagħmlu żmien jistudjaw barra minn pajjiżhom; iqis xieraq li flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, ikunu studjati modi biex ikunu promossi ftehimiet ta' ġemellaġġi u sħubijiet bejn l-istrutturi tal-Montenegro u l-istrutturi ekwivalenti fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea; jikkunsidra li l-liberazzjoni tal-viża tista' tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-Montenegro fil-programmi Komunitarji;

27.  Jistieden lill-Gvern tal-Montenegro sabiex jimplimenta r-riformi tal-liġijiet dwar il-midja, b'mod partikolari l-Liġi dwar it-Trasparenza tal-Midja u l-Prevenzjoni tal-Konċentrazzjoni tal-Midja, sabiex ikun hemm aktar trasparenza u jiġu evitati l-monopolji tal-midja, kemm fil-midja stampata, kif ukoll f'dik elettronika; jistieden lill-Parlament biex jiżgura l-indipendenza tal-Kunsill tax-Xandir mir-Radju Televiżjoni tal-Montenegro (RTCG), inkluża rappreżentanza ġenwina mis-setturi kollha tas-soċjetà, biex b'hekk tiġi ffaċilitata t-trasformazzjoni sħiħa ta' l-RTCG f'servizz tax-xandir pubbliku professjonali;

28.  Josserva li huwa essenzjali li tissaħħaħ u tinżamm midja indipendenti b'rappurtaġġ bilanċjat;

29.  Jiddispjaċih ħafna li għadu ma ssolviex il-każ li involva l-qtil tal-ġurnalist Dusko Jovanovic, li, fiż-żmien li ġie maqtul kien wasal biex jippubblika serje ta' artikli dwar il-kuntrabandu tas-sigaretti u forom oħra ta' kriminalità organizzata fil-Montenegro;

30.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Montenegro sabiex jiggarantixxi l-libertà ta' l-istampa u jitlob investigazzjoni dwar l-aggressjoni fuq Zeljko Ivanovic, editur tal-ġurnal indipendenti ta' kuljum 'Vijesti', li seħħet f'Podgorica fl-1 ta' Settembru 2007;

31.  Jenfasizza l-importanza ta' l-irwol li s-soċjetà ċivili jista' jkollha fl-iżvilupp tad-demokrazija u l-istat tad-dritt billi tiġbed l-attenzjoni fuq il-problemi soċjali u fuq kwistjonijiet politiċi sensittivi; jistieden f'dan il-kuntest għal salvagwardji aktar b'saħħithom u kundizzjonijiet aħjar għall-partijiet kollha interessati tas-soċjetà ċivili;

32.  Jinnota l-impenn meħud mill-gvern tal-Montenegro sabiex jippromwovi l-koperazzjoni kulturali u jitlob għal aktar parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fis-settur kulturali, inter alia permezz tad-dispożizzjoni għal inċentivi għal diversi forom ta' assoċjazzjoni u bil-promozzjoni tal-kuntatt fost il-persuni;

33.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi biex l-istudenti tal-Montenegro jingħatawlhom opportunitajiet ta' studju fil-pajjiżi ta' l-UE; jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex isibu mezzi ġodda ta' interazzjoni mal-poplu tal-Montenegro;

34.  Jiddeplora l-ittardjar fil-ftuħ ta' l-uffiċċju tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni fil-Montenegro; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-preżenza viżibbli ta' l-Unjoni Ewropea fil-Montenegro, partikolarment fid-dawl tad-dħul fis-seħħ ta' l-FSA; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni nidiet il-proċeduri għar-reklutaġġ ta' l-istaff għall-uffiċċju f'Podgorica u temmen li dawn se jitlestew kemm jista' jkun malajr;

35.  Jilqa' b'sodisfazzjoni l-inawgurazzjoni ta' punt ġdid ta' qsim tal-fruntiera f'Scepan Polje fl-1 ta' Ottubru 2007 u b'rabta ma' dan, it-tħabbir tal-bini ta' aktar punti ġodda ta' qsim tal-frunitiera; jilqa' f'dan ir-rigward l-iżvilupp ta' relazzjonijiet tajba mal-viċinat;

36.  Jinnota li l-ftehima permanenti dwar il-fruntiera bejn il-Kroazja u l-Montenegro se jkollha tieħu post il-ftehima interim li ntemmet bejn il-Kroazja u dik li qabel kienet l-Unjoni Statali tas-Serbja u l-Montenegro; huwa ta' l-opinjoni li l-ftehima interim attwali li ġiet implimentata fil-Peniżula Prevlaka kienet bażi eċċellenti għall-ftehima permanenti l-ġdida;

37.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni mill-Parlament tal-Montenegro ta' test kostituzzjonali ġdid; jemmen li l-Kostituzzjoni l-ġdida tintroduċi separazzjoni tas-setgħet aktar ċara bejn il-leġiżlatura, l-eżekuttiv u l-ġudikatura u tistabbilixxi biżżejjed salvagwardji għall-minoritajiet nazzjonali;

38.  Huwa ta' l-opinjoni li t-test kostituzzjonali l-ġdid huwa pass fit-triq it-tajba li jipprovdi evidenza ulterjuri tar-rieda tal-Montenegro li jintegra bis-sħiħ fl-UE; madankollu huwa ta' l-opinjoni, li, ladarba jkunu ttieħdu passi xierqa biex titjieb ir-responsabilizzazzjoni ta' l-imħallfin u titneħħa l-korruzzjoni endemika li tħammeġ l-immaġini tal-ġudikatura tal-Montenegro, id-dispożizzjonijiet rigward il-ħatra u t-tneħħija ta' awtoritajiet ġudizzjarji għandhom jitjiebu bil-għan li l-ġudikatura tkun issalvagwardjata aktar;

39.  Iqis li koperazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent tista' sservi ta' strument effikaċi biex jissolvew il-problemi politiċi, ekonomiċi u soċjali tagħhom; jilqa' l-adeżjoni tal-Montenegro mal-ftehima tas-CEFTA li se tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tgħin lill-awtoritajiet tal-Montenegro fit-tisħiħ tal-koperazzjoni mal-pajjiżi tal-viċinat fil-qasam ta' l-enerġija, l-ambjent u t-trasport; jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni tal-Montenegro fl-Unjoni Ewropea;

40.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri u lill-Gvern tal-Montenegro.