Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0149/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0149/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sħubija ekonomika u kummerċjali Ewro-Mediterranja qabel it-8 Konferenza Ministerjali tal-Kummerċ tal-Euromed – Brussell – 9 ta' Diċembru 2009

18.11.2009

imressqa wara l-mistoqsija b’talba għal tweġiba orali B7‑0222/2009
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta’ Proċedura

Tokia Saïfi, Georgios Papastamkos, Daniel Caspary f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0147/2009

Proċedura : 2009/2719(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0149/2009
Testi mressqa :
B7-0149/2009
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0149/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sħubija ekonomika u kummerċjali Ewro-Mediterranja fid-dawl tat-tmien Konferenza Ministerjali Kummerċjali tal-Euromed - Brussell - 9 ta' Diċembru 2009

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Barċellona tat-28 ta' Novembru 1995, li stabbiliet sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2003, bit-titolu "It-Tkabbir tal-Ewropa – Viċinanza: Qafas Ġdid għar-Relazzjonijiet mal-Ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħna" (COM(2003)0104), id-dokument ta' strateġija tiegħu tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) tat-12 ta' Mejju 2004 (COM(2004)0373), il-Komunikazzjoni tiegħu lill-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2004 dwar il-proposti tiegħu favur pjanijiet ta' azzjoni fil-qafas tal-PEV (COM(2004)0795), il-pjanijiet ta' azzjoni għall-Iżrael, il-Ġordan, il-Marokk, l-Awtorità Palestinjana, it-Tuneżija u l-Libanu, u r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija[1],

–   wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranji bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u t-Tuneżija[2], l-Iżrael[3], il-Marokk[4], il-Ġordan[5], l-Eġittu[6], il-Libanu[7] u l-Alġerija[8], min-naħa l-oħra, u l-Ftehima ta' Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranja dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-PLO (għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana)[9]; wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn il-KE u t-Turkija tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar l-implimentazzjoni tal-fażi finali tal-Unjoni Doganali (96/142/KE)[10],

–   wara li kkunsidra l-ftehim ta' kummerċ ħieles, magħruf bħala l-Ftehim ta' Agadir, iffirmat mill-Ġordan, l-Eġittu, it-Tuneżija u l-Marokk fil-25 ta' Frar 2004,

–   wara li kkunsidra s-Samit ta' Pariġi tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern Ewro-Mediterranji tat-13 ta' Lulju 2008, li ħoloq l-Unjoni għall-Mediterran (UfM),

–   wara li kkunsidra s-sitt Konferenza Ministerjali tal-Kummerċ tal-Euromed tal-21 ta' Ottubru 2007 f'Lisbona,

–   wara li kkunsidra s-seba' Konferenza Ministerjali tal-Kummerċ tal-Euromed tat-2 ta' Lulju 2008 f'Marsilja,

–   wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Uffiċjali Għolja tal-Kummerċ tal-Euromed tal-11 ta' Novembru 2009 fi Brussell,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Konferenza ta' Barċellona tal-1995 tat bidu għal proġett ambizzjuż ħafna, jiġifieri l-ħolqien ta' rabtiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali ġodda u aktar mill-qrib bejn ix-xtut tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Mediterran; billi l-Proċess ta' Barċellona jrid jissaħħaħ malajr permezz tat-twaqqif taż-żona ta' kummerċ ħieles,

B.  billi l-Unjoni għall-Mediterran, li għandha terġa' tagħti l-ħajja lill-proċess ta' integrazzjoni Ewro-Mediterranja permezz ta' proġetti konkreti u viżibbli, għadha ma ġietx stabbilita għalkollox; billi ma kienx hemm laqgħat tal-Euromed skedati bejn Jannar u Lulju 2009 minħabba l-gwerra fil-medda ta' Gaża,

C. billi l-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin li kellha ssir f'Istanbul fl-24 u l-25 ta' Novembru 2009 kellha tiġi posposta minħabba bojkott mill-istati Għarab, li pprotestaw kontra l-pożizzjoni Iżraeljana fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani,

