Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0031/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0031/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Liġi Litwana dwar il-Ħarsien tal-Minorenni kontra l-Effetti Negattivi tal-Informazzjoni Pubblika

9.9.2009

imressqa wara l-mistoqsijiet b’talba għal tweġiba orali B7‑0201/2009 u B7‑0202/2009
skont l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Rui Tavares, Cornelia Ernst, Kyriacos Triantaphyllides, Marie-Christine Vergiat, Thomas Händel, Sabine Lösing f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0026/2009

Proċedura : 2009/2632(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0031/2009
Testi mressqa :
B7-0031/2009
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0031/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Liġi Litwana dwar il-Ħarsien tal-Minorenni kontra l-Effetti Negattivi tal-Informazzjoni Pubblika

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-obbligi internazzjonali u dawk Ewropej marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jinsabu fil-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–   wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikulari l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli tagħha u l-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jagħti lill-Unjoni Ewropea s-setgħa li tadotta miżuri kontra d-diskriminazzjoni bbażata, inter alia, fuq l-orjentazzjoni sesswali, u li tippromwovi l-prinċipju ta’ ugwaljanza,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/43/KE u d-Direttiva 2000/78/KE li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, kif ukoll il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426 final),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tipprojbixxi ‘kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali’,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 1997 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni (‘Televiżjoni mingħajr Fruntieri’),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115 u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE hija bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni,

B.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom l-obbligu li jippromwovu l-ugwaljanza u li jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni, b'mod partikulari fuq il-bażi tal-Artikolu 13 tat-Trattat KE u d-direttivi li ġew approvati u proposti biex jintlaħaq dan il-għan, inkluża l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali,

C. billi l-esklużjoni, id-diskriminazzjoni u l-fastidju ta’ żgħażagħ lesbjani, omosesswali, bisesswali u transesswali, li jwasslu għal problemi psikoloġiċi qawwija u rati għoljin ta’ suwiċidji, u billi l-informazzjoni u l-edukazzjoni fl-iskejjel huma essenzjali biex jiġu protetti ż-żgħażagħ lesbjani, omosesswali, bisesswali u transesswali,

D. billi l-orjentazzjoni sesswali hija kwistjoni li taqa' fl-ambitu tad-dritt individwali għall-privatezza, garantit permezz tal-liġi internazzjonali, Ewropea u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u billi l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni għandhom ikunu promossi mill-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li għandha tiġi garantita l-libertà tal-espressjoni għall-midja, għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u għall-individwi, u jiġi promoss il-pluraliżmu,

E.  billi fl-14 ta’ Lulju 2009, il-Parlament Litwan approva emendi għal-Liġi dwar il-Ħarsien tal-Minorenni kontra l-Effetti Negattivi tal-Informazzjoni Pubblika, li mistennija tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2010, u li tasserixxi li ‘l-informazzjoni pubblika […] favur ir-relazzjonijiet [...] omosesswali [jew] bisesswali’ jew li ‘tisfida l-valuri tal-familja’ għandha ‘effett negattiv fuq l-iżvilupp tal-minorenni’, u billi l-President tal-Litwanja uża l-veto fuq il-verżjoni preċedenti ta' din il-liġi li mbagħad ġiet kkonfermat mill-Parlament Litwan,

F.  billi l-liġi ma tipprovdi l-ebda definizzjoni ta' "tixrid" jew "tixwix favur" l-omosesswalità, l-eterosesswalità jew kwalunkwe tip ieħor ta' orjentazzjoni sesswali, u b'hekk tikkontradixxi l-prinċipju ta' ċertezza legali skont liema prinċipju, liġi tkun valida meta l-atti pprojbiti jkunu definiti b'mod ċar f'termini legali,

G. billi mhuwiex ċar liema tip ta' materjali jaqgħu fl-ambitu ta’ din il-liġi u jekk il-ġurisdizzjoni tagħha testendix għall-kotba, l-arti, l-istampa, il-pubbliċità, il-mużika u r-rappreżentazzjonijiet pubbliċi bħat-teatru, l-esibizjonijiet jew id-demonstrazzjonijiet, u billi l-ambigwità tad-definizzjonijiet tħalli lill-awturi, lill-pubblikaturi u lill-ġurnalisti suġġetti għal awtoċensura sabiex jiġu evitati pieni li bħalissa qed jiġu diskussi,

