Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0148/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0148/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sħubija Ewro-Mediterranja ekonomika u tal-kummerċ fid-dawl tat-8 Konferenza Ministerjali tal-Kummerċ tal-Euromed – Brussell – id-9 ta' Diċembru 2009

18.11.2009

imressqa wara l-mistoqsija b’talba għal tweġiba orali B7‑0222/2009
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta’ Proċedura

Yannick Jadot f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0147/2009

Proċedura : 2009/2719(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0148/2009
Testi mressqa :
B7-0148/2009
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0148/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sħubija ekonomika u kummerċjali Ewro-Mediterranja fid-dawl tat-tmien Konferenza Ministerjali Kummerċjali tal-Euromed - Brussell - 9 ta' Diċembru 2009

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Barċellona tat-28 ta' Novembru 1995, li stabbiliet sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Pajjiżi tan-Nofsinhar u ta' Lvant tal-Mediterran (SEMCs),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2003, intitolata "It-Tkabbir tal-Ewropa - Viċinanza: Qafas Ġdid għar-Relazzjonijiet mal-Ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħna" (COM(2003)0104), id-dokument ta' strateġija tagħha dwar Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) tat-12 ta' Mejju 2004 (COM(2004)0373), il-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2004 dwar il-proposti tagħha għal pjanijiet ta' azzjoni taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) (COM(2004)0795), il-pjanijiet ta' azzjoni għall-Iżrael, il-Ġordan, il-Marokk, l-Awtorità Palestinjana, it-Tuneżija u l-Libanu, u r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija[1],

   wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranji bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u t-Tuneżija[2], l-Iżrael[3], il-Marokk[4], il-Ġordan[5], l-Eġittu[6], il-Libanu[7] u l-Alġerija[8], min-naħa l-oħra, u l-Ftehima ta' Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranja dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni bejn il-Komunità u l-PLO (għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana)[9];

   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn il-KE u t-Turkija tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar l-implimentazzjoni tal-fażi finali tal-Unjoni Doganali (96/142/KE)[10],

   wara li kkunsidra l-ftehim ta' kummerċ ħieles, magħruf bħala l-Ftehim ta' Agadir, iffirmat mill-Ġordan, l-Eġittu, it-Tuneżija u l-Marokk fil-25 ta' Frar 2004,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-konferenzi ministerjali Ewro-Mediterranji u tal-konferenzi ministerjali settorjali li saru wara t-tnedija tal-Proċess ta' Barċellona, u b'mod partikulari l-konklużjonijiet tas-seba' Konferenza Kummerċjali Ministerjali Ewro-Mediterranja, li saret f'Marsilja fit-2 ta' Lulju 2008,

   wara li kkunsidra s-Samit ta' Pariġi tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern Ewro-Mediterranji tat-13 ta' Lulju 2008 li ħoloq l-Unjoni għall-Mediterran (UfM),

–   wara li kkunsidra l-istudju dwar l-impatt ta' sostenibiltà taz-zona ta' kummerċ ħieles Ewro-Mediterranja (FTA) imħejji mill-Istitut għall-Politika u għat-Tmexxija tal-Iżvilupp tal-Università ta' Manchester,

– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tas-Samit tal-Euromed tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u istituzzjonijiet simili li saret f'Alessandrija fit-18 u d-19 ta' Ottubru 2009,

– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-politika Ewro-Mediterranja tal-UE u b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2007 dwar it-twaqqif ta' zona ta' kummerċ ħieles Ewro-Mediterranja u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar il-proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Konferenza ta' Barċellona tal-1995 tat bidu għal proġett ambizzjuż ħafna, jiġifieri l-ħolqien ta' rabtiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali ġodda u aktar mill-qrib bejn ix-xtut tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Mediterran; u billi dak il-proġett għadu lura ħafna milli jitlesta,

B. billi l-ħolqien tal-Unjoni għall-Mediterran, li hi mistennija li terġa' tniedi l-proċess ta' integrazzjoni Ewro-Mediterranju permezz ta' proġetti konkreti u viżibbli, għadu mhux komplut;

