Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0380/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0380/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

27.8.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Marco Cappato, Sarah Ludford, Elizabeth Lynne, Ignasi Guardans Cambó u Olle Schmidt
f'isem il-Grupp ALDE
dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri Palestinjani f'ħabsijiet Iżraeljani

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0343/2008

Proċedura : 2008/2607(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0380/2008
Testi mressqa :
B6-0380/2008
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0380/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri Palestinjani f'ħabsijiet Iżraeljani

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,

–  wara li sema’ d-dikjarazzjoni li saritlu mill-Kummissarju Ferrero-Waldner fid-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri Palestinjani f’ħabsijiet Iżraeljani,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Assoċjazzjoni EU-Iżrael u r-riżultati tat-tmien laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael tas-16 ta' Ġunju 2008,

–  wara li kkunsidra r-rapport imħejji mid-Delegazzjoni ad hoc lill-Iżrael u t-Territorji Palestinjani (30 ta' Mejju-2 ta' Ġunju 2008) u l-konklużjonijiet tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-12 ta' Awissu 1949 dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra, u b'mod partikulari l-Artikoli 1 sa 12, 27, 29 sa 34, 47, 49, 51, 52, 53, 59, 61 sa 77, 143 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali ta’ l-2007 tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, b'mod partikulari t-taqsima li tittratta dwar it-Territorji Palestinjani Okkupati,

–  wara li kkunsidra r-rapporti ppubblikati fl-2006, fl-2007 u fl-2008 mill-Kumitat Pubbliku Kontra t-Tortura fl-Iżrael bl-għajnuna tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni Ewropea u minn diversi Stati Membri;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU dwar il-kunflitt tal-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi f’dawn l-aħħar snin l-Iżrael iffaċċja bosta attakki terroristi qattiela kontra l-popolazzjoni ċivili,

B.  billi l-awtoritajiet Iżraeljani ħadu numru ta’ miżuri biex jiskansaw dawk l-azzjonijiet terroristi, inkluż l-arrest ta’ militanti Palestinjani suspettati, iżda billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu m’hix ġustifikazzjoni għall-abbuż fuq il-priġunieri,

C.  billi llum il-ġurnata iktar minn 10,000 Palestinjan, inklużi iżjed minn 300 tifel u tifla ta’ bejn is-16 u t-18-il sena, qegħdin jinżammu f'ħabsijiet u f'ċentri ta' detenzjoni Iżraeljani, u billi l-biċċa l-kbira ta’ dawk id-detenuti ġew arrestati fit-Territorji Palestinjani Okkupati,

D.  billi 198 Palestinjan inħelsu mill-Gvern Iżraeljan fil-25 ta’ Awwissu 2008 bħala sinjal ta’ rieda tajba u ta’ bini tal-fiduċja reċiproka,

E.  billi qegħdin isiru negozjati ulterjuri bejn iż-żewġ naħat bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim iżjed komprensiv dwar l-istatus tal-priġunieri l-oħrajn,

F.  billi riċentement ittieħdu passi mill-gvernijiet ta’ Iżrael u tal-Libanu biex jiskambjaw priġunieri ma’ iġsma ta’ suldati Iżraeljani,

G.  billi l-Iżrael qed iżżomm madwar 1000 priġunier abbażi ta’ “ordnijiet ta’ detenzjoni amministrattiva”, bid-dritt ta’ l-appell iżda bla ebda akkuża, proċess tal-qorti u drittijiet ta’ difiża; billi ‘ordnijiet ta’ detenzjoni amministrattiva’ jistgħu jkunu, u f’xi każi tabilħaqq ikunu, imġedda għal snin sħaħ,

H.  billi skond il-Konvenzjoni tan-NU tad-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC), li l-Iżrael huwa firmatarju għalih, it-tfal huma definiti bħala kwalunkwe persuna taħt l-età ta' 18-il sena; billi madankollu, it-tfal Palestinjani mill-età ta' 16-il sena huma meqjusa bħala adulti skond ir-regolamenti militari ta' l-Iżrael li jirregolaw it-Territorji Palestinjani Okkupati, u billi, skond rapporti mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, il-priġunieri tfal qegħdin jinżammu f’kundizzjonijiet ta’ detenzjoni xejn xierqa u soġġetti għal fastidju dejjem jiżdied,

