Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0248/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0248/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-atroċitajiet tal-massa f'Jos, fin-Niġerja

28.4.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Thijs Berman, Véronique De Keyser, Richard Howitt, Ana Gomes f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0247/2010

Proċedura : 2010/2660(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0248/2010
Testi mressqa :
B7-0248/2010
Testi adottati :

B7‑0248/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-atroċitajiet tal-massa f'Jos, fin-Niġerja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fin-Niġerja,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Politiċi u Ċivili tal-1966, irratifikat minn Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,

–   wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata minn Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fis-7 ta’ Marzu 2010, madwar 200 persuna inklużi nisa’, tfal u anzjani nqatlu fin-Niġerja Ċentrali, b’żieda traġika mal-eluf li mietu fid-deċennju li għadda minħabba tensjonijiet etniċi, reliġjużi u politiċi.

B.  Billi uffiċjal tas-Salib l-Aħmar qal li talanqas ġew attakkati wkoll żewġ komunitajiet oħrajn tal-madwar, f’żona fil-viċin fejn f'Jannar ġlied settarjan qatel mijiet ta' nies.

C. billi s-Salib l-Aħmar qed jirraporta li kaġun ta’ din il-vjolenza mill-anqas 5600 persuna qed iħallu z-zona minħabba biża’ għal ħajjithom, u billi ġie rrapportat li mijiet ta’ persuni għandhom ma nstabux.

D. Billi 98 persuna ġew arrestati minħabba li inċitaw il-vjolenza, u billi l-President Jonathan wiegħed miżuri ġodda għall-waqfien tal-użu tal-armi u tal-ġellieda milli jinfiltraw fir-reġjun.

E.  Billi l-problemi fiz-zona ta' Jos joriġinaw min-nuqqas ta' żvilupp ekonomiku u l-għeruq tat-tensjoni jinsabu f'għexieren ta' snin ta' riżentiment bejn gruppi indiġeni, l-aktar Insara u animisti, li qegħdin jiġġieldu għall-kontroll ta' artijiet agrikoli għammiela kontra migranti u residenti ġodda mit-Tramuntana, li huma Musulmani u ta' ilsien Hausa,

F.  Billi l-instabilità qiegħda tirfed il-fraġilità tan-nazzjon Afrikan l-aktar popolat huwa u joqrob il-perjodu tal-kampanja elettrorali tal-2011 fost inċertezza rigward it-tmexxija politika,

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza fin-Niġerja Ċentrali u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tensjonijiet etniċi, reliġjużi u politiċi li kaġun tagħhom għadhom qegħdin isofru eluf ta’ nies.

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani jaġixxu bil-ħeffa ħalli jipproteġu lin-nies civili tal-etniċitajiet kollha li jinsabu fil-periklu ta' aktar attakki jew ta' qtil bi tpattija billi jsiru rondi regolari fir-reġjun kollu; Jitlob li dawk li ġew imġiegħla jaħarbu minħabba l-massakru jitħallew imorru lura f'darhom fis-sigurtà;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jaħdmu favur soluzzjoni paċifika u jistieden lill-Ġvern Niġerjan jipproteġi l-popolazzjoni tiegħu u jindirizza l-għeruq tal-kawżi tal-vjolenza billi jiżgura li jkun hemm drittijiet ugwali għaċ-ċittadini kollha u jittratta l-problemi tal-qgħad u l-faqar;

4.  Jistieden lill-gvern tan-Niġerja jinvestiga l-massakri b'urġenza u jenfasizza li dawk kollu li wettqu reat għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja b’mod ġust u trasparenti.

5.  Jesprimi l-volontà tiegħu li jitkompla d-djalogu li għaddej fil-qafas tas-sħubija man-Niġerja bl-iskop li jissaħħu l-proċessi li qed isiru f'dan il-pajjiż favur il-konsolidazzjoni tad-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvernijiet tan-Niġerja, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazjonijiet Uniti, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Ko-Presidenti tal-Assemblea Paerlamentari Konġunta tal-ACP-UE u l-Parlament PAN-Afrikan (PAP), u l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS).