Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0039/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0039/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar in-nirien tal-foresti fis-sajf 2009

14.9.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Marietta Giannakou, Theodoros Skylakakis, Ioannis Kasoulides, Michel Barnier, Mario Mauro, Andrey Kovatchev, Paulo Rangel, Theodor Dumitru Stolojan, Marian-Jean Marinescu, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Danuta Maria Hübner, Richard Seeber, Lambert van Nistelrooij, Jean-Pierre Audy, Elena Băsescu, Sophie Briard Auconie, Alain Cadec, David Casa, Michel Dantin, Rachida Dati, Anne Delvaux, Christine De Veyrac, Rosa Estaras Ferragut, José Manuel Fernandes, Santiago Fisas Ayxela, Gaston Franco, Marielle Gallo, Elisabetta Gardini, Jean-Paul Gauzès, Françoise Grossetête, Pascale Gruny, Philippe Juvin, Lena Barbara Kolarska-Bobińska, Georgios Koumoutsakos, Veronica Lope Fontagné, Petru Constantin Luhan, Véronique Mathieu, Gabriel Mato Adrover, Iosif Matula, Elisabeth Morin-Chartier, Radvilė Morkūnaitė, Jan Olbrycht, Georgios Papanikolaou, Georgios Papastamkos, Markus Pieper, Maurice Ponga, Konstantinos Poupakis, Cristian Dan Preda, Tokia Saïfi, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Marco Scurria, Csaba Sógor, Catherine Soullie, László Surján, Nuno Teixeira, Róża Thun und Hohenstein, Ioannis Tsoukalas, Traian Ungureanu, Dominique Vlasto, Maria do Céu Patrão Neves f’isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0039/2009

Proċedura : 2009/2668(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0039/2009
Testi mressqa :
B7-0039/2009
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0039/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-diżastri naturali ta’ dan is-sajf fl-Ewropa t’Isfel

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6 u 174 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar it-tisħiħ tal-kapaċità tar-rispons ta’ l-Unjoni għad-diżastri[1], tal-4 ta’ Settembru 2007 dwar id-diżastri naturali[2], tas-7 ta’ Settembru 2006 dwar in-nirien forestali u l-għargħar fl-Ewropa[3], tal-5 ta’ Settembru 2002 dwar l-għargħar fl-Ewropa[4], tal-14 ta’ April 2005 dwar in-nixfa fil-Portugall[5], tat-12 ta’ Mejju 2005 dwar in-nixfa fi Spanja[6], tat-8 ta’ Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (nirien u għargħar) fl-Ewropa[7], u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta’ Mejju tal-2006 dwar id-diżastri naturali (nirien forestali, nixfiet u għargħar) – aspetti agrikoli[8], aspetti ta’ żviluppi reġjonali[9], u aspetti ambjenti[10],

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 2007 li tistabbilixxi Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili (imfassla mill-ġdid)[11],

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (COM(2005)0108) u l-pożizzjoni tal-Parlament tat-18 ta' Mejju 2006[12],

–   wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 3/2008 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri “Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea: kemm hu mgħaġġel, effiċjenti u flessibbli?”,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kummissjoni 2008 dwar il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u r-Rapport dwar l-esperjenza miksuba wara sitt snin ta’ applikazzjoni tal-istrument il-ġdid,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar, adottata fit-23 ta' Ottubru 2007[13],

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili (2007/162/KE, Euratom)[14],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern tat-12 u t-13 ta’ Ġunju 2007 dwar it-titjib tal-ħila ta’ koordinazzjoni taċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ u ta’ Informazzjoni (MIC) fil-mekkaniżmu Komunitarju għall-protezzjoni ċivili,

–   wara li kkunsidra r-rapport ta’ Michel Barnier tad-9 ta’ Mejju 2006 “Għal forza Ewropea għall-protezzjoni ċivili: Għajnuna Ewropea',

–   wara li kkunsidra l-punt 12 tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006 dwar ir-reazzjoni ta’ l-Unjoni għall-emerġenzi, il-kriżijiet u d-diżastri,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar 'Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem' (COM(2009)82 finali/2 tal-4 ta' Marzu 2009),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata unanimament tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja dwar il-'Protezzjoni ċivili u l-prevenzjoni ta’ diżastri naturali u ekoloġiċi fir-reġjun Ewro-Mediterranju',

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi fl-2009 s-sajf reġa' ġab miegħu nirien mhux ikkontrollati devastanti madwar in-Nofsinhar tal-Ewropa, li kkaġunaw kemm tbatija għall-bniedem, fejn mietu tal-anqas ħdax-il ruħ, kif ukoll ħsara ambjentali u materjali immensa,

B.  billi fi snin reċenti nixfiet persistenti u temperaturi għoljin wasslu għall-proliferazzjoni ta' nirien fil-foresti fl-Ewropa, u b'hekk żdiedet id-deżertifikazzjoni f'ħafna reġjuni u ġew affettwati l-agrikoltura, it-trobbija ta' l-annimali u l-wirt tal-foresti,

C. billi n-nixfa u n-nirien persisteni qegħdin iħaffu l-proċess ta’ deżertifikazzjoni ta’ zoni kbar tal-Ewropa t’Isfel, u nqerdu aktar minn 400,000 ettaru fis-sena ta' foresta Ewropea f’dawn l-aħħar 10 snin, b'riżultat ta' dannu gravi għall-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjonijiet affettwati,

D. billi, matul id-deċennji li ġejjin, minkejja l-isforzi tagħna ta' mitigazzjoni globali, se jkun hemm żieda inevitabbli fit-temperatura globali, b’effetti partikolarment avversi għan-Nofsinhar tal-Ewropa, li huwa mbassar li se jkun reġjun estremament vulnerabbli f’termini ta’ bidla fil-klima u li diġà għadda minn nirien inkontrollati ta’ kobor mingħajr preċedenti fl-2007 bħala riżultat dirett tal-mewġiet ta’ sħana estrema ta' dik is-sena,

E.  billi l-frekwenza, il-gravità, il-komplessità u l-impatt tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem fl-Ewropa żdiedu b'ħeffa matul is-snin li għaddew, b'riżutlat ta' telf ta' ħajjiet umani u beni, b'effetti katastrofiċi fit-terminu l-qasir u fit-terminu t-twil fuq l-ekonomija tar-reġjuni affettwati, inkluż it-telf tal-wirt naturali u kulturali, il-qirda tal-infrastruttura ekonomika u soċjali, u d-dannu għall-ambjent (fil-każ ta’ nirien mhux ikkontrollati mill-bniedem, ta' telf tal-ħabitats naturali u tal-bijodiversità, ta' deterjorament tal-mikroklima u ta' żieda fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra),

F.  wara li kkunsidra l-konsegwenzi dannużi ekonomiċi u soċjali tad-diżastri naturali għall-ekonomiji reġjonali, kemm f’setturi bħalma huma t-turiżmu kif ukoll mil-lat tal-attività produttiva inġenerali;

G. billi l-prevenzjoni hija ta' importanza sinifikanti fir-rigward tal-ħarsien kontra d-diżastri naturali, teknoloġiċi u ambjentali,

H. billi l-fenomenu tan-nirien forestali huwa aggravat ukoll mill-abbandun progressiv tal-kampanja u tal-attivitajiet tradizzjonali tagħha, minn manutenzjoni inadegwata tal-foresti, mill-eżistenza ta’ firxiet kbar ta’ foresta li jkun fihom speċi waħda ta' siġar, mit-taħwil ta' varjetajiet ta' siġar mhux idonei, min-nuqqas ta' politika ta' prevenzjoni xierqa u kastigi li mhumiex ta' severità adegwata fil-każ ta’ nirien li jkunu tqabbdu apposta,

I.   billi l-Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili ġie attivitat ripetutament fl-aħħar ftit snin,

J.   billi d-diżastri naturali bħalma huma n-nirien forestali li dejjem qed ikunu aktar spissi fin-Nofsinhar tal-Ewropa jista’ jkollhom dimensjoni transkonfinali minħabba l-ħeffa li biha jinfirxu minn fejn ikunu bdew u l-hila li ghandhom li jibdlu d-direzzjoni minghajr mistenni, u għalhekk jeħtieġu reazzjonijiet kkoordinati u mgħaġġlin; wara li kkunsidra wkoll l-ħsara estensiva li jistgħu jikkawżaw lill-proprjetà, lill-ħajja tal-bniedem, lill-attivitajiet ekonomiċi u lill-ambjent reġjonali,

