Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0187/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0187/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

16.4.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Gunnar Hökmark
f'isem il-Grupp PPE-DE
dwar ir-riżultat tal-laqgħa tal-G20 li saret f’Londra fit-2 ta’ April 2009

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0185/2009

Proċedura : 2009/2558(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0187/2009
Testi mressqa :
B6-0187/2009
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0187/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-riżultat tal-laqgħa tal-G20 li saret f’Londra fit-2 ta’ April 2009

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta' April 2009 tal-Grupp ta' Għoxrin bit-titolu “Il-Pjan Dinji għall-Irkupru u r-Riforma”,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta' April 2009 tal-Grupp ta' Għoxrin bit-titolu “Insaħħu s-Sistema Finanzjarja”,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni mfassal fi New York fil-laqgħa tal-G20 li saret f’Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-lista ta' pajjiżi tal-OECD li mhumiex konformi mal-istandards internazzjonali għall-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa, ippubblikata fit-2 ta' April 2009,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern tal-Eurogrupp, li saret fit-12 ta’ Ottubru 2008, bil-ħsieb li jkun adottat pjan ta’ salvataġġ koordinat biex jiġġieled il-kriżi ekonomika,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar is-sorveljanza finanzjarja tal-UE, ippresedut mis-Sur Jacques de Larosière, u r-rapport tiegħu lill-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2009 fil-prospettiva tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2009,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-11 ta' Marzu 2009 dwar Pjan Ewropew għall-Irkupru tal-Ekonomija[1],

–  wara li kkunsidra r-riżultat tal-laqgħa tar-rebbiegħa tal-Kunsill Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-prestazzjoni ekonomika dinjija qed tiddeterjora malajr fl-2009, u huwa biss mistenni irkupru bil-mod il-mod fl-2010, fl-iktar proġetti ottimisti, u li b'hekk qed nersqu eqreb lejn kriżi soċjali u politika profonda,

B.  billi l-isfidi ewlenin biex jiġi miġġieled it-tnaqqis fl-ekonomija internazzjonali u Ewropea huma n-nuqqas ta' kunfidenza fis-swieq finanzjarji u kapitali, kif ukoll il-qgħad li qed jiżdied; billi jeħtieġ issir azzjoni biex tiżgura s-self interbankarju u l-iffunzjonar tas-swieq tal-kreditu,

C.  billi ntwera li s-sħubija fiz-zona tal-Euro ssaħħaħ l-istabilità ekonomika fl-Istati Membri rilevanti, l-ewwelnett permezz tal-isforzi tagħhom biex jikkonformaw mal-kriterji ta' Maastricht u mal-Patt għall-Istabilità u t-Tkabbir, kif ukoll billi tipproteġi mill-bidliet fil-valur tal-muniti;

D.   billi bosta Stati Membri ffaċċjaw problemi kbar rigward il-bilanċ tal-ħlasijiet, u xi wħud minnhom kellhom iduru lejn l-IMF għall-għajnuna;

E.  billi l-Pjan Dinji għall-Irkupru u r-Riforma jinkludi l-għanijiet li ġejjin: (1) it-tiġdid tal-fiduċja, it-tkabbir u l-impjiegi; (2) it-tiswija tas-sistema finanzjarja biex jerġa' jinbeda s-self; (3) it-tisħiħ tar-regolamenti finanzjarji u l-bini mill-ġdid tal-fiduċja; (4) l-iffinanzjar u r-riforma tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali biex tingħeleb il-kriżi u jiġu evitati kriżijiet futuri; (5) il-promozzjoni tal-kummerċ u tal-investiment dinji u ċ-ċaħda tal-protezzjoniżmu, biex tissaħħaħ il-prosperità; u (6) il-bini ta' ekonomija inklużiva, favur l-ambjent u sostenibbli;

1.  Jilqa' l-Pjan Dinji tal-Grupp ta’ Għoxrin għall-Irkupru u r-Riforma; huwa sodisfatt li l-Pjan Globali huwa konformi mal-isforzi li diġà saru fi ħdan l-Unjoni Ewropea, sabiex iżidu approċċ aktar globali u jiġu evitati politiki konfliġġenti li l-effetti tagħhom jikkanċellaw lil xulxin;

2.  Ifaħħar l-irwol ewlieni li kellha l-UE fis-samit biex tagħti direzzjoni u ssawwar soluzzjonijiet prattiċi;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-approċċ komuni għal regolamentazzjoni aħjar fis-settur finanzjarju u titjib fis-superviżjoni finanzjarja; iħeġġeġ lill-gvernijiet kollha biex jaġixxu skont l-impenji li għamlu matul il-laqgħa tal-G20;

4.  Jistieden il-Bord tal-Istabilità Finanzjarja li għadu kif twaqqaf kif ukoll l-IMF biex jippreżentaw ir-rapport tagħhom dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għat-tisħiħ tas-settur finanzjarju lill-Parlament Ewropew;

5.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-miżuri, spiss b’saħħithom, meħuda fis-settur finanzjarju m’ humiex maħsuba biex jipprevjenu l-għeluq ta’ ditti speċifiċi, iżda biex jipprevjenu kriżi serja tas-settur, li twassal għal effett domino diżastrużi permezz tal-bqija tas-settur finanzjarju, kif ukoll l-ekonomija reali;

