Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0154/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0154/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kumpens għall-passiġġieri fil-każ ta’ falliment tal-linja tal-ajru

18.11.2009

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0210/2009
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Roberts Zīle, Jacqueline Foster f'isem il-Grupp ECR

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0154/2009
Testi mressqa :
B7-0154/2009
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0154/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kumpens għall-passiġġieri fil-każ ta’ falliment tal-linja tal-ajru

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija orali tal-15 ta’ Ottubru 2009 dwar il-kumpens għall-passiġġieri fil-każ ta’ falliment tal-linja tal-ajru (O-0089/09 – B7-0210/2009),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 tad-9 ta’ Ottubru 1997 dwar ir-responsabilità ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 785/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-rekwiżiti tal-assigurazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi tal-ajruplani,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tirregola ċerti aspetti tan-negozju tal-vaganzi kollox kompriż u tipprevedi kumpens xieraq u ripatrijazzjoni tal-konsumaturi fil-każ ta’ falliment tal-kumpaniji tal-vaganzi kollox kompriż,

B.  billi r-Regolament (KE) Nru 2027/97 jistabbilixxi n-natura tar-responsabilità tat-trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti u arranġamenti ta’ kumpens għall-passiġġieri,

C. billi r-Regolament (KE) Nru 785/2004 jistipula r-rekwiżiti tal-assigurazzjoni li għandhom jiġu ssodisfati mit-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi tal-ajruplani,

D. billi r-Regolament (KE) Nru 261/2004 jipprevedi kumpens u assistenza għall-passiġġieri li ma jitħallewx jitilgħu abbord jew li t-titjiriet tagħhom jiġu kkanċellati jew suġġetti għal dewmien twil,

E.  billi r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jistabbilixxi regoli finanzjarji stretti għall-operaturi tal-ajruplani,

F.  billi kien hemm tkabbir sostanzjali matul dawn l-aħħar għaxar snin fl-għadd ta’ trasportaturi bl-ajru bl-irħis relattivament żgħar li jtiru lejn destinazzjonijiet popolari għall-vaganzi kif ukoll fl-għadd ta’ passiġġieri li jġorru,

G. billi kien hemm għadd ta’ fallimenti fis-settur tal-avjazzjoni matul is-snin riċenti, li wħud minnhom wasslu biex bosta passiġġieri tħallew l-art fid-destinazzjonijiet tagħhom u ma setgħux jużaw il-parti tar-ritorn tal-biljett tal-ajru tagħhom,

1.  Ifakkar li l-Kummissjoni wettqet studju kbir dwar id-diffikultajiet marbuta mal-fallimenti tal-linji tal-ajru u l-impatt tagħhom fuq il-passiġġieri;

2.  Jinnota s-sejbiet ta’ dan l-istudju u l-firxa ta’ possibilitajiet li jeżamina;

3.  Jinnota li, waqt is-seduta plenarja tas-7 ta’ Ottubru, il-Kummissarju Tajana għamel impenn mal-Parlament sabiex jipproċedi bil-valutazzjoni tal-impatt;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-awtoritajiet/ir-regolaturi tal-avjazzjoni nazzjonali jissodisfaw l-obbligi tagħhom billi jwettqu b’mod regolari evalwazzjonijiet tal-istat finanzjarju tal-linji tal-ajru tagħhom u jeżerċitaw is-setgħa tagħhom li jissuspendu u/jew jirrevokaw il-liċenzji għat-tħaddim ta’ servizz qabel ma t-trasportatur bl-ajru jkollu jxolji;

5.  Ifakkar, f’dan ir-rigward, li hemm għadd ta’ għażliet, kif ukoll kontrolli regolatorji nazzjonali, li l-Kummissjoni għandha ssegwi sabiex tipproteġi l-pożizzjoni tal-passiġġieri f’każ ta’ falliment ta’ linja tal-ajru u li dawn għandhom jinkludu informazzjoni obbligatorja għall-passiġġieri rigward ir-riskju, il-possibilitajiet ta’ assigurazzjoni u mekkaniżmi ta’ protezzjoni oħrajn;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex – jekk ir-regolaturi nazzjonali ma jikkonformawx ma’ dawn it-talbiet sal-1 ta’ Lulju 2010 – teżamina l-possibilità ta’ proposta leġiżlattiva li jkollha l-objettiv li tipprovdi kumpens għall-passiġġieri ta’ linji tal-ajru li jfallu u li tistabbilixxi arranġamenti finanzjarji u amministrattivi li jiżguraw ir-ripatrijazzjoni tal-passiġġieri li jitħallew l-art f’ajruport li ma jkunx dak ta’ fejn joqogħdu fil-każ li tfalli l-linja tal-ajru;

7.  Jiddikjara li kwalunkwe miżuru leġiżlattivi meħtieġa, għandha tkun raġonevoli u bbilanċjata tajjeb u m’għandhiex twassal għal piżijiet amministrattivi u istituzzjonali sproporzjonati la għal-linji tal-ajru u l-anqas għall-korpi statali/Komunitarji rispettivi, jew tgħawweġ il-kompetizzjoni, minħabba li dan iwassal għal żieda fil-prezzijiet tal-biljetti tal-passiġġieri;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga l-possibilità tal-ħelsien rapidu tal-ajruplani ssekwestrati mill-awtoritajiet/mir-regolaturi tal-avjazzjoni nazzjonali sabiex dawn l-ajruplani jkunu jistgħu jintużaw biex il-passiġġieri li jitħallew l-art jittieħdu lura d-dar;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.