Proċedura : 2008/2530(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0279/2008

Testi mressqa :

B6-0279/2008

Dibattiti :

PV 04/06/2008 - 20
CRE 04/06/2008 - 20

Votazzjonijiet :

PV 05/06/2008 - 6.16
CRE 05/06/2008 - 6.16

Testi adottati :

P6_TA(2008)0256

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 145kWORD 147k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0277/2008
28 ta' Mejju 2008
PE407.478v01-00
 
B6‑0279/2008
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni u mill-Kunsill
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Pierre Jonckheer, Cem Özdemir, Angelika Beer u Kathalijne Maria Buitenweg
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar is-samit bejn l-UE u l-Istati Uniti

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-samit bejn l-UE u l-Istati Uniti 
B6‑0279/2008

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet transatlantiċi, b’mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ April 2007(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar il-bidla fil-klima, b’mod partikulari dawk tas-16 ta’ Novembru 2005(2), tas-26 ta’ Ottubru 2006(3), u ta’ l-14 ta’ Frar 2007(4),

–  wara li kkunsidra s-samit bejn l-UE u l-Istati Unitit li se jsir fl-10 ta' Ġunju 2008 f’Brdo, is-Slovenja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-paċi, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, il-liġi internazzjonali, l-ekonomiji sostenibbli u l-iżvilupp sostenibbli huma valuri komuni li jikkostitwixxu l-bażi għall-iżvilupp tas-Sħubija Transatlantika, li hija pedament tal-politika esterna ta' l-UE,

B.  billi, minħabba l-irwol ekonomiku dominanti tagħhom fid-dinja, l-imsieħba transatlantiċi għandhom responsabiltà komuni għall-istat tal-governanza ekonomika dinjija u għal soluzzjonijiet għall-isfidi ekonomiċi tad-dinja, b’mod partikulari fir-rigward tal-kriżijiet kontinwi fis-swieq finanzjarji ewlenin, ta’ l-iżbilanċji li qed jikbru fil-parità bejn il-muniti u fir-relazzjonijiet kummerċjali, tal-kriżi kontinwa jew li terġa' titfaċċa f'uħud mill-ifqar pajjiżi, u tad-differenzi dejjem aktar preokkupanti fl-għana bejn il-pajjiżi u fil-pajjiżi stess,

C.  billi sħubija b’saħħitha u li taħdem bejn l-UE u l-Istati Uniti hija għodda vitali għat-tiswir ta’ l-iżvilupp dinji fl-interess tal-valuri komuni u fuq il-bażi ta’ multilateraliżmu effettiv u tal-liġi internazzjonali,

D.  billi politiki miftiehma ta’ bini tal-paċi, ta’ prevenzjoni tal-kunflitti, tas-soluzzjoni tal-kunflitti, tan-non-proliferazzjoni u tad-diżarm għandhom ikunu fil-qalba ta’ sħubija mġedda bejn l-UE u l-Istati Uniti,

E.  billi, minkejja l-progress konsiderevoli li sar dan l-aħħar, iridu jsiru sforzi ġodda mill-partijiet sabiex tittejjeb l-atmosfera ta’ fiduċja bejn iż-żewġ naħat ta’ l-Atlantiku,

F.  billi għandhom isiru sforzi mġedda, imsaħħa u koordinati sabiex jiġu ffaċċjati l-kriżijiet attwali fid-dinja, b’mod partikulari fir-rigward ta’ l-opportunitajiet ġodda li ngħataw f’Annapolis għal soluzzjoni komprensiva fil-Lvant Nofsani,

G.  billi, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, jeħtieġ li tkun enfasizzata l-importanza li jiġu rispettati għalkollox il-liġi internazzjonali u t-trattati dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, sabiex il-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu tkun dejjem suġġetta għall-iskrutinju Parlamentari u għar-reviżjoni ġudizzjarja,

H.  billi skond il-programm sigriet ta’ detenzjoni ta’ l-Istati Uniti mijiet ta’ priġunieri, fil-biċċa l-kbira Afgani, għadhom miżmuma f’diversi ħabsijiet, bħall-bażi militari ta’ Bagram u fi Gwantanamo, u billi dan huwa ksur tal-liġi internazzjonali umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem,