D. billi r-relazzjonijiet kummerċjali Ewro-Mediterranji qed jikbru b'rata stabbli u l-UE tidher li hi 's-sieħba kummerċjali naturali' tar-reġjun, b'46.6% tat-total tal-esportazzjonijiet fil-Mediterran,

E.  billi t-total tal-kummerċ mal-UE fir-reġjun tal-Mediterran laħaq EUR 246.7 biljun fl-2008, li jirrappreżenta madwar 8% tat-total tal-kummerċ estern tal-UE, b'bilanċ pożittiv ta' EUR 15.3 biljun favur l-UE,

F.  billi l-UE hija investitur barrani kbir fir-reġjun (barra l-Iżrael), u billi l-investimenti tagħha laħqu r-rekord ta' EUR 15.3 biljun fl-2006, qabel reġgħu naqsu fl-2007,

G. billi l-kummerċ fis-servizzi kulma jmur qiegħed jikber, b'bilanċ pożittiv li qiegħed ikompli jikber favur il-pajjiżi tal-Mediterran (l-aktar permezz tat-turiżmu) u li laħaq ir-rekord ta' EUR 11.6 biljun fl-2006,

H. billi, minkejja dawn iċ-ċifri, il-livell ta' kummerċ u ta' investiment tal-UE fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran jibqa' inqas minn dak li kien mistenni, u billi l-kummerċ fil-prodotti kif ukoll fis-servizzi ma kienx diversifikat biżżejjed, meta wieħed iqis il-potenzjal tar-reġjun Ewro-Mediterranju u li s-sħab tal-UE tan-Nofsinhar tal-Mediterran ftit li xejn qegħdin jiġbdu investimenti; billi l-investimenti barranin diretti (FDIs) għadhom baxxi ħafna f'dan ir-reġjun meta jitqabblu ma' reġjuni oħra fid-dinja; u billi hemm differenzi kbar, bejn pajjiż u ieħor, fil-kapaċità li jiġbdu l-FDIs,

I.   billi l-integrazzjoni ekonomika reġjonali Nofsinhar-Nofsinhar, minkejja xi inizjattivi sinifikanti bħall-Ftehim ta' Agadir, għad baqgħalha biex tinkiseb u billi, għaldaqstant, il-flussi kummerċjali Nofsinhar-Nofsinhar huma sottożviluppati u jammontaw għal madwar 6% tal-kummerċ totali tagħhom,

J.   billi l-produtturi tat-tessuti, ħwejjeġ u żraben qegħdin jitilfu ħafna mis-sehem tas-suq tagħhom minħabba l-fatt li s-swieq saru globalizzati u minħabba l-kompetizzjoni qawwija mill-Asja,

K. billi l-Unjoni Ewropea ffirmat ftehimiet ta' assoċjazzjoni ma' sħabha kollha tan-Nofsinhar tal-Mediterran, bl-eċċezzjoni tas-Sirja u tal-Libja; billi n-negozjati mas-Sirja għal ftehim ta' assoċjazzjoni ġew konklużi, iżda l-iffirmar tiegħu kien pospost mis-Sirja; u billi l-Kummissjoni bdiet negozjati mal-Libja,

L.  billi l-approċċ bilaterali, li hu komponent ta' proċessi bħal dawn u konsegwenza tad-differenzi kulturali, soċjali, ekonomiċi u politiċi speċifiċi bejn il-pajjiżi involuti, għandu jitmexxa u jkun appoġġat b'viżjoni aktar globali u bi pjan għar-relazzjonijiet fost is-sħab differenti u għaldaqstant għandu jitwaħħad mal-approċċ reġjonali,

1.  Jenfasizza l-importanza strateġika li tiġi stabbilita Żona ta' Kummerċ Ħieles tal-Euromed, li għandha tagħti kontribut sinifikanti għall-paċi, il-prosperità u s-sigurtà fir-reġjun kollu u għaldaqstant tappoġġa dawk il-miżuri u l-isforzi maħsuba biex ineħħu x-xkiel u l-ostakli; jenfasizza li s-suċċess tas-sħubija Ewro-Mediterranja u taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles b'mod partikolari, jirrikjedi sforz sostnut u miftiehem mill-partijiet kollha flimkien;

