Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0158/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0158/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar soluzzjoni politika rigward il-problema tal-piraterija 'l barra mill-kosta tas-Somalja

23.11.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Adrian Severin, Roberto Gualtieri, María Muñiz De Urquiza, Brian Simpson f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0158/2009

Proċedura : 2009/2780(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0158/2009
Testi mressqa :
B7-0158/2009
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0158/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar soluzzjoni politika rigward il-problema tal-piraterija 'l barra mill-kosta tas-Somalja

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar il-piraterija fuq il-baħar[1],

 

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar il-qtil rikorrenti ta’ ċittadini ċivili fis-Somalja[2],

 

- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill għar-Relazzjonijiet Esterni tas-27 ta' Lulju 2009 (12353/2009),

 

- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill għar-Relazzjonijiet Esterni tas-17 ta' Novembru 2009 (15649/2009),

 

- wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/918/CFSP tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar it-tnedija ta' operazzjoni militari Ewropea biex tkun ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi 'l barra mill-kosta tas-Somalja (Atalanta)[3],

 

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1814 (2008), 1816 (2008) 1838 (2008), 1846 (2008), 1851 (2008), 1863 (2009),

 

- wara li kkunsidra l-iskambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Kenja dwar il-kondizzjonijiet u l-modalitajiet tat-trasferiment ta' persuni suspettati li kkommettew atti ta' piraterija, u li nżammu mill-forzi navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea (EUNAVFOR), u l-propjetà maqbuda fil-pussess tal-EUNAVFOR, mill-EUNAVFOR lill-Kenja u għat-trattament tagħhom wara dan it-trasferiment,

 

- wara li kkunsidra l-iskambju ta' ittri konkluż fit-30 ta' Ottubru 2009 bejn l-UE u r-Repubblika tas-Seychelles għat-trasferiment ta' persuni suspettati b'piraterija u ħallelin armati arrestati mill-operazzjoni Atalanta fiż-żona tal-operazzjoni,

 

- wara li kkunsidra l-prinċipji ta' gwida li sar qbil dwarhom bejn il-partijiet tal-Ftehim ta' Paċi ta' Djibouti fil-25 ta' Novembru 2008, b'mod partikolari l-istabbiliment ta' gvern ta' unità u ta' Parlament inklużiv,

 

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

 

A.  billi l-Kunsill iddeċieda fit-8 ta' Diċembru 2008 li jniedi operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-mandat li tipprovdi ħarsien għall-bastimenti mikrija għall-Programm Dinji tal-Ikel, li tipprovdi ħarsien għall-bastimenti merkantili, li tuża l-miżuri meħtieġa, fosthom l-użu tal-forza, biex tiskoraġġixxi, tipprevjeni u tintervjeni sabiex ittemm l-atti ta' piraterija u s-serq bl-użu tal-armi li jistgħu jsiru fiż-żoni fejn ikunu preżenti,

 

B.   billi minn Diċembru 2008, l-Operazzjoni Atalanta pprovdiet ħarsien kruċjali għal 50 bastiment tal-Programm Dinji tal-Ikel li bejn wieħed u ieħor wasslu 300,000 tunnellata ikel, li minnu finalment ibbenefikaw b'mod dirett 1.6 miljun Somalu,

 

C.  billi l-bastimenti merkantili u dawk tas-sajd irrakkomandawlhom li jirreġistraw minn qabel fil-websajt taċ-Ċentru tas-Sigurtà Marittimu - fil-Qarn tal-Afrika,

 

D.  billi l-Kunsill fakkar fl-intenzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru li jestendi l-Operazzjoni Atalanta għal sena oħra wara t-tmiem tal-mandat attwali fit-12 ta' Diċembru 2009,

 

E.   billi l-istaff militari involut fl-operazzjoni jista' jarresta, iżomm u jittrasferixxi persuni b'suspett li kkommettew atti ta' piraterija jew serq bl-użu tal-armi fiż-żoni fejn kienu preżenti, billi dawk issuspettati jistgħu jiġi proċessati minn Stat Membru tal-UE jew mill-Kenja skont il-ftehim iffirmat mill-UE fis-6 ta' Marzu 2009, li jagħti lill-awtoritajiet tal-Kenja d-dritt li jipproċedu,

 

F.   billi fis-27 ta' Lulju 2009, il-Kunsill ddeċieda li jsaħħaħ l-impenn tal-UE għall-promozzjoni tal-paċi u l-iżvilupp fis-Somalja, u għal dan il-għan studja l-possibilitajiet li l-UE tagħti kontribut għall-isforzi internazzjonali, fosthom fil-qasam tas-sigurtà,

 

