Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0624/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0624/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

8.12.2008

imressqa skont l-Artikolu 78(3) tar-Regoli ta’ Proċedura,
minn Mary Lou McDonald
f'isem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li qed timplimenta l-Ftehim finalizzat mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Vapuri tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni tal-Ħaddiema tat-Trasport Ewropej (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006 u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE
(COM(2008)0422)

Proċedura : 2008/2660(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0624/2008
Testi mressqa :
B6-0624/2008
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0624/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li qed timplimenta l-Ftehim finalizzat mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Vapuri tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni tal-Ħaddiema tat-Trasport Ewropej (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006 u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE (COM(2008)0422)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Kunsill dwar il-Ftehima bejn l-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Vapuri tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni tal-Ħaddiema tat-Trasport Ewropej (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE (COM(2008) 0422),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea[1],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta' Ġunju 1999 dwar il-Ftehima fuq l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-baħħara milħuqa mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Vapuri tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni tal-Ħaddiema tat-Trasport Ewropej (ETF)[2],

–  wara li kkunsidra l-Ftehima milħuqa bejn Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Vapuri tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni tal-Ħaddiema tat-Trasport Ewropej (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 (il-Konvenzjoni),

–  wara li kkunsidra l-fatt li l-Ftehima kienet tinkludi talba konġunta lill-Kummissjoni biex din timplimenta l-Ftehima u l-Anness A tagħha b'deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 139(2) tat-Trattat,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 78(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-ħaddiema kollha għandhom id-dritt għall-kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin għas-saħħa, sikuri u dinjitużi, għal limitu massimu fuq il-ħin tax-xogħol tagħhom, u għal perjodi ta' mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u perjodu annwali ta' vaganzi mħallsa,

B.  billi l-Artikolu 139(1) tat-Trattat jagħti lis-sieħba soċjali fil-livell Komunitarju l-possibilità li, jekk jixtiequ huma, jidħlu fi djalogu li jista' jwassal għal relazzjonijiet kuntrattwali, li jinkludu ftehimiet,

C.  billi l-Artikolu 139 (2) tat-Trattat jipprovdi għall-possibilità tal-implimentazzjoni ta' ftehimiet konklużi fil-livell Komunitarju, fuq talba konġunta tal-partijiet firmatarji, b'deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni;

D.  billi jekk l-Istati Membri kollha tal-UE jirratifikaw il-Konvenzjoni, din tkun laħqet il-livell minimu neċessarju sabiex tidħol fis-seħħ,

E.  billi r-ratifika tal-Konvenzjoni se tirrappreżenta kontribut importanti għall-promozzjoni għal standards diċenti ta' xogħol mad-dinja kollha,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, għalkemm l-Artikolu 139(2) tat-Trattat ma jipprevedix li l-Parlament ikun ikkonsultat rigward talbiet magħmula mill-Kummissjoni mis-sieħba soċjali, il-Kummissjoni għaddiet il-proposta tagħha lill-Parlament u talbitu biex jikkomunika l-opinjoni tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill;

2.  Jappoġġa l-ftehima milħuqa mis-sieħba soċjali dwar ċerti aspetti tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema fil-qasam tat-trasport marittimu għaliex tilħaq bilanċ tajjeb bejn il-bżonn ta' titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħarsien tas-saħħa u s-sikurezza tal-baħħara;

3.  Jaqbel li l-Ftehima għandha titressaq quddiem il-Kunsill; jitlob, għalhekk, li l-Kunsill jadotta l-proposta tal-Kummissjoni bl-għan li jimplimenta l-Ftehima kif konkluża mis-sieħba soċjali, b'kunsiderazzjoni għal kwalunkwe interess speċjali tal-Istati Membri, u b'konsegwenza, tal-UE;

4.  Iqis li huwa essenzjali li jiġu definiti u infurzati standards globali minimi ta' impjieg u kundizzjonijiet ta' saħħa u sikurezza għall-baħħara li huma impjegati jew qed jaħdmu abbord vapuri li jbaħħru;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Ftehima kif konkluża mis-sieħba soċjali u l-proposta tal-Kummissjoni jipprevedu biss rekwiżiti minimi, u l-Istati Membri u/jew is-sieħba soċjali tħallew fil-libertà li jadottaw miżuri li huma iżjed favorevoli għall-ħaddiema fil-qasam ikkonċernat u sostanzjalment ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet tal-Parti A tal-Kodiċi tal-Konvenzjoni;

6.  Ifakkar fil-flessibilità offruta mill-Artikolu II, paragrafu 6, tal-Konvenzjoni lill-Istati li diġà ffirmaw dik il-Konvenzjoni;

7.  Jenfasizza l-irwol vitali tas-sieħba soċjali fit-titjib tal-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza għall-ħaddiema; jappoġġa bis-sħiħ l-involviment xieraq tas-sieħba soċjali fin-negozjati ta' djalogu soċjali u fil-konklużjonijiet min-naħa tagħhom ta' ftehimiet dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol;

8.  Jirrakkomanda l-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni;

9.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jirratifikaw bla dewmien il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lis-sieħba soċjali.