C.  billi l-UE ffirmat ftehimiet ta' assoċjazzjoni ma' sħabha kollha tan-Nofsinhar tal-Mediterran, bl-eċċezzjoni tas-Sirja u l-Libja; billi n-negozjati mas-Sirja għal ftehima ta' assoċjazzjoni ġew konkluż iżda l-iffirmar tagħha kien pospost mis-Sirja; billi l-Kummissjoni bdiet negozjati mal-Libja,

D.  billi ż-żewġt ixtut tal-Mediterran għadhom ikkaratterizzati minn asimetrija ekonomika, socjali u demografika li qed ikomplu jsahhu dawk id-differenzi fil-prosperita li huma l-gheruq tal-instabilita u tal-pressjonijiet migratorji u ambjentali fir-regjun, u billi bejn il-pajjiżi tal-Mediterran hemm differenzi sinifikanti f'termini ta' żvilupp;

E.  billi l-ekonomiji tal-SEMCs jiddependu ħafna mill-kummerċ barrani; billi madwar 50% ta' dawn il-flussi kummerċjali huma lejn l-UE, minkejja li dawn jirrappreżentaw biss 8% tal-kummerċ barrani tal-UE, b'bilanċ pożittiv għall-UE; billi l-istrutturi ta' esportazzjoni tal-SEMCs għandhom diversifikazzjoni dgħajfa u dawn il-pajjiżi jibqgħu speċjalizzati f'setturi li ma tantx iwasslu għat-tkabbir,

F.  billi s-SEMCs mhux biss jikkompetu b'mod qawwi u insostenibbli bejniethom għas-swieq tal-esportazzjoni fl-UE, iżda wkoll mal-Istati Membri tan-Nofsinhar tal-UE li għandhom aċċess għall-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni tal-Unjoni u għal sussidji oħra;

G.  billi l-integrazzjoni ekonomika reġjonali Nofsinhar-Nofsinhar għadha 'l bogħod milli tinkiseb u l-flussi kummerċjali Nofsinhar-Nofsinhar huma sottożviluppati u jirrapreżentaw, fost l-SEMCs, 6% biss tal-kummerċ globali tagħhom;

H. billi din is-sitwazzjoni jista' jkollha effetti ta' ħsara kbira fuq il-proċess ta' integrazzjoni Ewro-Mediterranju, u fuq is-sigurtà tal-ikel u s-sovranità tal-SEMCs b'mod partikulari, billi tkabbar l-effetti tal-konċentrazzjoni kummerċjali, bħad-dipendenza minn esportazzjoni fl-UE ta' ftit prodotti, fil-biċċa l-kbira tagħhom agrikoli, filwaqt li żżid il-ħtieġa tal-importazzjoni ta' prodotti alimentari bażiċi, u għalhekk dis-sitwazzjoni mhix ta' benefiċċju għall-SEMCs u l-impriżi tagħhom,

I.   billi l-SEMCs għandhom ineħħu kull ostaklu politiku u ekonomiku li bħalissa qiegħed ifixkel il-proċess ta' integrazzjoni fiz-zona kollha sabiex ikun hemm kollaborazzjoni aktar fejjieda bejniethom,

J.   billi l-kapitolu ekonomiku u kummerċjali tal-qafas ta' Barcellona, jekk irid iħalli effetti pożittivi ta' żvilupp, għandu jagħti spinta lill-integrazzjoni tal-SEMCs mal-Istati Membri tan-Nofsinhar tal-UE u jiżgura id-diversifikazzjoni ekonomika tagħhom u l-qsim ġust tal-benefiċċji tagħha, sabiex jintlaħaq l-għan ewlieni tas-sħubija Ewro-Mediterranja ekonomika u kummerċjali, b'mod partikulari t-tnaqqis fid-differenzi fl-iżvilupp dejn ix-xtut tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Mediterran;

K.  billi l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, żiedu mal-isfidi politiċi, ekonomiċi u soċjali li diġà jeżistu fil-pajjiżi sħab, b'mod partikulari l-problema tal-qgħad; billi, skont l-istudju dwar l-impatt ta' sostenibiltà taz-zona ta' kummerċ Ewro-Mediterranja, fil-perspettiva tal-medda ta' żmien qasira u medja l-qgħad u t-tbatijiet soċjali oħrajn mistennija jikbru, u dan jesiġi li tittieħed kawtela kbira fl-għażla taż-żmien li tiddaħħal fis-seħħ ftehima ġdida ta' kummerċ ħieles;