G.  billi fis-17 ta' Novembru 2009, il-Kunsill approva l-Kunċett għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet bil-possibilità li ssir missjoni tal-PESD li tagħti kontribut għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tal-Gvern Federali Tranżizzjonali u talab li ssir aktar ħidma ta' ppjanar, bla ma ssir ħsara lil deċiżjonijiet sussegwenti dwar il-possibilità ta' azzjoni tal-PESD,

 

H.  billi sa ċertu punt din it-tip ta’ piraterija tirriżulta mill-vjolenza u mill-instabilità politika li hemm fis-Somalja, u għandha effett indirett fuq il-bqija tar-reġjun tal-Qarn, u konsegwenzi konkomitanti fuq il-popolazzjoni ċivili tas-Somalja, f'dak li għandu x'jaqsam mal-esponiment għat-theddid, man-nuqqas ta’ żvilupp u mal-waqfien fl-għajnuna tal-ikel u fi sforzi umanitarji oħrajn,

 

I.    billi l-kunflitt kontinwu u l-instabilità politika fis-Somalja wasslu għal atti ta' piraterija, serq bl-użu tal-armi u traffikar tal-bnedmin,

 

J.    billi l-istrateġija globali fil-ġlieda kontra l-piraterija ma tistax tkun limitata għal forza navali internazzjonali, iżda trid tkun parti minn pjan globali li jindirizza l-kawżi mill-għeruq,

 

K.  billi l-Ftehim ta' Paċi ta' Djibouti jirrappreżenta l-bażi għas-soluzzjoni tal-kunflitt fis-Somalja,

 

L.   billi hemm madwar 1.5 miljun ruħ spustati internament fil-pajjiż u billi 160,000 ruħ oħra kellhom iwarrbu mill-bidu ta' Mejju minħabba l-ġlied bejn il-forzi tal-Gvern u l-gruppi tal-oppożizzjoni Al Shabaab u Hisbul-Islam,

M.  billi l-għoti ta' assistenza sar perikoluż ferm minħabba l-każijiet ta' qtil, is-serq ta' persuni u t-theddid kontra l-ħaddiema tal-assistenza, filwaqt li l-ġlied u n-nixfa li għadhom għaddejjin qegħdin iżidu l-ħtieġa ta' għajnuna biex jiġu salvati l-ħajjiet,

 

N.  billi l-passaġġ bla xkiel ta’ bastimenti li jkunu qed ibaħħru b’mod legali f'ibħra miftuħa huwa prekundizzjoni assoluta għall-kummerċ internazzjonali,

 

1.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-kontribut b'suċċess tal-Operazzjoni Atalanta għas-sigurtà marittima 'l barra mill-kosta tas-Somalja bil-protezzjoni tal-bastimenti mikrija tal-Programm Dinji tal-Ikel li jwasslu l-għajnuna lis-Somalja, il-bastimenti li jipprovdu merkanzija kritika għall-operazzjoni tal-Unjoni Afrikana għall-appoġġ tal-paċi fis-Somalja (AMISOM) u bastimenti vulnerabbli oħrajn, b'mod partikolari fil-Golf ta' Aden u fil-baċin tas-Somalja;

 

2.   Jilqa' l-kooperazzjoni unika li sabet l-Operazzjoni Atalanta minn sħabha, b'mod partikolari, iċ-Ċina, l-Eġittu, il-Ġappun, il-Kenja, il-Malasja, l-Oman, ir-Russja, l-Għarabja Sawdija, is-Seychelles u l-Jemen, li wħud minnhom qegħdin jikkooperaw mal-UE għall-ewwel darba;

 

3.   Jistieden lis-sidien tal-bastimenti u l-operaturi fi tranżitu mill-Golf ta' Aden jew 'il barra mill-kosta tas-Somalja biex jirreġistraw minn qabel fil-websajt taċ-Ċentru tas-Sigurtà Marittimu - fil-Qarn tal-Afrika; jistieden lill-bastimenti kollha biex isegwu r-rakkomandazzjonijiet tan-NAVFOR - Atalanta tal-UE sabiex ikollhom l-aħjar livell ta' sigurtà disponibbli u b'hekk jonqos ir-riskju ta' attakki jew ta' qbid;

 

4.   Jistieden lill-Kunsill biex jestendi l-Operazzjoni Atalanta għal sena oħra wara tmiem il-mandat attwali fit-12 ta' Diċembru 2009, kif ukoll biex jestendi l-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku tagħha skont il-każ;

 

5.   Jisħaq fuq il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli għall-prosekuzzjoni ta' dawk suspettati bħala pirati; ifaħħar, f'dan ir-rigward, il-kontribut kruċjali tal-Kenja għad-detenzjoni u għall-impenn li ħadet biex tipproċedi kontra dawk suspettati bħala pirati, li nqabdu mill-bastimenti tal-gwerra ta' Atalanta, u jilqa' l-iskambju ta' ittri konkluż fit-30 ta' Ottubru 2009 bejn l-UE u r-Repubblika tas-Seychelles għat-trasferiment ta' dawk suspettati bħala pirati u tal-ħallelin armati maqbuda minn Atalanta;

