Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0235/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0235/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

15.5.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Adam Bielan, Konrad Szymański, Inese Vaidere, Hanna Foltyn-Kubicka, Roberts Zīle, Ryszard Czarnecki u Ģirts Valdis Kristovskis,
f'isem il-Grupp UEN
dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja

Proċedura : 2008/2542(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0235/2008
Testi mressqa :
B6-0235/2008
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0235/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit ta' bejn l-UE u r-Russja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Sħubija u Koperazzjoni (PCA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u l-Federazjoni Russa, li daħal fis-seħħ fl-1997 u li skada fl-2007,

–  wara li kkunsidra n-negozjati dwar Ftehima ta’ Sħubija u Koperazzjoni ġdida bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-ħames protokolli tagħha,

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjoni bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-diversi rapport kredibbli ta’ NGOs Russi u internazzjonali dwar il-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċeċnija,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament Ewropew ta’ l-10 ta’ Jannar 2007 bl-isem ‘Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa’ (COM (2007)0001),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2006 dwar is-sikurezza tal-provvista ta’ l-enerġija fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, u b’mod partikolari

  • --ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar l-Estonja,
  • --ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ April 2007 dwar ir-Russja,
  • --ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Samit UE-Russja f’Helsinki li sar fl-24 ta’ Novembru 2006,
  • --ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2006 dwar ir-relazzjonijiet UE-Russja wara l-qtil tal-ġurnalista Russa Anna Politkovskaya,
  • --ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-15 ta’ Ġunju 2006 dwar is-Samit UE-Russja f’Sochi li sar fil-25 ta’ Mejju 2006,
  • -ir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2006 dwar iċ-Ċeċnija wara l-elezzjonijiet u s-soċjetà ċivili fir-Russja,
  • --ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2005 dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u l-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-NGOs
  • -u r-rapport tiegħu tas-26 ta’ Mejju 2005 dwar r-relazzjonijiet UE-Russja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE ripetutament enfasizzat l-impenn tagħha biex tikseb sħubija strateġika mar-Russja bbażata fuq valuri democratici;

B.  billi koperazzjoni akbar u relazzjonijiet ta' viċinanza tajba bejn l-UE u r-Russja huma ta' importanza prinċipali għall-istabbilita, is-sigurta u l-prosperita ta' l-Ewropa kolha; billi relazzjonijiet reċiproki bejn l-UE u r-Russja għandhom ikunu bbażati fuq koperazzjoni politika, ekonomika u dwar l-enerġija rigward ir-rispett għall-istat tad-dritt, għall-prinċipji u l-proċeduri demokratiċi u għad-drittijiet umani bażiċi;

C.  billi l-Federazzjoni Russa hija Membru tal-Kunsill ta’ l-Ewropa u għalhekk ikkommettiet ruħha għall-valuri, objettivi u impenji ta’ dik l-entità, kif stipulat fl-Istatut u fil-konvenzjonijiet tiegħu u b’mod partikolari kkommettiet ruħha li tippromwovi d-demokrazija u tikkonsolida l-istabilità demokratika fl-Ewropa,

billi fir-Russja d-demokrazija ddgħajfet, b’mod partikolari minħabba li l-istazzjonijiet tat-TV l-kbar u l-biċċa l-kbira ta' l-istazzjonijiet tar-radju inġiebu taħt il-kontroll tal-gvern, minħabba l-awto-ċensura tal-midja stampata, minħabba r-restrizzjonijiet il-ġodda fuq id-dritt li jkunu organizzati dimostrazzjonijiet pubbliċi u minħabba s-sitwazzjoni li qed teħżien għall-NGOs,

E.  billi s-sitwazzjoni fir-reġjuni ta’ l-Abkhazia u l-Ossetia t’Isfel fil-Georgia qed teħżien minħabba l-passi li ħadet riċentiment il-Federazzjoni Russa,

F.  billi fis-16 ta’ April il-President Russu Vladimir Putin ta istruzzjonijiet lill-Gvern Russu biex dan jidħol f’koperazzjoni diretta mar-rappreżentanti tar-reġjuni ta’ l-Abkhazia u Tskhinvali (Ossetia t’Isfel) u billi din id-deċiżjoni xxekkel is-sovranità tal-Georgia li hija rikonoxxuta fuq livell internazzjonali;

G.  billi l-Federazzjoni Russa b’mod unilaterali żiedet in-numru ta’ persuni għaż-żamma ta’ paċi fl-Abkhazia, l-Georgia, mingħajr ma talbet approvazzjoni minn qabel jew il-kunsens tal-Gvern tal-Georgia,

H.  billi s-sikurezza tal-provvista ta' l-enerġija hija waħda mill-akbar sfidi għall-Ewropa u waħda mill-oqsma maġġuri ta' koperazzjoni mar-Russja,