2.  Iqis li f'dawn l-aħħar għaxar snin, ġrajjiet politiċi kbar u mhux ippjanati, bħall-kunflitt fil-Lvant Nofsani, kellhom impatt negattiv konsiderevoli fuq il-progress u l-iżvilupp tas-sħubija Ewro-Mediterranja u ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles, u dan huwa wkoll il-kawża tad-dewmien fl-implimentazzjoni tagħha; jiddeplora l-fatt li minħabba dawn l-istess raġunijiet politiċi, tħassret l-aħħar laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Euromed, u l-Unjoni għall-Mediterran mhix miexja 'l quddiem,

3.  Jinnota li l-Ministri tal-Kummerċ tal-Euromed se jiddiskutu miżuri biex jindirizzaw id-dgħjufija attwali fir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi tal-Euromed, Pjan Direzzjonali ġdid għall-Kummerċ Ewro-Mediterranju u mekkaniżmu ġdid għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ u tal-investiment fir-reġjun; iqis li l-ftehimiet ta' assoċjazzjoni eżistenti għandhom jitwessgħu lil hinn mill-kummerċ fil-prodotti biex ikopru l-agrikoltura, is-servizzi, l-investiment u kwistjonijiet regulatorji, id-drittijiet tal-propjetà intellettwali u l-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni, il-kompetizzjoni u l-akkwist pubbliku kif ukoll strumenti ta' difiża għall-kummerċ, sabiex isiru ftehimiet komprensivi ta' kummerċ ħieles;

4.  Iħeġġeġ bis-sħiħ lill-pajjiżi sħab tal-UE tan-Nofsinhar tal-Mediterran sabiex jiżviluppaw il-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar, bħall-Ftehim Ekonomiku ta' Agadir iffirmat mill-Eġittu, il-Ġordan, il-Marokk u t-Tuneżija, u jitlob lill-pajjiżi l-oħra jingħaqdu mal-Ftehim sabiex ikomplu jiżviluppaw inizjattivi ta' integrazzjoni li jimpenjaw ruħhom fihom is-sħab tal-UE tan-Nofsinhar tal-Mediterran u sabiex jisfruttaw is-sinerġiji mal-approfondiment tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni Ewro-Mediterranji bejn il-pajjiżi tal-Mediterran u l-UE; jenfasizza li l-istituzzjonijiet tal-UE iridu jirrispondu pożittivament għal talbiet għal għajnuna teknika sabiex tkun promossa l-integrazzjoni ekonomika Nofsinhar-Nofsinhar;

5.  Iqis li s-sistema tal-akkumulazzjoni tal-oriġini għandha tissaħħaħ billi hi għodda doganali siewja għat-tnedija mill-ġdid tal-kummerċ fiż-żona, u li r-regoli tal-oriġini għandhom jiġu aġġornati u simplifikati sabiex jitqiesu l-interessi tas-sħab tal-Euromed; jitlob, għaldaqstant, li ftehim reġjonali dwar is-sistema Pan-Ewro-Mediterranja tal-akkumulazzjoni tal-oriġini jkun ġie konkluż fl-2010;

6.  Iqis li wara l-2010, in-netwerk ta' ftehimiet bilaterali u reġjonali ta' kummerċ ħieles Nofsinhar-Nofsinhar għandhom jiġu adattati biex ikunu qiesu n-negozjati attwali bejn l-UE u s-sħab tagħha tan-Nofsinhar tal-Mediterran dwar il-liberalizzazzjoni, is-servizzi, id-dritt ta' stabbiliment u l-prodotti agrikoli u tas-sajd, sabiex tkun żgurata koerenza fil-proċess u jiġi faċilitat it-twaqqif ta' żona komprensiva ta' kummerċ ħieles;

7.  Jistieden lill-Ministri tal-Kummerċ tal-Mediterran biex jiżguraw liberalizzazzjoni gradwali tal-prodotti agrikoli, kemm dawk proċessati u kemm dawk li mhumiex, kif ukoll il-prodotti tas-sajd, filwaqt li jitqies iż-żmien meħtieġ għall-implimentazzjoni ta' riformi ekwitabbli tat-taxxa mfassla biex ipattu għat-tnaqqis fid-dħul fiskali relatat mad-dwana u bir-rispett dovut għall-prodotti sensittivi;