 

6.   Jistieden lill-Kunsill biex ikompli jeżamina l-possibilità li titwaqqaf missjoni PESD, li timxi id f'id mal-operazzjoni navali Atalanta, biex tkun tista' tagħti kontribut lit-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tal-Gvern Federali Tranżizzjonali; f'dan ir-rigward, jilqa' l-Kunċett tal-Ġestjoni tal-Kriżijiet għal azzjoni ġdida possibbli tal-PESD;

 

7.   Jagħti l-appoġġ tiegħu għat-tnedija ta' missjoni Ewropea ġdida li ma tkunx eżekuttiva, bil-għan li jsir taħriġ u jingħata tagħmir lill-forzi tas-sigurtà tal-Gvern Federali, filwaqt li jissaħħaħ l-impenn għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat ta' dritt;

 

8.   Jikkundanna kull att ta' piraterija u jenfasizza li l-piraterija hija sintomu ta' problemi aktar mifruxa fis-Somalja stess; iqis, għalhekk, li l-unika soluzzjoni sostenibbli trid tkun il-governanza effikaċi, l-istabbiliment tal-istat tad-dritt u tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà, u l-ħolqien ta' metodi alternattivi ta' qligħ tal-għajxien fis-Somalja għal tkabbir stabbli tal-ekonomija;

 

9.   Jagħti l-appoġġ qawwi tiegħu għall-Ftehim ta' Paċi ta' Djibouti u jisħaq fuq l-importanza ta' istituzzjonijiet msejsa fuq bażi wiesgħa u rappreżentattivi li jkunu l-frott ta' proċess politiku li finalment ikun jinkludi li kulħadd; għalhekk jinkoraġġixxi l-Gvern Federali Tranżizzjonali fl-isforzi tiegħu u jistieden lill-partiti tas-Somalja u lil parteċipanti interessati oħrajn biex iżommu mal-prinċipji tal-Ftehim ta' Paċi ta' Djibouti, biex jieqaf il-glied, biex jiġi żgurat bla dewmien li jkun hemm aċċess għal assistenza umanitarja bla xkiel għall-poplu tas-Somalja, biex jintemmu l-atti kollha ta' konfront armat, u biex jintlaħaq ftehim dwar mekkaniżmi ta' waqfien mill-ġlied permanenti;

 

10. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u wkoll lill-komunità internazzjonali, biex jimmobilizzaw ir-riżorsi umani u finanzjarji kollha li hemm bżonn biex jiġi stabbilit reġim demokratiku u stabbli fis-Somalja, sabiex il-piraterija fil-baħar miftuħ tiġi miġġielda b'mod effikaċi;

 

11. Jesprimi tħassib dwar is-sikurezza tal-ħaddiema umanitarji u ta' dawk li jagħtu għajnuna fuq il-post fis-Somalja;

 

12. Jitlob lill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari l-Unjoni Ewropea, biex tagħti l-appoġġ tagħha lill-Gvern Federali Tranżizzjonali tas-Somalja sabiex itejjeb l-istrutturi bażiċi għall-attivitajiet tas-sajd, għall-konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar u għall-ġestjoni tal-iskart, sabiex jiżdiedu l-impjiegi u jonqos id-dħul taż-żgħażagħ fl-attivitajiet ta' piraterija u tal-milizzja;

 

13. Jilqa' t-tħabbira li saret mill-Presidenza Spanjola li jmiss tal-UE dwar l-organizzazzjoni ta' Konferenza Internazzjonali fis-Somalja, taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti, sabiex jiġu ttrattati b'mod integrali l-problemi ta' dan il-pajjiż;

 

14. Jikkundanna kategorikament il-kummerċ fl-armi u l-munizzjon ma' gruppi organizzati li jwettqu atti ta' piraterija; jitlob lill-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti biex jirrakkomandaw miżuri xierqa biex ma jħallux armi jaslu għand gruppi ta' pirati bħal dawn;

 

15. Jistieden lill-Gvern Federali Tranżitorju tas-Somalja biex, b’kooperazzjoni man-NU u mal-Unjoni Afrikana, iqis il-piraterija u s-serq bl-użu tal-armi li sar mill-kosta tas-Somalja fuq bastimenti bħala azzjonijiet kriminali li għandhom ikunu segwiti bl-arrest ta’ dawk involuti abbażi tal-liġi internazzjonali tal-mument;

 

16. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati bil-kosta u lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jirratifikaw il-Protokoll 2005 għall-Konvenzjoni dwar it-Trażżin ta’ Azzjonijiet Illegali kontra s-Sikurezza tan-Navigazzjoni Marittima;

 

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u l-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.