H. billi emendi ta' dan it-tip se jirriżultaw fil-projbizzjoni ta' kwalunkwe informazzjoni dwar l-omosesswalità jekk tkun tista' tiġi aċċessata minn minorenni, u din tkun tista' tintuża biex titrażżan il-ħidma tal-attivisti li jaħdmu fuq kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem, orjentazzjoni sesswali u identità ta' ġeneru,

I.   billi r-Renju Unit introduċa liġi simili fl-1988, li sussegwentement ġiet revokata,

J.   billi l-Artikolu 22 tad-Direttiva Televiżjoni mingħajr Fruntieri jippermetti li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw illi x-xandiriet televiżivi ma jinkludux programmi li jistgħu jfixklu serjament l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minuri, minħabba li jkun fihom ‘pornografija jew vjolenza gratwita’, iżda dan ma jistax jiġi interpretat li jkopri kull informazzjoni relatata mal-orjentazzjoni sesswali,

K. billi l-President tal-Litwanja użat il-veto kontra l-liġi fis-26 ta’ Ġunju 2009, peress li ġiet imfassla b'termini vagi u mhux ċari, u talbet lill-Parlament biex jerġa' jqisha ħalli jiġi żgurat li tikkonforma mal-‘prinċipji kostituzzjonali tal-istat tad-dritt, iċ-ċertezza legali, u ċ-ċarezza legali’ u li ma tmurx kontra ‘l-garanziji ta' soċjetà miftuħa u demokrazija pluralistika’,

L.  billi l-NGOs fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni, kif ukoll l-MEPs, talbu ripetutament lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jintervjenu u lill-Parlament Litwan biex jirrevedi l-liġi, minħabba li din tistituzzjonalizza l-omofobija u tmur kontra d-dritt tal-libertà tal-espressjoni u d-dritt għal ħajja ħielsa mid-diskriminazzjoni,

M. billi l-Presidenza Svediża tal-UE ddiskutiet il-liġi mal-awtoritajiet Litwani, filwaqt li l-President Litwan iddikjarat li se tieħu passi biex jiġi żgurat li l-liġi tinbidel f’konformità mar-rekwiżiti tal-UE,

N. billi fil-Ħarifa se jiġu eżaminati emendi ulterjuri għall-kodiċijiet penali u amministrattivi; billi dawn l-emendi jikkriminalizzaw atti minn persuni privati jew legali li jippromwovu jew jiffinanzjaw l-omosesswalità fi nħawi pubbliċi u jqisuhom punibbli b'ordni ta' servizz komunitarju, multa li tista' titla' sa EUR 1,500 jew arrest,

1.  Jitlob lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali biex tevalwa l-liġi u l-emendi, u tindika dawk li huma kontra l-liġi u l-prinċipji Ewropej;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jevalwa l-possibilità li tkun attivata l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Litwani biex jew jemendaw il-liġi jew jirrevokawha, u biex joqogħdu lura milli jadottaw emendi għall-kodiċi penali u amministrattiv, sabiex jiġi żgurat li l-liġijiet ikunu kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili kif imħaddna fil-liġi internazzjonali u Ewropea;

4.  Jitlob għar-rispett tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni għal kulħadd, inkluż id-dritt li wieħed ifittex, jirċievi u jagħti informazzjoni, tal-liġi u l-politiki tal-UE kontra d-diskriminazzjoni u għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 6 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, fi kliem ieħor, tal-valuri fundamentali tal-UE;

5.  Jistieden lill-Istati Membri l-oħra biex joqogħdu lura milli jadottaw liġijiet jew emendi simili, biex jikkundannaw l-atti omofobiċi u biex isaħħu l-implimentazzjoni tal-liġijiet Ewropej fil-qasam tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u tad-drittijiet tal-bniedem;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati, lill-President tar-Repubblika tal-Litwanja, lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u lill-Kunsill tal-Ewropa.