K. billi l-Parlament ripetutament ħeġġeġ lill-Presidenzi tal-Kunsill jilħqu deċiżjoni dwar Regolament għal Fond ta’ Solidarjetà ġdid sa mill-adozzjoni tal-pożizzjoni tiegħu f'Mejju 2006,

L.  billi, sa mill-ħolqien tiegħu fl-2002, il-Fond ta' Solidarjetà ta appoġġ finanzjarju ta' aktar minn EUR 1.5 biljuni,

M. filwaqt li l-Qorti tal-Awdituri tiddikjara li l-Fond ta’ Solidarjetà 'laħaq l-objettiv tiegħu, li huwa li juri solidarjetà mal-Istati Membri f’sitwazzjonijiet ta’ diżastru', minkejja illi l-aktar problema importanti tibqa’ n-nuqqas ta’ rapidità li biha l-Fond jista’ jiġi attivat bħala strument għall-immaniġjar tal-kriżijiet,

N. billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li jittejbu t-trasparenza u s-sempliċità tal-kriterji li jirregolaw il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà,

O. billi l-Parlament Ewropew issottometta riżoluzzjonijiet suċċessivi sa mill-1995 li jitolbu urġentement diversi inizijattivi tal-Unjoni Ewropea biex ikunu missielta n-nirien inkontrollati fin-Nofsinhar tal-Ewropa, li jew qatt ma kienu implimentati jew tħallew inkompleti u ineffettivi,

1.  Jesprimi l-kondoljanzi u s-solidarjetà qawwija tiegħu mal-qraba ta’ dawk li mietu u mar-residenti fiz-zoni affettwati, u jfaħħar lill-ħaddiema tat-tifi tan-nar, lill-professjonisti u lill-voluntiera li stinkaw bla waqfien u bi qlubija biex jitfu n-nirien, isalvaw in-nies u jillimitaw il-ħsara mid-diżastri naturali ta' dan is-sajf;

2.  Huwa tal-opinjoni li l-Kummissjoni għandha tissottometti proposta għal strateġija Ewropea biex ikunu missielta d-diżastri naturali, inkluż approċċ tassattiv għall-prevenzjoni tar-riskju, u tfassal protokoll għal azzjoni uniformi għal kull tip ta’ diżastru fl-Unjoni; u jemmen ukoll li din l-istrateġija għandha tagħti attenzjoni partikolari għar-reġjuni magħmulin minn gzejjer u limitrofi b’densità ġeografika baxxa;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timmobilizza l-Fond ta’ Solidarjetà attwali tal-UE (EUSF) bl-iktar mod flessibbli li huwa possibbli u mingħajr dewmien biex ikunu assistiti l-vittmi tad-diżastri naturali ta’ dan is-sajf;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja r-riabilitazzjoni tar-reġjuni li soffrew dannu kbir, tirrestawra l-potenzjal produttiv tal-arji affettwati, tfittex li tniedi mill-ġdid il-ħolqien tal-impjiegi u tieħu miżuri approprijati biex tikkumpensa l-kostijiet soċjali inerenti fit-telfien tal-impjiegi u ta’ għejun oħrajn ta’ dħul;

5.  Iqis li l-esperjenzi reċenti jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ rinforz ulterjuri tat-tħejjija għall-prevenzjoni u l-protezzjoni ċivili u l-kapaċità ta’ rispons Komunitarji in konnessjoni man-nirien forestali u oħrajn mhux ikkontrollati fl-Ewropa t’Isfel, u jħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni tieħu azzjoni għal dan il-fini, biex tiżgura espressjoni viżibbli tas-solidarjetà Ewropea lejn il-pajjiżi affettwati b'emerġenzi maġġuri;