I.  billi r-rapporti dwar id-drittijiet tal-bniedem, ibbażati fuq xhieda dettaljata, jgħidu li s-suldati tal-Forza ta’ Difiża ta’ Iżrael abbużaw minn detenuti Palestinjani waqt li kienu marbutin, meta dawn ma kinux ta’ riskju għas-sigurtà ta’ Iżrael; billi allegatament dawn l-abbużi jinkludu l-użu ta’ tortura bil-ħsieb li jinkisbu konfessjonijiet, u f’każ li ma tirriżulta l-ebda stqarrija, id-detenut jingħata piena ta’ terminu indefinit ta’ detenzjoni amministrattiva, bla ma jkun akkużat jew iġġudikat,

J.  billi spiss ikun impossibbli jew diffiċli ħafna għall-maġġoranza vasta tal-priġunieri Palestinjani miżmuma fil-ħabsijiet li jinsabu fit-territorju Iżraeljan biex jeżerċitaw id-dritt għal żjarat mill-familji tagħhom, minkejja t-talbiet tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar,

1.  Jilqa’ b’sodisfazzjon u jappoġġja d-deċiżjoni riċenti tal-Gvern Iżraeljan li jeħles numru sinifikanti ta’ priġunieri Palestinjani bħala sinjal pożittiv li jsaħħaħ l-Awtorità Palestinjana u biex jerġa’ jkun hemm atmosfera ta’ fiduċja reċiproka;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-passi reċenti ta' bini tal-fiduċja reċiproka li ħadu l-Gvern Iżraeljan u l-Hiżbollah fir-rigward tal-priġunieri; jitlob biex jittieħdu passi simili bejn l-Iżrael u l-Ħamas, bil-ħsieb li jinħeles b’mod immedjat il-Kapural Iżraeljan Gilad Shalit;

3.  Jappoġġja l-ġlieda ta’ Iżrael kontra t-terroriżmu u jemmen li l-istat tad-dritt għandu jiġi rrispettat bis-sħiħ fit-trattament tal-priġunieri min-naħat kollha, billi dan huwa pass kruċjali għal pajjiż demokratiku u biex jerġa’ jkun hemm l-ispirtu ta’ fiduċja reċiproka meħtieġ biex isir progress sostanzjali fin-negozjati għall-paċi;

4.  Jitlob lill-awtoritajiet Iżraeljani biex jgħaddu ġuri lid-detenuti kollha u biex itemmu l-użu tad-‘detenzjoni amministrattiva’, li hija abbuż ta’ proċedura li tippermetti priġunerija twila u spiss illegali, biex jimplimentaw miżuri adegwati għat-tfal fil-ħabsijiet, b’konformità ma’ l-istandards internazzjonali tal-ġustizzja tal-minorenni u ma’ l-UNCRC, u biex iħallu reġim inqas ristrittiv għaż-żjarat lill-priġunieri;

5.  Jitlob lill-awtoritajiet Iżraeljani biex jikkonformaw mal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u biex itemmu l-prattiki kollha li jinvolvu l-fastidju u l-konfessjonijiet sfurzati u biex jindirizzaw kif jixraq ir-rapporti dwar l-użu ta’ dawk il-prattiki;

6.  Jinnota l-istqarrija tal-Kummissjoni li tesprimi “simpatija kbira mat-tbatija tal-priġunieri Palestinjani fil-ħabsijiet Iżraeljani” u li tagħmilha ċara li “l-Artikolu 2 tal-Ftehima ta’ Assoċjazzjoni EU-Iżrael se tkompli tfakkar kemm lill-Unjoni Ewropea u kemm lill-Iżrael li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-prinċipji demokratiċi huma l-bażi tar-realzzjonijiet bilaterali tagħna”;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni meħuda mit-tmien laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael li jiġi stabbilit Sottokumitat komplet dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, minflok il-Grupp ta' Ħidma preżenti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob sabiex jiġu kkonsultati b'mod estensiv u involuti bis-sħiħ l-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem u l-NGOs fl-Iżrael u t-Territorji Palestinjani Okkupati fil-monitoraġġ tal-progress ta' l-Iżrael biex jikkonforma ma' l-obbligi tiegħu skond il-liġi internazzjonali;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern Iżraeljan, lill-Knesset, lill-President ta' l-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lir-Rappreżentant Għoli tal-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lir-Rappreżentant tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-President ta' l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.

.