I.  billi l-Parlament Ewropew kemm-il darba talab Ftehima ta' Sħubija Transatlantika li tissostitwixxi l-Aġenda Transatlantika l-Ġdida ta’ l-1995,

J.  billi politiki kummerċjali egoisti ta’ l-Istati Uniti u l-UE taw kontribuzzjoni għall-falliment imminenti tal-konklużjoni tar-Rawnd ta' Doħa fil-qafas tan-negozjati kummerċjali tad-WTO u li għalhekk dgħajfu l-appoġġ dinji għal approċċ multilaterali fl-iffissar ta’ regoli kummerċjali ġusti u ekwi,

K.  billi għal deċennji sħaħ is-sussidji għall-esportazzjoni u l-għajnuna alimentari, speċjalment mill-Istati Uniti u l-UE, kienu responsabbli għall-qerda tal-produzzjoni ta' sussistenza u tal-biedja fuq skala żgħira fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u ħallew lil miljuni ta' familji mingħajr art u mingħajr aċċess xieraq għall-ikel,

L.  billi l-UE u l-Istati Uniti, bħala donaturi ewlenin fid-dinja ta’ għajnuna għall-iżvilupp u bħala msieħba kummerċjali importanti f’negozjati bilaterali u multilaterali, għandhom is-setgħa meħtieġa u għandhom jaġixxu b’mod responsabbli biex jiżviluppaw u jużaw strumenti li jiffavurixxu regoli kummerċjali li jkunu ġusti soċjalment u tajbin għall-ambjent bħall-kunċett ta' aċċess kwalifikat għas-swieq kif issuġġerit mill-Parlament Ewropew,

1.  Huwa tal-fehma li jeħtieġ li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti jittejbu aktar, sakemm jiżviluppaw fuq bażi ugwali u sakemm l-UE jirnexxilha titkellem b’vuċi waħda; jemmen li relazzjonijiet transatlantiċi b’saħħithom jistgħu jikkontribwixxu biex jingħelbu għadd kbir ta’ sfidi ta’ preokkupazzjoni komuni, speċjalment fl-approċċ komuni għal zoni fejn hemm kriżi bħall-Balkani tal-Punent, ir-reġjun tal-Kawkasu tan-Nofsinhar, il-Lvant Nofsani, l-Afganistan, kif ukoll għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriżi attwali ta' l-ikel, is-sigurtà ta’ l-enerġija u l-bidla fil-klima, ir-reċessjoni ekonomika u l-iżbilanċji kummerċjali u t-trasparenza u r-regolazzjoni tas-swieq finanzjarji;

2.  Jinnota l-inizjattiva biex titnieda Sħubija Ekonomika Transatlantika Ġdida biex tieħu post l-Aġenda Transatlantika l-Ġdida eżistenti; itenni l-ħtieġa li tkun żviluppata, ma’ din l-inizjattiva ekonomika, ftehima ta’ qafas ġdida li tagħti pedament xieraq istituzzjonali u politiku sabiex jintlaħqu objettivi politiċi u ekonomiċi komuni u sabiex jingħelbu l-isfidi tas-seklu 21 fi ħdan qafas multilaterali;

3.  Iħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-Kungress ta’ l-Istati Uniti u tal-Parlament Ewropew f’dan il-proċess; jistieden lis-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti bieex jappoġġja d-dimensjoni parlamentari tas-sħubija u biex jinvolvi lil-leġiżlaturi aktar fid-djalogu bejn l-eżekuttivi ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti kif ukoll bejn is-soċjetà ċivili taż-żewġ naħat;