6.  Jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni taċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ u ta’ Informazzjoni (MIC) lejn l-appoġġ u l-iffaċilitar tal-mobilizzazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ għajnuna għall-protezzjoni ċivili waqt l-emerġenzi;

7.  Jisħaq dwar ir-responsabilità individwali tal-Istati Membri għall-protezzjoni ċivili u l-miżuri tal-kontroll tad-diżastri, jistieden li jkun hemm kastigi eħrex għall-inċendjarji u metodi aktar effiċjenti għall-għarfien bikri tan-nirien forestali, jitlob li jkun hemm it-titjib tat-trasferiment tal-għarfien espert li għandu x'jaqsam mal-miżuri ta’ tifi tan-nar bejn l-Istati Membri, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ittejjeb l-iskambju ta’ esperjenzi bejn ir-reġjuni u bejn l-Istati Membri;

8.  Jirrikonoxxi s-solidarjetà ta’ l-Unjoni Ewropea, ta’ l-Istati Membri tagħha u ta’ pajjiżi oħra bl-għajnuna li taw lir-reġjuni affettwati waqt emerġenzi ta’ nirien fil-foresti permezz ta’ inġenji ta’ l-ajru, tagħmir għat-tifi tan-nar u kompetenza, kif ukoll l-għajnuna ta’ min ifaħħarha mogħtija lill-awtoritajiet rilevanti u lill-iskwadri tas-salvataġġ; huwa tal-opinjoni li l-iskala u l-impatt ta’ dawn il-fenomeni ta’ sikwit imorru oltre l-livell u l-kapaċitajiet reġjonali u nazzjonali u jitlob li jkun hemm impenn Ewoprew effettiv bħala kwestjoni ta’ urġenza;

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-kontribut tar-riżerva tattika Ewropea ta' avjazzjoni għat-tifi tan-nar (EUFFTR), li twaqqfet dan is-sajf biex tassisti lill-Istati Membri li jiffaċċjaw nirien kbar; jinnota li dan il-proġett pilot twaqqaf bl-appoġġ tal-Parlament Ewropew sabiexiex itejjeb il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra n-nirien forestali, u jirriżulta li huwa eżempju eċċellenti ta' kapaċità mtejba f’livell Ewropew li tipprovdi għajnuna immedjata f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza; jisħaq, f’dan l-ambitu, dwar il-ħtieġa li jitkomplew l-iżvilupp u r-rinforz ta' dan il-proġett pilota, hekk kif nissoktaw b'ċirkostanzi ta' devastazzjoni kbira, peress li l-kapaċitajiet tal-Istati Membri mal-EUFFTR jidher li ma jkunux adegwati;

10. Jisħaq dwar l-urġenza kbira ta' din il-kwestjoni u għalhekk jitlob li tinħoloq forza Ewropea effettiva li tkun tista' tirreaġixxi immedjatament fl-emerġenzi, kif propost mir-rapport Barnier;

11. Huwa tal-opinjoni li r-Regolament il-ġdid għall-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea huwa essenzjali biex jiġu indirizzati l-problemi kkawżati mid-diżastri naturali b'mod aktar flessibbli u effettiv; jikkritika l-fatt li l-Kunsill imblokka l-progress, b'mod li dewwem illegalment din ir-reviżjoni, għad illi l-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu b'maġġoranza stragrandi mal-ewwel qari f'Mejju 2006;

12. Jenfasizza l-fatt li jekk tiġi rravvivata din l-inizjattiva, ikun hemm benefiċċji maġġuri għat-tħaddim konkret tal-Fond, jitwessa' l-ambitu tiegħu, tiġi abolita l-attivazzjoni eċċezzjonali tal-Fond għal diżastri reġjonali, jiġi permess li aktar reġjuni jirċievi l-assistenza bl-introduzzjoni ta' livell aktar baxx ta' dannu biex jiġi mmobilizzat u, importanti ferm, jiġi permess rispons aktar malajr għad-diżastri billi jitħaffu l-pagamenti;

