Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0257/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0257/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Kirgiżistan

28.4.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Paolo Bartolozzi, Filip Kaczmarek, Cristian Dan Preda f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0246/2010

Proċedura : 2010/2656(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0257/2010
Testi mressqa :
B7-0257/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0257/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kirgiżistan

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kirgiżistan, b'mod partikolari dik tat-12 ta' Mejju 2005,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għal Sħubija Ġdida mal-Asja Ċentrali adottata mill-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-UE u l-Kirgiżistan li daħal fis-seħħ fl-1999,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ Catherine Ashton dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan tas-7 u t-8 ta' April 2010,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijet tal-UE fil-Kunsill Permanenti tal-OSKE dwar il-qagħda fil-Kirgiżistan tat-22 ta' April 2010,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Kirgiżistan tas-26 ta’ April 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A.  billi jidher ċar li huwa fl-interess tal-UE li l-Kirgiżistan ikun fil-paċi, demokratiku u ekonomikament prosperu; billi l-impenn tal-Kirgiżistan favur il-liġi internazzjonali, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-valuri demokratiċi, kif ukoll favur l-ekonomija tas-suq, se jippromwovi s-sigurtà u l-istabbiltà,

 

B.  billi l-Kirgiżistan huwa membru tal-OSKE u fi ħdan dan il-qafas huwa impenjat li jirrispetta l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u li jimplimenta l-istandards demokratiċi tal-OSKE,

 

C.  billi hemm delużjoni qalb iċ-ċittadini dwar in-nuqqas tal-gvern li jwettaq il-wegħdiet tar-Rivoluzzjoni tat-Tulipani tal-2005 favur id-demokrazija u l-governanza mtejba,

 

D.  billi protesti popolari wasslu għal konfrontazzjoni vjolenti li fiha mietu tal-anqas 84 persuna u weġġgħu aktar minn 400 ruħ; billi l-President Bakiyev ħarab mill-belt kapitali u wara mill-pajjiż u malajr ġie ffurmat gvern proviżorju magħmul minn ex mexxejja ewlenin tal-oppożizzjoni, li ħafna minnhom kienu f'pożizzjonijiet ta' poter fl-ewwel perjodu wara r-Rivoluzzjoni tat-Tulipani tal-2005,

 

E.  billi l-UE għandha tħares dejjem l-impenn tagħha li tintegra d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt f'kull ftehim ma' stati terzi u li tippromwovi riformi demokratiċi permezz ta' politiki koerenti li jsaħħu l-kredibbiltà tagħha bħala attur reġjonali,

 

F.  bili l-Kirgiżistan jinsab f'lok strateġiku ħdejn l-Afagnistan u jmiss mal-Wied ta' Ferghana, li ġeografikament, politikament u ekonomikament huwa ċ-ċentru tal-Asja Ċentrali,

 

G.  billi l-preżenza tal-UE fil-Kirgiżistan, esseżjalment bħala donatur tal-għajnuna, hija sinifikanti, u tqiegħed lill-UE f’qagħda tajba biex tassumi rwol importanti ta' appoġġ fir-reġjun,

 

1.  Jiddispjaċiħ ħafna għat-telf ta' ħajjiet umani u jesprimi t-tama li tista' tinstab soluzzjoni paċifika għall-kunflitt fil-Kirgiżistan li tkun ibbażata fuq prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

2. Jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt ħalli jagħmlu ħilithom biex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet bażiċi tal-poplu tal-Kirgiżistan ladarba l-jeddijiet tal-bniedem jikkostitwixxu parti min-nisġa bażika li fuqha tinbena u tiffunzjona kwalunkwe komunità;

3.  Jilqa’ t-tħabbira tal-gvern proviżorju li se jagħmel referendum kostituzzjonali u elezzjonijiet parlamentari ħalli jissaħħu d-demokrazija u r-reponsabbiltà politika; jistieden lill-gvern proviżorju biex jirrispetta l-obbligi internazzjonali tal-Kirgiżistan u sabiex jiżgura li l-elezzjonijiet ikunu liberi u ġusti;

4.  Jenfasizza li, minn perspettiva istituzzjonali, qafas kostituzzjonali koerenti u stabbli huwa essenzjali biex jipprevjeni inkwiet soċjali fil-ġejjieni u jiżgura futur paċifiku għall-poplu Kirgiż; jilqa', minn din il-perspettiva, il-kooperazzjoni tal-gvern proviżorju mal-Kummissjoni ta' Venezja;

5.  Iħeġġeġ lill-gvern proviżorju biex jadotta miżuri ħalli jiġġieled kontra r-rata għolja tal-qgħad bħala mezz importanti għall-iżgurar tal-istabbiltà politika tal-pajjiż fit-tul;

6.  Jinnota li n-nuqqas kbir ta' riżorsi naturali u l-vulnerabbiltà tal-Kirgiżistan jagħmluh dipendenti ħafna fuq l-appoġġ estern; jinnota wkoll li fil-viċinat tiegħu hemm nuqqas serju ta’ mudelli ta’ governanza demokratika u li tiffunzjona tajjeb u ta’ żvilupp soċjali pożittiv; jikkonkludi minn dan li l-għajnuna internazzjonali sejra tkun ta' importanza kruċjali;

7.  Jenfasizza l-importanza tar-rwol attiv tal-UE mal-gvern proviżorju, bil-għan li jiġu esplorati u sfruttati l-possibilitajiet għall-promozzjoni ta' governanza tajba u objettivi oħra ta' politiki tal-UE stipulati fl-Istrateġija għall-Asja Ċentrali, kif ukoll sabiex jiġu ffaċilitati l-impenn u l-attivitajiet ta' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra;

8.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżviluppi fil-Kirgiżistan jinfluwenzaw l-iżviluppi reġjonali u internazzjonali kif ukoll huma fl-istess waqt influwenzati minnhom; huwa konvint li hemm konfluwenzi kbar bejn l-interessi tar-Russja, tal-Istati Uniti u ta' oħrajn, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-Afganistan u t-tkattir tar-radikaliżmu Iżlamiku fir-reġjun, inkluż fil-Kirgiżistan; jikkunsidra li dan għandu jippermetti li l-kompetizzjoni ġeopolitika tiġi llimitata u li jitfittxu s-sinerġiji; jemmen li jekk dan jirnexxi, ikun hemm effetti pożittivi fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali u s-sigurtà internazzjonali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jeżaminaw b’urġenza jekk jeżistux jew jistgħux jinħolqu l-kundizzjonijiet biex jiġi varat programm internazzjonali koordinat ġdid u kbir ta' għajnuna għall-Kirgiżistan, mhux l-anqas fil-qies ta' kemm jidher qawwi l-impenn reali tal-gvern proviżorju tal-Kirgiżistan favur id-demokratizzazzjoni u t-tmexxija nadifa; iqis li jekk jitqies li jkunu jeżistu kundizzjonijiet favorevoli suffiċjenti, l-UE għandha tmexxi hi biex isiru l-arrangamenti għal konferenza tad-donaturi għall-Kirgiżistan;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-qagħda kurrenti, biex teżamina jekk jeħtiġilhiex tibgħat għajnuna umanitarja urġenti;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni biex titlob li jintuża l-Istrument għall-Istabbiltà u biex tħejji proposti dwar ir-riallokazzjoni ta' fondi tal-Istrument ta' Kooperazzjoni fl-Iżvilupp ħalli tiżgura li fiż-żmien qasir kif ukoll f'dak medju, ir-reazzjoni tal-UE għas-sitwazzjoni l-ġdida fil-Kirgiżistan tista' tkun ta' daqs adegwat;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-gvern proviżorju tal-Kirgiżistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-OSKE u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.