Kwistjonijiet kummerċjali u l-kriżi ta’ l-ikel

4.  Jenfasizza li l-għan ta' standards uniformi għall-kummerċ, kif diskussi fil-laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku (KET) f’Novembru 2007 fir-rigward ta’ pjan direzzjonali li jwassal għal rikonoxximent reċiproku tal-ftehimiet ta’ sħubija kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-2009, ma jirdx iwassal għal anqas armonizzazzjoni ta’ l-istandards soċjali, ambjentali u tas-saħħa; iħeġġeġ li jerġa’ jinbeda d-Djalogu Ambjentali Transatlantiku u li jiġi integrat fil-KET sabiex jipprovdi koperazzjoni regolatorja transatlantika bl-‘aqwa prattiki’ sabiex jittejbu s-saħħa tal-konsumatur, is-sikurezza u l-ħarsien ambjentali, biex b’hekk ikun iffaċilitat suq transatlantiku sostenibbli;

5.  Huwa tal-fehma li l-ftehima – b’input mill-Brażil – li qed jipprova jilħaq il-KET fl-2008 fir-rigward ta’ standard komuni għall-agrofjuwils se tibqa’ inadegwata għalkollox sakemm ma jkunx fiha l-ogħla standards dwar is-sostenibilità ambjentali tal-produzzjoni ta’ l-uċuħ tar-raba’ għall-agrofjuwil; jistieden lill-imsieħba transatlantiċi biex jappoġġjaw moratorju fuq il-produzzjoni ta’ l-agrofjuwil minn uċuħ tar-raba’ għall-ikel, sakemm l-impatt tiegħu fuq is-sigurtà dinjija ta’ l-ikel jiġi evalwat bir-reqqa;

6.  Jitlob b’insistenza li servizzi pubbliċi bażiċi, u partikolarment l-edukazzjoni, is-saħħa, is-sanità, il-forniment tad-dawl u ta' l-ilma, u s-servizzi awdjoviżivi u kulturali, ikunu eżentati kategorikament mil-liberalizzazzjoni f'relazzjonijiet transatlantiċi bilaterali, kif ukoll fil-qafas multilaterali tad-WTO;

7.  Iqis li l-vantaġġi kummerċjali li qed jibbenefikaw minnhom l-Istati Uniti minħabba li qed tirrifjuta li tiffirma l-Protokoll ta’ Kjoto, huma forma ta’ dumping ambjentali li l-UE għandha tindirizza mill-ġdid permezz ta’ miżuri korrettivi bħal aġġustamenti tat-taxxi fil-fruntieri;

8.  Jistieden lill-Gvern ta’ l-Istati Uniti biex ma jibqax jisfida l-leġiżlazzjoni ta’ l-UE u l-prattika ta’ l-UE fir-rigward ta’ liċenzji ta’ importazzjoni, tikkettar u traċċabilità ta’ prodotti ta’ l-ikel u ta’ l-għalf modifikati ġenetikament.

9.  Iħeġġeġ lill-Gvernijiet ta’ l-Istati Uniti u tal-Kanada biex ineħħu l-miżuri ta’ ritaljazzjoni tagħhom kontra importazzjonijiet mill-UE bħala reazzjoni għall-projbizzjoni ta’ l-UE fuq ċanga li fiha l-ormoni u biex jaċċettaw l-evidenza xjentifika li qed tiżdied u li turi li l-ormoni li jintużaw fil-produzzjoni taċ-ċanga – bħall-oestradiol-17 beta – huma karċinoġeni u ġenotossiċi, u li għalhekk iġibu magħhom riskji inaċċettabbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tappella kontra s-sentenza li ngħatat mid-WTO f’dan il-każ fit-30 ta’ Marzu 2008 li tippermetti lill-Istati Uniti u lill-Kanada li jesportaw iċ-ċanga li fiha l-ormoni lejn l-Ewropa;

10.  Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar il-wegħda li saret mill-Kummissarju Verheugen fl-aħħar laqgħa tal-KET, fit-13 ta’ Mejju 2008, li jneħħi l-projbizzjoni fuq importazzjonijiet lejn l-UE ta’ tjur mill-Istati Uniti li ġie ttrattat biex jitnaqqsu l-patoġeni, fin-nuqqas ta’ xi pariri xjentifiċi ġodda li jappoġġjaw id-dikjarazzjoni tiegħu dwar is-sikurezza ta’ dan l-ikel;