I   billi huwa importanti li l-UE titkellem b’vuċi waħda, turi solidarjetà u unità fir-relazzjonijiet tagħha mal-Federazzjoni Russa,

1.  Jerġa' jtenni l-konvinzjoni tiegħu li r-Russja tibqa' msieħba importanti għal koperazzjoni prammatika, li magħha l-UE taqsam mhux biss interessi ekonomiċi u kummerċjali, iżda wkoll l-objettiv ta' koperazzjoni mill-viċin fil-kamp internazzjoni kif ukoll fil-viċinat komuni; jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn li ħa l-President Russu li għadu kemm ġie elett li jiggarantixxi l-istat tad-dritt u d-demokrazija u esprimi t-tama li s-Sur Medvedev jagħti prijorità lit-tisħiħ tar-relazzjonijiet ma’ l-Unjoni Ewropea;

2.  Jenfasizza l-importanza ta’ l-unità u s-solidarjetà fost l-Istati Membri ta’ l-UE fir-relazzjonijiet tagħhom mar-Russja u jenfasizza li l-politika komuni ta’ l-UE u r-relazzjonijiet bilaterali ta' l-Istati Membri mar-Russja għandhom ikunu gwidati minn prinċipju komuni miftiehem;

3.  Jerġa’ jenfasizza li s-sitwazzjoni preżenti fir-Russja għadha kwistjoni ta’ tħassib serju rigward ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-libertà ta’ l-espressjoni, is-sitwazzjoni tal-minoritajiet etniċi, l-indipendenza ta’ l-NGOs u d-drittijiet tas-soċjetà ċivili u ta’ l-individwi;

Jiddispjaċih għalhekk li d-djalogu bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem ma wassal għall-ebda progress f’dan il-kwistjonijiet u jistieden lill-Gvern Russu biex jikkontribwixxi għall-intensifikazzjoni ta’ dawn il-konsultazzjonijiet bħala parti essenzjali mis-sħubija UE-Russja; Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għar-rapporti kontinwi mir-Russja u minn organizzazzjnijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem dwar l-użu ta’ tortura u azzjonijiet inumani u degradanti fil-ħabsijiet, fl-għasses tal-pulizija u fiċ-ċentri sigrieta ta’ detenzjoni fiċ-Chechyna; jikkundanna bil-qawwa kollha prattiki bħal dawn u jistieden lill-awtoritajiet Russi biex jiżguraw li d-drittijiet garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ikunu osservati;

5.  Jistieden lill-President li għadu kemm ġie elett biex jirrevedi t-trattament ta’ persuni pubbliċi li jinsabu fil-ħabs (fosthom Mihail Khodorkovsky u Platon Lebedev) li l-priġunerija tagħhom kienet meqjusa mill-biċċa l-kbira ta’ l-osservaturi li kienet motivata politikament; jenfasizza li dan kieku jsaħħaħ il-kredibilità ta’ l-awtoritajiet Russi u jsaħħaħ sħubija iktar mill-qrib bejn il-Federazzjoni Russa u l-Unjoni Ewropea;

6.   Jistieden lir-Russja biex tiftakar l-obbligi legali li ħadet meta saret membru tal-Kunsill ta’ l-Ewropa fl-1996 u biex tissodisfa dawn l-obbligi;

7.  Jistieden lir-Russja biex tirtira l-appoġġ tagħha għal forzi separatisti fil-Georgia u biex tkun impenjata b’mod kostruttiv fis-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti, b’mod partikolari billi terġa ttenni l-impenn tagħha għall-integrità territorjali u għas-sovranità tal-Georgia u billi tistabbilixxi relazzjonijiet normali mal-Georgia b’rispett sħiħ għas-sovranità u għall-integrità territorjali tal-Georgia;

8.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russja biex tillegalizza r-rabtiet bilaterali mar-reġjuni tal-Georgia – l-Abkhazia u Tskhinvali (l-Ossetia t’Isfel);

9.   Jikkundanna bil-qawwa l-annessjoni baxx baxx tat-territorju tal-Georgia minn fost l-oħrajn il-preżenza militari dejjem tiżdied fl-Abkhazia u mill-fatt li l-Federazzjoni Russa b’mod unilaterali żiedet in-numru ta’ l-hekk imsejħa ‘persuni għaż-żamma ta’ paċi’ fl-Abkhazia, l-Georgia; iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa biex tissospendi u tneħħi l-preżenza militari dejjem tikber tar-reġimi separatisti u biex twaqqaf l-agressjoni militari kontra l-Georgia;

10.  Jistieden lill-UE biex tibda t-trasformazzjoni ta’ l-operazzjonijiet Russi għaż-żamma ta’ paċi fil-Georgia fl-attività internazzjonali u ċivili;