8.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li s-sħubija Tramuntana-Nofsinhar tissaħħaħ, biex il-produzzjoni u l-kummerċ Ewro-Mediterranji tat-tessuti u tal-ħwejjeġ jibqgħu kompetittivi, u sabiex ikunu promossi attivitajiet fil-pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran b'valur miżjud ogħla, imsejjes fuq il-kreattività u l-innovazzjoni, u mhux biss fuq l-outsourcing tan-negozju;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun ivvalutat u kkunsidrat b’mod sistematiku l-impatt socjali u ambjentali tal-proċessi tal-liberalizzazzjoni, b’mod speċjali f’termini ta’ sigurtà tal-ikel; jenfasizza, barra minn hekk, li dan l-impatt jista’ jvarja b'mod sinjifikanti bejn settur u ieħor u bejn pajjiż u ieħor; jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi referenzi għal standards soċjali, ambjentali u tas-saħħa tal-pjanti fi ftehimiet ta' kummerċ ħieles futuri;

10. Jisħaq dwar il-ħtieġa li titrawwem is-sigurtà tal-investiment fir-reġjun tal-Mediterran, permezz ta' sistema li tikkoordina strateġiji mmirati lejn l-SMEs u li tkopri diversi oqsma: is-salvagwardja, il-finanzjament, l-informazzjoni u n-netwerking tal-SMEs;

11. Jappoġġa inizjattivi mmexxija minn Franza u l-Eġittu li bdew koperazzjoni biex iniedu sħubija pubblika-privata għall-finanzjament ta' sistema ġdida għall-identifikazzjoni tan-negozji fir-reġjun tal-Mediterran (bar code u database komuni tan-negozji), li jgħinu r-razzjonalizzazzjoni tar-rekords kummerċjali; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' din l-inizjattiva fir-reġjun kollu;

12. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li jinħoloq Bank Ewro-Mediterranju għall-Investiment u l-Iżvilupp, li jiġbor fih donaturi miż-żewġt ixtut tal-Mediterran u li jkun jista' jiġbed l-investimenti barranin diretti li r-reġjun Ewro-Mediterranju jeħtieġ;

13. Iqis li l-proposta l-ġdida biex jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-faċilitazzjoni tal-investiment Ewro-Mediterranju huwa pass sinifikanti lejn iċ-ċentralizzazzjoni u t-tixrid tal-informazzjoni permezz ta' netwerk uniku, li għandu jippermetti lill-operaturi ekonomiċi li jkollhom stampa komprensiva tal-kundizzjonijiet għall-kummerċ u l-investiment fir-reġjun; jenfasizza li l-istrument għandu jikkomplementa n-netwerks eżistenti;

14. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien tal-fond 'Inframed' (stabbilit mill-'Caisse des dépôts' Franċiża, il-'Cassa depositi e prestiti' Taljana, l-'EFG Hermes' Eġizzjana u l-'Caisse de dépôt et de gestion' Marokkina) li tħabbar fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran bħala fond ta' investiment fit-tul li jiffinanzja proġetti infrastrutturali;

15. Huwa tal-fehma li, għalkemm il-kundizzjonijiet għadhom ma ġewx identifikati, iż-żona ta' kummerċ ħieles għandha tkun ikkomplementata permezz tal-introduzzjoni gradwali, suġġetta għal kundizzjonijiet, tal-moviment ħieles tal-ħaddiema, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol Ewropew u r-riflessjonijiet attwali tal-komunità internazzjonali dwar ir-rabtiet bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp; jisħaq fuq l-importanza u l-ħtieġa li jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasferimenti ta' flus li jagħmlu l-ħaddiema migranti, sabiex l-użu tagħhom ikun massimizzat fl-ekonomija lokali; iqis li l-għoti tal-viżi għandu jkun iffaċilitat għall-parteċipanti fis-sħubija Ewro-Mediterranja, l-istudenti, l-istaff universitarju u l-parteċipanti soċjoekonomiċi;