11.  Għadu mhux konvint dwar il-Ftehima Konġunta ta’ Investiment Miftuħ bejn l-UE u l-Istati Uniti, miftiehma mill-KET fit-13 ta’ Mejju 2008, li tippromwovi l-libertà ta’ l-investiment bla restrizzjonijiet fi żmien ta’ falliment finanzjarju imminenti; jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar in-nuqqas ta' trasparenza u responsabiltà f’għadd ta’ prodotti finanzjarji u ta’ investiment, u b’mod partikulari, huwa tal-fehma li investimenti minn Fondi Sovrani (Sovereign Wealth Funds) iridu jkunu suġġetti għal deċiżjonijiet politiċi;

12.  Iħeġġeġ lill-parteċipanti Ewropej tal-G7 biex fl-aġenda tas-samit li jmiss tal-G7, jinkludu l-problema ta’ spekulazzjoni finanzjarja qawwija, speċjalment fis-swieq ta’ l-ikel u tal-prodotti ta’ bażi; iqis li r-reazzjonijiet regolatorji ta’ l-awtoritajiet ta’ sorveljanza finanzajrja ta’ l-Istati Uniti għall-kriżi tas-self tat-tip subprime m’humiex biżżejjed biex jerġa' jkun hemm il-fiduċja fis-swieq finanzjarji; iwissi dwar il-periklu persistenti li ġej minn fondi mhux kontrollati ta’ lqugħ u ta’ kapital privat għall-ekonomija dinjija, għall-ekonomiji nazzjonali u għall-kumpaniji individwali, u jitlob azzjoni deċiżiva biex jitnaqqas dan in-negozju; ifakkar li żewġ terzi tal-fondi ta’ lqugħ u ta’ kapital privat huma bbażati f’ċentri off-shore u għalhekk jitlob b’insistenza li kull soluzzjoni jrid ikun fiha miżuri sodi kontra dawk il-pajjiżi li jagħtu taxxi preferenzjali fuq it-tifdil;

13.  Jitlob sforzi msaħħa u koordinati mill-Kummisjsoni u mill-Amministrazzjoni ta’ l-Istati Uniti f’livell tad-WTO biex b’mod partikulari, il-pajjiżi ifqar li qed jiżviluppaw, jingħataw modi kif jipproteġu l-produzzjoni ta' l-ikel lokali tagħhom, kif ukoll biex ma jibqgħux jagħmlulhom pressjoni biex jiffirmaw ftehimiet li jobbligawhom li jneħħu taxxi fuq l-esportazzjoni jew kontrolli tal-kwantità ta’ l-esportazzjoni jekk dawn ikunu ġġustifikati minħabba preokkupazzjonijiet nazzjonali dwar is-sigurtà ta’ l-ikel;

14.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti, kif ukoll lill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, biex ma jobbligawx lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jilliberalizzaw jew jipprivatizzaw oqsma ekonomiċi u servizzi pubbliċi bażiċi li huma vitali għall-popolazzjoni;

15.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva ta’ l-Amministrazzjoni ta’ l-Istati Uniti biex tagħti għajnuna alimentari bla kundizzjonijiet, u tara din l-inizjattiva bħala l-ewwel pass importanti fir-riforma tal-programm kollu ta’ l-għajnuna alimentari sabiex titqies għalkollox il-ħtieġa ta’ appoġġ proattiv għas-sigurtà msaħħa ta’ l-ikel reġjonali u lokali, li fl-imgħoddi kienet imdgħajfa minħabba li l-Istati Uniti kienet tagħti għajnuna alimentari b’ċerti kundizzjonijiet biss;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tqajjem il-kwistjoni tal-ħtieġa li parti kbira mill-baġit ta’ l-UE u l-Istati Uniti għall-għajnuna għall-iżvilupp tiġi allokata għar-riċerka agrikola, għat-taħriġ tal-bdiewa u għall-iskambju ta’ l-aħjar prattika, sabiex tkun promossa l-produzzjoni għas-swieq reġjonali u lokali kif ukoll biex ikunu żviluppati sistemi effiċjenti u sostenibbli għall-uċuħ tar-raba’, bħar-rotazzjoni ta’ l-uċuħ tar-raba’, u l-kultivazzjoni mħallta ta’ uċuħ tar-raba’, u tekniki parteċipattivi ta’ tgħmmir ta’ annimali u ta’ tlaqqim ta’ pjanti, adattati lokalment u mhux modifikati ġenetikament, sabiex jinħolqu l-istabilità fil-provvista ta’ l-ikel lokali u sistemi tal-biedja tajbin b’input baxx ta’ enerġija fil-futur imbiegħed;