1.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-għanijiet ewlenin tas-Sħubija Ewro-Mediterranja, li jittrattaw żvilupp paċifiku tar-reġjun li jkun maqsum bejn kulħadd, għadhom 'il bogħod ħafna milli jintlaħqu; jenfasizza li s-suċċess ta' dan il-proċess jirrikjedi sforzi kontinwi u konverġenti mill-partijiet kollha, b'mod partikulari wkoll reviżjoni tal-għan ewlieni tal-Ftehima ta' Kummerċ Ħieles sal-2010 fid-dawl tal-insigurtà tal-ikel li qiegħda dejjem tikber fost is-SEMCs, tad-deforestazzjoni u l-istress ambjentali dejjem jiżdiedu fil-baċin Mediterranju kollu u n-nuqqas ta' progress ekonomiku sostenibbli permezz tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fil-biċċa l-kbira tas-SEMCs, u li s-suċċess ta' dan il-proċess jirrikjedi wkoll invovliment ikbar mis-soċjetà ċivili u min-nies fuq iż-żewġt ixtut tal-Mediterran;

2.  Iqis li għadd ta' diffikultajiet endoġeni, mhux biss ta' natura ekonomika iżda anke ta' natura politika, komplew żiedu ma' dawn l-iżviluppi negattivi; jiddeplora l-fatt li minħabba dawn l-istess raġunijiet politiċi, tħassret l-aħħar laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Euromed, u l-Unjoni għall-Mediterran mhix miexja 'l quddiem,

3.  Iqis li dawn l-ostakli rikurrenti huma sinjal li t-tisħiħ tar-relazzjonijiet ekonomiċi jrid jimxi id f'id mat-tisħiħ tar-relazzjonijiet politiċi; jemmen li integrazzjoni ekonomika u reġjonali ġenwina tista' tinkiseb biss jekk isir progress konkret fis-soluzzjoni ta' kunflitti eżistenti fil-qasam tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

4.  Jistieden lill-Kummisjoni, lill-Istati Membri tal-UE u lill-SEMCs sabiex jikkunsidraw l-effetti tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u ambjentali billi jinkorporaw dejjem aktar kwistjonijiet soċjali u ambjentali fis-sħubija ekonomika u kummerċjali; jistieden lill-gvernijiet tal-SEMCs biex jimplimentaw politiki ta' protezzjoni soċjali u tal-impjiegi li jkunu konsistenti u effettivi sabiex itaffu l-effetti tal-kriżi;  

5.  Jirrimarka, f'dan ir-rigward, li l-għan ewlieni taz-zona tal-kummerċ ħieles kif inħaseb fl-1995, f'ċirkustanzi differenti bil-bosta, ma jistax jibqa' jitkejjel sempliċiment f'termini ta' tkabbir ekonomiku ipotetiku u insostenibbli, iżda għandu jitkejjel f'termini tal-ħolqien ta' impjiegi, tat-tisħiħ tas-sovranità alimentari u tal-preservazzjoni tal-ekosistema Mediterranja li tinsab tabilħaqq mhedda bħala l-fattur ewlieni tal-produzzjoni fir-reġjun; jirrimarka li l-qgħad fost iż-żgħażagħ u n-nisa huwa l-kwistjoni soċjali l-aktar urġenti fil-pajjiżi Mediterranji;

6.  Jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni reġjonali tal-SEMCs u taż-żieda tal-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar; jiddispjaċih li l-koperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar għadha sottożviluppata; iqis li l-koperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar hija ta' importanza massima għal kwalunkwe ftehima kummerċjali tal-Euromed li tkun sinifikanti u sostenibbli;

7.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-SEMCs biex jiżviluppaw il-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar, kif stabbilit fil-Ftehima Ekonomika ta' Agadir iffirmata mill-Eġittu, il-Ġordan, il-Marokk u t-Tuneżija; iqis li din il-miżura hija essenzjali għall-integrazzjoni reġjonali u jistieden lill-pajjiżi l-oħra biex jissieħbu fiha; jenfasizza li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom iwieġbu b'mod pożittiv għal talbiet ta' appoġġ tekniku u finanzjarju sabiex tkun promossa l-integrazzjoni ekonomika Nofsinhar-Nofsinhar;