11.  Iqis li l-politika kurrenti u l-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa rigward il-Georgia jostakolaw is-sovranità rikonoxxuta fuq livell internazzjonali u l-integrità territorjali tal-Georgia u juru li r-Russja ma tistax titqies bħala pajjiż newtrali u imparzjali li jiffaċilita ż-żamma ta’ paċi fir-reġjuni ta’ kunflitt;

12.  Jistieden lill-UE biex tibgħat messaġġ ċar ħafna lir-Russja li se jkun hemm konsegwenzi politiċi għar-relazzjonijiet bejn ir-Russja u l-UE jekk ir-Russja tkompli tmur kontra l-liġi internazzjonali fil-Georgia;

13.  Jenfasizza l-bżonn għall-UE li taħdem flimkien mar-Russja bħala sieħba essenzjali u importanti għall-assikurazzjoni, l-istabilità u s-sigurtà u fil-ġlieda internazzjonali kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, kif ukoll meta tindirizza kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà bħall-perikli ambjentali u nukleari, id-drogi, l-ittraffikar ta’ l-armi u tal-persuni u l-kriminalità transkonfinali organizzata fil-viċinat Ewropew;

14.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-midja Russa li hija kkontrollata mill-Istat ħafna drabi tagħmel kampanji ta’ propoganda ta’ malafama kontra xi Stati Membri biex jagħmlu ħsara għall-unità u s-solidarjetà ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE;

15.  Iħeġġeġ lir-Russja biex twaqqaf dawn il-metodi propogandistiċi u l-politika li timmanipula l-kompatrijotti tagħha li jinsabu barra mill-pajjiż sabiex twaqqaf ‘stati magħmula minn żewġ komunitajiet’ (two-community states) f’diversi pajjiżi, pereżempju fil-Latvja u l-Estonja bħala ex-Repubbliki ta’ l-Unjoni Sovjetika; jikkundanna l-espansjoni mġedda tar-Russja fl-ispazju ta’ informazzjoni fit-territorju li kien ta’ l-Unjoni Sovjetika f'attentat biex tiġi stabbilita mill-ġdid ‘Unjoni Sovjetika virtwali’;

16.  Jenfasizza l-importanza tat-titjib fil-klima ta’ l-investiment fir-Russja, li jista' jinkiseb biss permezz tal-promozzjoni u ta' l-iffaċilitar ta' kundizzjonijiet ta' negozju trasparenti u mhux diskriminatorji, anqas burokrazija u investiment miż-żewġ naħat; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' tbassir fl-applikazzjoni tar-regoli mill-awtoritajiet;

17.  Jenfasizza l-importanza ta’ djalogu msaħħaħ mar-Russja dwar kwisjonijiet ta’ l-enerġija bil-għan li jkunu żgurati kemm is-sigurtà tal-provvista u kemm is-sigurtà tat-talba fil-kuntest ta’ l-interdipendenza ta’ l-enerġija li żdiedet. jenfasizza li din il-koperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji stipulati fiċ-Charter dwar l-Enerġija u dwar reċiproċità relatata ma' aċċess għall-investiment, għas-suq u għall-infrastruttura; f’dan ir-rigward jiddispjaċih għall-fatt li l-Federazzjoni Russa għadha ma ffirmatx iċ-Charter; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-inizjattiva diplomatika meħtieġa u jistieden lill-UE biex tindirizza lir-Russja b’vuċi waħda dwar dawn il-kwistjonijiet sensittivi;

18.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rata dejjem tikber ta’ attakki fuq minoritajiet etniċi, razzjali u reliġjużi fir-Russja u jikkundanna lill-awtoritajiet Russi li ċaħdu jew ikkanċellaw viżas għall-qassisin protestanti u għal numru ta’ qassisin tal-Knisja Kattolika Rumana;

19.  Jistieden lill-President il-ġdid Russu u lill-Gvern biex joħolqu, flimkien ma’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, il-kundizzjonijiet neċessarji għal tnedija mgħaġġla ta’ negozjati dwar Ftehima ġdida ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja; jenfasizza mill-ġdid, f’dan ir-rigward, li l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu parti importanti ta' kwalunkwe ftehima futura mal-Federazzjoni Russa;

20.  Jippromwovi l-iskambju ta’ informazzjoni dwar teknoloġiji ta’ l-enerġija avvanzati u jħeġġeġ kuntatti bejn parteċipanti ewlenin tal-qasam ta’ l-enerġija ta’ l-UE u tar-Russja, kif ukoll biex ikun hemm l-isforzi neċessarji biex titjieb l-effiċjenza ta’ l-enerġija u biex jiġu żviluppati teknoloġiji mingħajr emissjonijiet tas-CO2 li joffru opportunitajiet konsiderevoli għall-koperazzjoni, partikolarment koperazzjoni industrijali, bl-iskambju ta’ l-aħjar prattika u teknoloġija bejn kumpaniji Russi u ta’ l-UE;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti ta' l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa u lill-Kunsill ta’ l-Ewropa.