Kwistjonijiet dwar il-viżi u l-ġlieda kontra t-terroriżmu

17.  Itenni li ċ-ċittadini kollha ta’ l-UE għandu jkollhom l-istess dritt li jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti bl-istess kundizzjonijiet; jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, l-eżitu tal-Kusill tal-ĠAI tat-18 ta' April, li jagħti mandat ċar lill-Kummissjoni Ewropea bix tinnegozja ma' l-Istati Unitit dwar il-Programm tat-Tneħħija tal-Viżi u, b'mod partikulari, dwar is-Sistema Elettronika ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (SEAI) u dwar l-iskambju ta' data;

18.  Huwa tal-fehma li dawk in-negozjati għandhom ikunu trasparenti, ibbażati fuq il-prinċipju tar-reċiproċità u għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-UE dwar il-protezzjoni tad-data; għalhekk, jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnax-il prinċipju dwar il-protezzjoni tad-data li kien hemm qbil dwrahom, iżda fl-istess ħin jiddikjara li dawk il-prinċipji m'humiex biżżejjed u fihom wisq eċċezzjonijiet;

19.  Iqis li huwa meħtieġ li titwaqqaf awtorità komuni għall-protezzjoni tad-data ma’ l-Istati Uniti biex ikun promoss qafas komuni fil-ftehimiet kollha bejn l-UE u l-Istati Uniti li jinkludi kapitlu dwar il-protezzjoni tad-data; jitlob li jinbdew negozjati veri bejn l-UE u l-Istati Uniti għal dak il-għan; jesprimi l-oppożizzjoni qawwija tiegħu, skond il-prinċipju tal-finalità, għar-rikjesta ta’ l-Istati Uniti li jkollha aċċess għall-bażijiet ta’ data ta’ l-UE bħas-SIS u l-VIS;

20.  Huwa tal-fehma li jrid jitfassal qafas komuni ma’ l-Istati Uniti biex ikunu salvagwardjati l-garanziji meħtieġa fis-sħubija speċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluża definizzjoni aktar ċara tat-terroriżmu;

21.  Iħeġġeġ lill-Kunsill biex joħroġ dikjarazzjoni ċara u b'saħħitha li tistieden lill-Gvern ta’ l-Istati Uniti biex iwaqqaf il-prattika ta' l-arresti u l-konsenji straordinarji, u jitlob li l-Gvern ta’ l-Istati Uniti jintalab jagħti kjarifika dwar l-eżistenza ta' ħabsijiet sigrieti barra t-territorju ta' l-Istati Uniti;

22.  Jistieden lill-Istati Uniti, f’dan ir-rigward, biex twaqqaf il-programm sigriet tagħha ta’ detenzjoni, biex iżżarma l-faċilitajiet rilevanti, u biex tipprova teħles jew teħles id-detenuti li fadal f’konformità sħiħa mal-liġi u l-istandards internazzjonali;

23.  Huwa tal-fehma li min wettaq ir-reati dokumentati ta’ tortura, qtil u għejbien sfurzat fil-kuntest tal-programm sigriet ta' detenzjoni għandu jinżamm responsabbli, u jistieden lill-Gvern ta’ l-Istati Uniti biex jagħti kumpens lill-vittmi tar-reati, kif ukoll lid-detenuti li nżammu illegalment, għaż-żmien li damu l-ħabs;

24.  Jistieden lill-UE u lill-Gvern ta’ l-Istati Uniti biex iniedu inizjattiva fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti bil-għan li tiġi rriformata l-prattika attwali ta’ listi ta’ sanzjonijiet, inkluż it-twaqqif ta’ proċeduri xierqa għal proċess ġust, għal dikjarazzjoni tar-raġunijiet, għal protezzzjoni u għal rimedji ġudizzjarji effettivi;