6.  Huwa favur l-irduppjar tal-istrument tal-UE li jipprovdi assistenza finanzjarja fuq medda ta' żmien medju għall-bilanċi tal-ħlasijiet minn EUR 25 biljun sa EUR 50 biljun tal-Istati Membri li mhumiex parti miz-zona tal-Euro;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha mingħajr klawżola ta’ opt-out li għadhom barra z-zona tal-euro sabiex jikkonċentraw fuq il-kisba tal-kriterji ta' Maastricht u biex jippjanaw sabiex l-euro tiġi adottata mill-aktar fis possibbli biex jiġu mħarsa b'mod aktar effettiv minn kriżijiet possibbli fil-ġejjieni;

8.  Jilqa' t-tnaqqis suċċessiv fir-rati tal-interessi min-naħa tal-Bank Ċentrali Ewropew sabiex jissaħħaħ it-tkabbir, u l-provvista malajr, min-naħa tiegħu, ta' faċilitajiet finanzjarji fuq medda qasira ta' żmien bil-għan li jerġa' jitqawwa s-self bejn il-banek;

9.  Jinnota li l-użu kbir li għamlu l-gvernijiet mis-self qed jibda juri tensjoni fuq is-swieq kapitali, billi dawn qed jitnixxfu, qed jinħoloq effett ta’ espulsjoni (crowding-out) u r-rati tal-imgħax fuq medda ta’ żmien medju u ta’ żmien twil qed jogħlew bil-mod il-mod, fattur li x'aktarx ixejjen l-isforzi tal-banek ċentrali biex inaqqsu r-rati tal-imgħax; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jerġgħu lura għal livell sod ta’ defiċit tal-gvern mill-aktar fis possibbli;

10.  Huwa konxju li ż-żieda qawwija preżenti fl-infiq tal-gvern tista' twassal għal żieda qawwija wkoll fit-tassazzjoni fil-futur; iwissi kontra t-tama li l-inflazzjoni se ttaffi l-impatt fuq it-teżor pubbliku, minħabba li dan se jkun prinċipalment għad-detriment tal-pensjonanti u tal-ġenerazzjonijiet futuri;

11.  Ifaħħar il-G20 talli bosta drabi għażlu soluzzjonijiet ibbażati fuq self u garanziji, fattur li ser jimmassimizza l-effetti ekonomiċi filwaqt li jgħin fit-tnaqqis tal-impatt fit-tul fuq it-teżor tal-gvern tal-programmi li jiswew aktar minn 1 triljun dollaru Amerikan;

12.  Huwa mħasseb serjament rigward id-diverġenza tar-rati tal-produttività fi ħdan iz-zona tal-euro u jħeġġeġ li jittieħdu miżuri korrettivi fuq il-livell nazzjonali fejn dan huwa meħtieġ;

13.  Jiċħad kull forma ta' protezzjoniżmu kemm fl-ekonomija reali u kemm fis-settur finanzjarju bħala reazzjoni għat-tnaqqis ekonomiku u għat-tnaqqis fil-kummerċ globali; jenfasizza li kwalunkwe regolamenti proposti għandhom jevitaw impatti protezzjonisti u extra-territorjali;

14.  Jilqa’ ż-żieda sostanzjali fir-riżorsi tal-IMF, li hija l-fornitur prinċipali ta' assistenza finanzjarja għall-pajjiżi bi problemi tal-bilanċ tal-ħlasijiet, inkluż l-Istati Membri, u li taġixxi biex jiġi appoġġjat it-tkabbir fi swieq emerġenti u f’pajjiżi li qed jiżviluppaw;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni għal evlawazzjoni tal-ammont addizzjonali tad-Drittijiet ta' Tislit Speċjali tal-IMF li jistgħu jsiru neċessarji, u għal evalwazzjoni mill-BĊE ta' dawn l-effetti tal-espansjoni fuq l-istabbiltà tal-prezzijiet madwar id-dinja;

16.  Jilqa' t-tneħħija tal-erba' pajjiżi li baqgħu fuq il-lista negattiva tal-OECD ta' pajjiżi li joffru kenn mit-taxxi, għaliex dawn qablu li jimplimentaw regoli ta' tassazzjoni trasparenti ftit wara s-samit tal-G20;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni tniedi, fil-kuntest ta' riflessjoni dwar il-futur tal-Istrateġija ta' Żvilupp Sostenibbli, il-proċessi neċessarji li għandhom l-għan li jitqiesu b'mod sħiħ il-konsegwenzi tal-bidla fil-klima għall-politiki kollha eżistenti; jitlob lill-Kummissjoni tevalwa l-possibiltà li toħloq suq intern effiċjenti għall-enerġija li tiġġedded;

18.  Jenfasizza l-bżonn tal-implimentazzjoni effettiva tal-Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija u ta’ iktar investimenti fl-enerġija li tiġġedded, fl-effiċjenza tal-enerġija u dik li tuża ammont żgħir ta' karbonju, li għandha tkun parti ċentrali tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Enerġija għall-2010-2014;

19.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi integrata l-eko-innovazzjoni fil-politiki kollha rilevanti sabiex din tiġi promossa malajr fuq skala wiesgħa, u jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina oqfsa regolatorji, kif ukoll ostakli regolatorji u fallimenti tas-suq li jistgħu ixekklu l-adozzjoni ta' teknoloġiji ambjentali u aktar innovazzjoni;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-BĊE, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-istati membri tal-G20 u lill-IMF.