8.  Jistieden lill-Ministri tal-Kummerċ Ewro-Mediterranji biex japprovaw il-konvenzjoni reġjonali dwar is-sistema Pan-Ewro-Mediterranja tar-regoli tal-oriġini li twitti t-triq għas-simplifikazzjoni tar-regoli tal-oriġini kif ukoll biex jieħdu passi oħra rigward l-implimentazzjoni tas-sistema Pan-Ewro-Mediterranja tal-kumulazzjoni tal-oriġini;

9.  Jinnota li l-Ministri tal-Kummerċ Ewro-Mediterranji se jiddiskutu miżuri biex jindirizzaw id-dgħjufija attwali fir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi tal-Euromed, Pjan Direzzjonali ġdid għall-Kummerċ Ewro-Mediterranju u mekkaniżmu ġdid għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ u tal-investiment fir-reġjun; jinnota wkoll li dan il-Pjan Direzzjonali jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-agrikoltura, is-servizzi, l-investiment u kwistjonijiet regolatorji, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni, il-kompetizzjoni u l-akkwist pubbliku, ir-regoli tal-oriġini u l-istrumenti ta' difiża kummerċjali; għadu mhux konvint li dawn il-kwistjonijiet huma l-għeruq tal-koperazzjoni ekonomika dgħajfa fir-reġjun, li minflok ibati minn nuqqas ta' sistema ta' produzzjoni kumplimentari f'oqsma ta' vantaġġ kompetittiv fir-reġjun, bħas-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ u tas-sistemi tal-produzzjoni tal-enerġija li tiġġedded;

10.  Jenfasizza li dawn id-diskussjonijiet għandhom isiru f'kuntest ta' fiduċja u rispett reċiproċi bejn l-imsieħba kollha sabiex ikun żgurat li l-SEMCs ikollhom dritt jikkontrollaw il-ħeffa li biha jiftħu l-kummerċ tagħhom u dritt jikkontrollaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali; ifakkar li n-negozjati dwar zona ta' kummerċ ħieles għandhom ikunu ppjanati fuq bażi komuni u gradwali fil-kuntest ta' sħubija razzjonali u prevedibbli li tirrifletti r-realtajiet soċjoekonomiċi tal-SEMCs,

11.  Jenfasizza li aktar liberalizzazzjoni fil-qasam tal-agrikoltura u s-sajd għandha tqis il-ħtieġa li jitħarsu l-prodotti sensittivi filwaqt li jkun evalwat sistematikament l-impatt soċjali tal-proċessi tal-liberalizzazzjoni fuq il-popolazzjonijiet rurali; jistieden lill-imsieħba Ewro-Mediterranji biex jiddiskutu t-twaqqif ta' politika agrikola Ewro-Mediterranja, li tkun ibbażata fuq il-kumplimentarjetà tal-katina tal-provvista tagħha, fuq il-koerenza bejn il-CAP u l-għanijiet tal-qafas tal-Euromed u fuq politika vijabbli għall-ilma, u li bħala l-ewwel prijorità tagħha jkollha l-esiġenzi tas-sovranità alimentari iżjed milli l-kunsiderazzjoniet kummerċjali,

12.  Iqis li s-settur tas-servizzi huwa essenzjali għall-iżvilupp tal-SEMCs; jemmen, madankollu, li kull liberalizzazzjoni tas-servizzi għandu jsir fuq bażi miftiehma mal-SEMCs, fejn ikollhom id-dritt li jintroduċu u jikkontrollaw il-ftuħ tas-setturi sensittivi u vulnerabbli tal-ekonomiji tagħhom; iqis li għandha ssir distinzjoni bejn is-servizzi kummerċjali u s-servizzi pubbliċi; jenfasizza li dawn tal-aħħar – u speċjalment is-servizzi marbuta mal-ħtiġijiet bażiċi tan-nies, bħas-saħħa, l-edukazzjoni, l-ilma u l-enerġija – għandhom jitħallew barra mill-qafas tan-negozjati;