Kwistjonijiet ta’ sigurtà

25.  Jittama li f’dan is-samit l-Amministrazzjoni ta’ l-Istati Uniti jkollha r-rieda li tadotta strateġija komuni ma’ l-UE bil-għan li jsir progress rigward id-diżarm kemm ta’ l-armi għall-qerda tal-massa kif ukoll ta’ l-armi konvenzjonali, fatt li jreġġa’ lura t-tendenza attwali ta’ l-Istati Uniti li timmultiplika n-nefqa militari tagħha u li tagħmel kulma tista' biex issaħħaħ is-saħħa teknoloġika militari fid-dinja u l-kapaċità kbira tagħha għall-gwerer;

26.  Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jiddiskuti ma’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Uniti dwar kif joħoloqu approċċ pożittiv għal-laqgħa tal-Kumitati Preparatorji tat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni (NPT PrepComs) bħala l-ewwel opportunità biex tissaħħaħ is-sistema dinjija tan-non-proliferazzzjoni nukleari fiż-żmien li baqa' għall-Konferenza ta' Reviżjoni ta' l-NPT fl-2010; jenfasizza f’dan ir-rigward il-ħtieġa li fis-samit jiġu diskussi għadd ta’ inizjattivi għad-diżarm nukleari bbażati fuq it-‘13 il-pass prattiku’ li kien hemm qbil unanimu dwarhom fil-Konferenza ta’ Reviżjoni ta’ l-NPT ta’ l-2000; itenni l-fehma tiegħu li, inter alia, passi bħal dawn iwasslu għal ftehim dwar l-adozzjoni ta' Trattat verifikabbli dwar il-projbizzjoni tal-produzzjoni ta’ materjal fissili u jiffaċilitaw id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari; jiġbed l-attenzjoni li dan għandu jinkludi wkoll impenn li ma jiġux modernizzati l-arsenali nukleari fl-Istati Uniti, fi Franza u fir-Renju Unit, u l-irtirar ta’ testati nukleari ta’ l-Istati Uniti mit-territorju Ewropew; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jieħu rwol ta’ tmexxija sabiex jinbdew negozjati dwar il-‘konvenzjoni dwar l-armi nukleari’ bil-għan li jiġu pprojbiti l-armi nukleari kollha fid-dinja;

27.  Itenni l-fehma tiegħu li wasal iż-żmien li l-imsieħba transatlantiċi – inkluża l-Istati Uniti – jieħdu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni, it-titjib u t-twaqqif ta’ diversi trattati internazzjonali li għandhom importanza kbira fl-aġenda tan-negozjati tan-NU dwar il-kontroll jew il-projbizzjoni ta’ tipi speċifiċi ta’ armi konvenzjonali; jiġbed l-attenzjoni li trattati bħal dawn jinkludu l-implimentazzjoni sħiħa tal-programm tan-NU ta’ Azzjoni dwar l-Armi Żgħar u l-Armi Ħfief, it-Trattat Dinji dwar it-Trasferimenti ta’ Armi, l-inizjattiva multinazzjonali Norveġiża għal projbizzjoni fuq sottomunizzjonijiet tat-tip cluster u t-Trattat Dinji għall-Projbizzjoni tal-Mini ta’ l-Art (inkluża l-estensjoni ta’ dak it-Trattat biex ikopri it-tipi kollha ta’ mini, kemm tat-tip AP kif kull tat-tip AT); itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-projbizzjoni ta’ l-użu tal-fosfru abjad u ta’ l-uranju mdgħajjef għandha tkun parti integrata tal-‘Konvenzjoni dwar l-Armi Konvenzjonali’;

28.  Għadu m’huwa konvint xejn li l-Ewropa, fil-futur qarib, se teħtieġ sistema ta’ missili biex tipproteġi t-territorju tagħha kontra missili balistiċi li jwasslu distanza twila b’warheads WMD sparati minn nazzjonijiet li ma jikkonformawx mal-komunità internazzjonali jew minn suġġetti mhux statali; huwa konvint li biex jingħelbu t-tiġrijiet ġodda għall-armi (anke fl-ispazju), theddidiet terroristiċi u theddidiet oħra li jipperikolaw is-sigurtà Ewropea u dinjija, bħall-bidla fil-klima, irid isir investiment enormi fil-politiki ta’ prevenzjoni tal-kunflitti u fl-inizjattivi ta’ diżarm;

