Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0163/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0163/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

25.3.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Véronique De Keyser, Jan Marinus Wiersma u Hannes Swoboda,
f'isem il-Grupp PSE
dwar il-bidu ta' negozjati internazzjonali bil-għan li jiġi adottat it-Trattat Internazzjonali għall-protezzjoni tal-Artiku

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0163/2009

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0163/2009
Testi mressqa :
B6-0163/2009
Testi adottati :

B6‑0163/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-bidu ta' negozjati internazzjonali bil-għan li jiġi adottat it-Trattat Internazzjonali għall-protezzjoni tal-Artiku

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra s-Sena Polari Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “L-Unjoni Ewropea u r-Reġjun tal-Artiku" (COM(2008) 763),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar il-governanza tal-Artiku f'ambjent globalizzat,

A.  billi l-kwistjonijiet territorjali f'din iz-zona, fejn l-interessi ekonomiċi jistgħu jkunu kbar, għandhom ir-riskju li jikkawżaw kunflitti kbar, bejn il-pajjiżi li jixtiequ jħarsu, inkluż b'modi militari, dak li jikkunsidraw bħala interessi tagħhom nazzjonali,

B.  billi n-newtralizzazzjoni ġeopolitika tagħmilha possibbli li titkabbar il-koperazzjoni tal-Unjoni Ewropea man-Nazzjonijiet ċirkumpolari,

C.  billi s-sigurtà reġjonali tal-Artiku tikkonċerna lill-Unjoni Ewropea, u mhux biss lill-pajjiżi mdawra bl-ibħra,

D.  billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar "L-Unjoni Ewropea u r-Reġjun tal-Artiku" (COM(2008)763) tal-20 ta' Novembru 2008, tiddeskrivi b'mod eċċellenti l-kwistjonijiet tal-ħarsien u l-preservazzjoni tal-Artiku u tal-promozzjoni tal-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi,

E.  billi kif tindika din il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "l-Unjoni Ewropea u r-reġjun tal-Artiku": "Ma teżisti l-ebda sistema ta’ Trattat speċifiku għall-Artiku. L-ebda pajjiż jew grupp ta’ pajjiżi ma għandu s-sovranità fuq il-Pol tat-Tramuntana jew l-Oċean tal-Artiku li hemm madwar il-Pol",

F.  billi l-evoluzzjonijiet teknoloġiċi ambjentali u legali sussegwenti għall-adozzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-liġi tal-baħar (Il-Bajja ta' Montego 1982),

G.  billi l-ipperikolar tal-ambjent tal-Artiku jitlob reazzjonijiet mil-liġi internazzjonali li jkunu kapaċi jlaħħqu mal-isfidi ambjentali,

H.  billi sistema internazzjonali ta’ kontroll biss tista’ tiggarantixxi l-ħarsien ta’ dan l-ambjent uniku,

I.  billi "Karta" vinkolanti biss li torbot tal-Artiku, meta mqabla mat-trattat dwar l-Antartiku, hekk kif issuġġerita mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008, tista' tkun soluzzjoni għall-problemi esposti mill-Kumissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha,

1.  Jitlob lill-Kunsill biex jieħu azzjoni biex l-Artiku jsir zona ta' paċi u ta' koperazzjoni, irriservata biss għall-attivitajiet paċifiċi, 'il bogħod mill-kwistjonijiet ta' qsim tas-sovrenità, u sabiex jikkontribwixxi għall-koperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà fl-Artiku;

2.  Jitlob lill-Kunsill biex jaħdem favur il-bidu ta' negozjati internazzjonali bil-għan li tiġi adottata “il-Karta Internazzjonali favur il-ħarsien tal-Artiku, li tispira ruħha mit-Trattat dwar l-Antartiku, kif issuġġerit mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jinkludi l-kwistjoni dwar l-Artiku fl-aġenda tas-Samit li jmiss bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi emendi speċifiċi għar-regolamenti tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali sabiex jiġu nfurzati r-regoli tas-sigurtà internazzjonali tat-traffiku marittimu fir-reġjun, f’zoni li huma b’mod partikulari sensittivi;

5.  Jitlob lill-Kummisjoni biex taħdem biex jiġi applikat “il-Kodiċi Polari ta' Navigazzjoni fl-Artiku” filwaqt li tiżgura s-sigurtà ta’ dan;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura l-libertà tan-navigazzjoni u tad-dritt għall-passaġġ, u biex ma jkunx hemm prattiċi diskriminatorji, b’mod partikulari fil-qasam tat-taxxa, tas-servizzi obligatorji u tar-regolamenti;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaħdmu biex jiġi applikat moratorju fuq l-isfruttar tar-riżorsi ġeoloġiċi tal-Artiku matul 50 sena, filwaqt li jistennew studji xjentifiċi ġodda;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lin-Norveġja, lil Iżlanda, lir-Russja, lill-Kanada u lill-Istati Uniti u lill-parteċipanti fil-koperazzjoni reġjonali.