13.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isibu bl-akbar responsabilità u mingħajr dewmien kompromess biex jiġi riattivat il-proċess tar-reviżjoni tar-Regolament għall-Fond ta’ Solidarjetà, bil-għan li jinħoloq strument aktar f’saħħtu u aktar rapidu, li jkun jista’ jirrispondi għall-isfidi l-ġodda tal-globalizzazzjoni u l-bidla klimatika; jistieden lill-Presidenza Svediża fil-Kariga, kif ukoll lill-Ministri tal-UE għall-Finanzi, l-Ambjent, l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Reġjonali, biex jieħdu azzjoni qawwija u mgħaġġla minnufih;

14. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejbu l-miżuri ta' prevenzjoni mfassla sabiex jittrattaw it-tipi kollha ta' diżastri naturali billi jkunu stabbiliti linji gwida strateġiċi konġunti sabiex tkun żgurata koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri, kif ukoll operabilità u koordinazzjoni akbar bejn id-diversi strumenti Komunitarji (Fondi Strutturali, Fond ta' Solidarjetà, EAFRD, LIFE+ u l-mekkaniżmu tal-istrument tar-reazjzoni rapida u t-tħejjija għal emerġenzi kbar), filwaqt li ma tintesiex il-ħtieġa li jintużaw strumenti eżistenti oħrajn, bħall-Għajnuna mill-Istat għal skopijiet reġjonali u s-self tal-BEI, bil-għan li titranġa l-ħsara kkawżata mid-diżastri naturali;

15. Jitlob li jiddaħħlu mekkaniżmi ta' koordinazzjoni reġjonali fil-programmi ta' żvilupp rurali biex titjieb l-effiċjenza tal-miżuri ta' prevenzjoni;

16. Jenfasizza l-ħtieġa li titħaffef il-proċedura ta’ aċċess għall-fondi tal-UE għall-irkupru tal-art agrikola wara għargħar u nirien, u l-ħtieġa li tkun disponibbli aktar għajnuna finanzjarja għall-iżvilupp ta’ difiżi kontra n-nirien u l-għargħar; jenfasizza l-effetti fatali tan-nirien forestali u l-għargħar fuq il-bhejjem;

17. Iqis li hu essenzjali li jittieħed kont tal-problemi strutturali tal-ambjent rurali (deklin demografiku, abbandun tar-raba', żboskament, u l-frammentazzjoni eċċessiva tas-sjieda tal-imsaġar);

18. Huwa tal-opinjoni li r-rabtiet eżistenti bejn il-protezzjoni ċivili u l-politiki ambjentali għandhom jiġu rinforzati biex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-miżuri preventivi inklużi fil-leġiżlazzjoni ambjentali u jiżguraw approċċ koordinat tal-UE għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tad-diżastri; jenfasizza b’danakollu li ma hemm l-ebda pjan li jinbidlu jew jiddgħajfu l-kompetenzi nazzjonali fil-protezzjoni ċivili u fil-prevenzjoni tad-diżastri bil-linjigwida tal-UE;

19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-proposta tagħha għal pjan ta' azzjoni tal-UE għall-adattament għall-bidla fil-klima, tagħti prijorità lill-ġlieda kontra n-nixfiet u n-nirien forestali fin-Nofsinhar tal-Ewropa kif ukoll lill-prevenzjoni tagħhom;

20. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel progress fit-tfassil ta' kampanji ta' informazzjoni u edukazzjoni dwar il-miżuri ta' prevenzjoni miftiehmin mill-Istati Membri biex jitnaqqsu r-riskji u l-konsegwenzi tad-diżastri naturali, l-aktar fiz-zoni ta' riskju għoli, billi jagħmlu lill-pubbliku konxju mill-ħtieġa tal-kura tal-ambjent u tal-konservazzjoni tar-riżorsi naturali;

21. Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha li tirrifletti fil-fond dwar l-introduzzjoni ta' Politika Forestali Komuni biex tittratta b'mod aktar effettiv mal-problemi tal-bidla fil-klima u d-diżastri naturali;

22. Jistieden lill-Kummissjoni biex iddaħħal, bejn il-miżuri agro-ambjentali pprovduti mill-Politika Agrikola Komuni, interventi mfassla għall-prevenzjoni u l-evitar tat-tifrix tan-niren forestali;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali milquta min-nirien u mill-għargħar.