Il-bidla fil-klima u l-politika dwar it-trasport

29.  Jinkoraġġixxi ħafna liż-żewġ imsieħba biex jaqblu dwar approċċ komuni biex il-bidla fil-klima tkun limitata għal temperatura massima ta’ 2°C iżjed mil-livelli preindustrijali permezz ta’ kontribuzzjonijiet ġusti għall-isforzi ta’ tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta' serra mill-pajjiżi żviluppati u li qed jiżviluppaw, skond ir-responsabiltajiet differenti tagħhom u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom;

30.  Jinsisti f’dan ir-rigward fuq ir-responsabiltà speċifika tal-pajjiżi żviluppati li jagħtu l-eżempju fit-tnaqqis ta’ emissjonijiet; iħeġġeġ lill-Istati Uniti biex tieħu miżuri domestiċi sodi li jwasslu għal tnaqqis assolut ta’ l-emissjonijiet u biex ikollha rwol kostruttiv fin-negozjati internazzjonali li qed isiru bil-għan ta' parteċipazzjoni fis-sistema futura tal-bidla fil-klima;

31.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenji espressi mill-kandidati presidenzjali ewlenin biex ikun inirizzati l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-Istati Uniti u biex jintlaħaq ftehim internazzjonali sa l-2009 sabiex tkun evitata l-ħsara tal-bidla fil-klima; huwa inkoraġġut bl-iżviluppi reċenti fl-Istati Uniti, bħall inizjattivi tas-sistemi ta' limiti u skambji (cap nad trade) reġjonali u l-attivitajiet fil-livell ta' statali, lokali u ta' kumpaniji li jwasslu għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra;

32.  Ifakkar li, sabiex ikun hemm opportunità raġonevoli li jinżamm it-tisħin għal 2°C, jinħtieġ tnaqqis globali ta' 30% mil-livelli ta' l-1990 għall-pajjiżi kollha industrijalizzati sa l-2020, bi tnaqqis iħoe ta' madwar 80% sa l-2050; iqis li għandhom ikunu applikati miżuri temporanji għall-aġġustament tal-fruntieri dwar il-kummerċ biex jagħmlu tajjeb għat-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni jew għar-riskju tat-tnixxija tal-karbonju sakemm jintlaħaq ftehim internazzjonali komprensiv dwar il-klima;

33.  Jiddispjaċih għall-istrateġija negattiva ta' l-amministrazzjoni attwali ta' l-Istati Uniti rigward il-politika ta' l-UE li tindirizza l-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-klima, li tikkontradixxi l-atti dwar is-sistemi ta' limiti u skambji li kienu diskussi fil-Kungress Amerikan, li wkoll ifittxu li jindirizzaw l-emissjonijiet fis-settur ta' l-avjazzjoni;

Affarijiet Barranin

34.  Jilqa' b'sodisafazzjon l-inizjattiva reċenti tal-pajjiżi membri fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal-Ġermanja (il-P5+1) sabiex ikun ippreżentat pakkett ġdid ta' inċentivi lill-Iran fi sforz biex dan il-pajjiż jasal li jwaqqaf il-programm tiegħu ta' arrikkiment ta' l-uranju; jistieden lill-Istati Uniti, sabiex tinstab soluzzjoni, biex tapprova bis-sħiħ in-negozjati ma' l-Iran fil-limiti tra-regoli u l-obbligi tat-Trattat dwar in-Nuqqas ta' Proliferazzjoni Nukleari;

35.  Isib li hu ta' dispjaċir li r-rettorika ta' ottimiżmu fid-dikjarazzjonijiet li saru s-sena l-oħra f'Annapolis wat it-tnedija mill-ġdid tal-proċess tal-paċi ma taqbilx ma' l-aspettativi u l-prospetti tar-realtà vera; jesprimi t-tħassib serju tiegħu għan-nuqqas ta' progress sostanzjali rigward in-negozjati li għadhom għaddejjin bejn il-partijiet; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti biex joħorġu b'inizjattiva ġdida fi ħdan il-Kwartett biex tingħeleb il-kriżi umanitarja attwali f'Gaża u biex tittratta l-kwistjonijiet bażiċi tan-negozjati bil-għan li tinstab soluzzjoni komprensiva bejn iż-żewġ stati sa tmiem din is-sena, kif kien previst f'Annapolis;

36.  JIstiedn lill-Gvern ta' l-Istati Uniti biex jippreżenta pjan ċar għall-impenn tagħha fl-Iraq għall-ġejjieni, fosthom l-għanijiet li ghandhom jintlaħqu, l-istrateġija tal-ħruġ mill-pajjiż u l-iskeda taż-żmien għall-irtirar tat-truppi tagħha;

37.  Jappella lill-amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti biex iżżid l-appoġġ finanzjarju għar-rifuġjati Iraqin b'mod sostanzjali kif ukoll biex iżżid l-għadd ta' viżi tad-dħul fl-Istati Uniti li jingħataw lil Iraqin spustjati;

38.  Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li l-Istati Uniti, l-UE u n-NATO janalizzaw flimkien man-NU liema ġudizzji strateġiċi u kunċettwali ħżiena kkontribwew għall-instabilità li għad hemm fl-Afganistan; jemmen li l-punt fokali fuq is-soluzzjonijiet militari għandu jinbidel fi sforzi akbar ta' rikostruzzjoni ċivili u f'appoġġ aħjar għal sistema lokali ta' sigurtà u ġustizzja; jistieden lill-Gvern ta' l-Istati Uniti biex itemm l-attivitajiet ta' l-operazzjoni "Enduring Freedom" fl-Afganistan u biex jagħti appoġġ għal inizjattiva għal Kunsill internazzjonali mmexxi mill-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Afganistan, li hu magħmul minn żewġ partijiet, kontributuri militari u organizzazjonijiet tan-NU, sabiex jintegraw l-isforzi ta' rikostruzzjoni diversi fl-Afganistan fi struttura waħda konġunta kunċettwali u ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

39.  jemmen li l-lezzjonijiet li ttieħdu mill-invażjoni ta' l-Iraq għandhom jidħlu fil-kunċett tar-"responsabilità għall-ħarsien" kif approvat mis-Samit Dinji tan-NU ta' l-2005, b'mod partikulari fir-responsabilità għall-"prevenzjoni" u għall-"bini mill-ġdid".

40.  Jistieden lill-Kunsill biex għal darb'oħra jqajjem il-kwistjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (l-ICC) ma' l-Istati Uniti bħala pilastru fundamentali tal-liġi internazzjonali; Jistenna li l-Gvern li jmiss ta' l-Istati Uniti jkollu attitudni aktar kostruttiva biex jirratifika l-Istatuti tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u biex jimpenja ruħu b'mod attiv biex tintlaħaq ftehima dwar id-definizzjoni ta' reat ta' aggressjoni, li għadha pendenti, kif previst fl-Artikolu 5.2 ta' l-Istatuti ta' Ruma, bi tħejjija għall-konferenza ta' reviżjoni ta' l-ICC fl-2009;

41.  Jenfasizza l-impenn tiegħu li jkompli jikkontribwixxi għas-saħħa u l-istabilità tas-Sħubija Transatlantika permezz ta' l-involviment tiegħu fid-Djalogu Transatlantiku tal-Leġiżlaturi; jagħti l-appoġġ tiegħu għall-isforz biex tiġi stabbilita sistema leġiżlattiva ta' twissija bikrija bejn il-Parlament Ewropew u l-Kungress ta' l-Istati Uniti;

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-President u lill-Kungress ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2007)0155.
(2) Testi Adottati, P6_TA(2005)0433.
(3) Testi Adottati, P6_TA(2006)0460.
(4) Testi Adottati, P6_TA(2007)0038.

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Ġunju 2008Avviż legali