13.  Jitlob li l-pjan għal-liberalizzazzjoni tas-settur industrijali jkun aġġustat abbażi tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali f'kull pajjiż, inkluż il-livell tal-qgħad, u l-impatt tiegħu fuq l-ambjent; jenfasizza li s-sħubija ekonomika u kummerċjali għandha tippromwovi diversifikazzjoni akbar fil-produzzjoni ta' oġġetti industrijali kif ukoll valur miżjud ogħla; jistieden lill-SEMCs jistabbilixxu politiki reġjonali li jqisu l-irwol ta' impriżi żgħar ħafna, żgħar u medji;

14.  Jiġbed l-attenzjoni għat-talbiet imtennija tal-Parlament għall-ħolqien ta' Bank Ewro-Mediterranju għall-Investiment u l-Iżvilupp li jkun kapaċi jattira dak l-investiment dirett li r-reġjun Ewro-Mediterranju huwa nieqes minnhom;

15.  Ifakkar fit-tħassib tiegħu dwar ir-riżultati li ħarġu mill-istudju tal-impatt tas-sostenibiltà taz-zona ta' kummerċ ħieles, li tfasslu mill-Università ta' Manchester, rigward l-effetti soċjali u ambjentali negattivi mistennija ta' zona ta' kummerċ ħieles fuq medda ta' żmien qasira u dik medja; itenni l-istedina lill-Kummissjoni biex tinkludi r-rakkomandazzjonijiet ta' dak l-istudju fin-negozjati futuri dwar iz-zona ta' kummerċ ħieles sabiex jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet tal-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli rrakkomandati fl-istudju;

16.  Huwa tal-fehma li z-zona ta' kummerċ ħieles għandha tkun ikkumplimentata mill-introduzzjoni gradwali u kkundizzjonata tal-moviment ħieles tal-ħaddiema; jikkunsidra li hemm ħtieġa urġenti biex jinħolqu modalitajiet ġuridiċi u amministrattivi li huma suxxettibbli biex jiffaċilitaw għotja ta' visas, speċjalment lill-operaturi tas-sħubija Ewro-Mediterranja, lill-istudenti, lill-universitajiet u lill-operaturi soċjo-ekonomiċi;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinforma bir-reqqa lill-Parlament Ewropew dwar il-ftehima ta' assoċjazzjoni mas-Sirja, li l-iffirmar tagħha reċentement ġie pospost mis-Sirja; huwa preokkupat dwar il-bidu ta' negozjati mal-Libja u jitlob lill-Kummissjoni biex iżżommu infurmat u involut b'mod sħiħ u biex tikkonsulta miegħu waqt kull stadju tan-negozjati;

18.  Jinnota wkoll li diversi pajjiżi tal-Mediterran esprimew interess fl-approfondiment u/jew fit-twessigħ tal-ftehimiet kummerċjali tagħhom mal-UE; jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl tas-setgħat il-ġodda rigward il-kummerċ mogħtija lill-PE bit-Trattat ta’ Lisbona, biex tqis riżoluzzjoni preċedenti tal-PE meta tkun qed tinnegozja dawn il-ftehimiet il-ġodda;

19.  Jenfasizza li approċċi bilaterali m'għandhomx jittieħdu askapitu ta' approċċ reġjonali multilaterali; huwa tal-opinjoni, filwaqt li jiffavorixxi koperazzjoni msaħħa mas-sieħba l-aktar avvanzati, u billi jitqiesu kif xieraq il-karatteristiċi politiċi, kulturali, u soċjali tagħhom, li l-Kummissjoni għandha żżomm il-prinċipju ta' negozjati bejn ir-reġjuni;

20.  Jenfasizza s-sehem tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (EMPA) fis-sħubija bħala l-korp demokratiku li jgħaqqad lill-Membri Parlamentari miż-żewġt ixtut tal-Mediterran madwar it-tliet pilastri tal-Proċess ta' Barċellona; fl-aħħar nett, jitlob koperazzjoni akbar rigward kwistjonijiet ekonomiċi bejn l-EMPA u l-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u tal-Pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran u lill-EMPA.