16. Hu tal-fehma li l-Unjoni għall-Mediterran, għandu jsaħħaħ il-forom eżistenti ta' kooperazzjoni fil-kuntest tal-Euromed sabiex il-pajjiżi kollha msieħba jkollhom il-possibilità li jipparteċipaw fil-programmi reġjonali u fil-politiki korrispondenti tal-UE fuq il-bażi tal-prijoritajiet u l-objettivi ffissati bi qbil komuni; ifakkar li huwa importanti li jkompli jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-programmi Komunitarji għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi sħab, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, tar-riċerka u tat-taħriġ professjonali (l-iskambju ta' studenti, eċċ.);

17. Jisħaq fuq il-potenzjal tal-Unjoni għall-Mediterran li jkollha impatt pożittiv fuq il-Proċess ta' Barċellona; jiġbed l-attenzjoni li d-definizzjoni, fil-qafas stabbilit f'Pariġi f'Lulju 2008, ta' proġetti sinifikanti f'setturi strateġiċi, bħall-bini ta' infrastruttura ġdida, il-kooperazzjoni bejn l-SMEs, il-komunikazzjonijiet u l-isfruttar ta' sorsi ta' enerġija li tiġġedded, għandha tkun ta' kontribut għall-iżvilupp u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-investimenti Ewro-Mediterranji; isemmi, barra minn hekk, li se jkun essenzjali li tinstab soluzzjoni għall-paċi fil-Lvant Nofsani; iħeġġeġ biex il-laqgħat skedati fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran isiru u li jiġi stabbilit segretarjat permanenti f'Barċellona;

18. Iħeġġeġ l-użu tal-enerġija mix-xemx u mir-riħ fir-reġjun tal-Mediterran; jilqa' b’sodisfazzjon il-progress li sar bl-Inizjattiva Industrijali DESERTEC sabiex jiġi żviluppat il-potenzjal enormi ta’ enerġija mix-xemx fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq; jenfasizza li l-azzjoni tal-UE rigward il-proġett DESERTEC trid tkun koerenti u tagħti kontribut attiv lill-iżvilupp tal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u tal-Lvant Nofsani;

19. Jenfasizza li fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Palestina, għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi biex jgħinu lill-poplu lokali bl-għan li din iż-żona tiġi integrata fil-flussi kummerċjali Mediterranji;

20. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinforma bir-reqqa lill-Parlament Ewropew dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni mas-Sirja, li l-iffirmar tiegħu reċentement ġie pospost mis-Sirja; iqis barra minn hekk li, minkejja ċertu tħassib, id-dħul tal-Libja fin-negozjati għal Ftehim ta' Assoċjazzjoni u b'mod aktar ġenerali fil-Proċess ta' Barċellona u fl-Unjoni għall-Mediterran jista' jkun ta' għajnuna għall-paċi u l-istabilità fiż-żona; jitlob lill-Kummissjoni biex tinforma, tinvolvi u tikkonsulta lill-Parlament Ewropew fil-fażijiet kollha tan-negozjati;

21. Jenfasizza l-irwol tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (EMPA) fis-sħubija bħala l-korp demokratiku li jgħaqqad flimkien lill-parlamentari miż-żewġt ixtut tal-Mediterran madwar it-tliet pilastri tal-Proċess ta' Barċellona; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-EMPA, il-Kummissjoni u l-Kunsill fil-qasam ekonomiku;

22. Iqis li l-Pjan Direzzjonali propost mill-Kummissjoni hu strument vijabbli sabiex tingħata spinta ġdida lill-Unjoni għall-Mediterran fis-snin li ġejjin, u għaldaqstant, jistieden lill-Ministri tal-Kummerċ tal-Euromed biex japprovawh fil-laqgħa ministerjali tagħhom tad-9 ta' Diċembru 2009; jistieden lill-Uffiċjali Għolja tal-Kummerċ Ewro-Mediterranji biex fis-snin li ġejjin jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali u jipproponu t-tibdil meħtieġ, u jitlob li jinżamm infurmat b'dawn il-miżuri;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Kapijiet ta' Stat u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u tal-fil-pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran u lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja.