Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0259/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0259/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-massakri fin-Niġerja

28.4.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Marie-Christine Vergiat, Gabriele Zimmer f’isem il-Grupp GUE/NGL

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0259/2010
Testi mressqa :
B7-0259/2010
Testi adottati :

B7‑0259/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-massakri fin-Niġerja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fin-Niġerja,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, irratifikat minn Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,

–   wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,

–   wara li kkunsidra l-appell għall-fondi ta' emerġenza mniedi mill-UNICEF biex tgħin lit-tfal tal-pajjiżi tas-Sahel,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi aktar minn għaxar miljun persuna huma mhedda minn kriżi tal-ikel gravi fix-xhur li ġejjin fil-Lvant tas-Sahel,

B.  billi nofs l-abitanti tan-Niġer - xi 7.5 miljun persuna - huma mhedda, billi ċ-Ċad tal-Punent u ċentrali, il-Grigal tal-Mali, it-Tramuntana tan-Niġerja u xi reġjuni tal-Burkina Faso u tal-Mawritanja huma wkoll affettwati f'livelli diversi,

C. billi għalkemm in-Niġerja hija t-tminn l-akbar produttur taż-żejt fid-dinja, il-maġġoranza tal-148 miljun abitant jgħixu taħt il-linja tal-faqar,

D. billi l-isfruttatament taż-żejt f'dan il-pajjiż isir b'detriment għall-bżonnijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali l-iktar fundamentali tal-popolazzjonijiet,

E.  billi l-kontroll sħiħ mill-kumpaniji l-kbar taż-żejt (Shell, Total, Exxon, Agip eċċ.) tal-isfruttament taż-żejt fin-Niġerja għandu l-beneplaċitu tal-mexxejja għad-detriment tal-ħtiġijiet tal-popolazzjoni,

F.  billi saru allegazzjonijiet ta' frodi kbira fl-aħħar elezzjonijiet presidenzjali,

G. billi l-klima ta' gwerra ċivili li ilha snin tipprevali f'dan il-pajjiż, kif ukoll l-atti reċenti ta' vjolenza kontra l-kumpaniji taż-żejt (b'mod partikolari Total) huma strettament marbuta mal-kwistjoni tal-kontroll tar-riżorsi naturali u l-aċċess għalihom (l-iktar għaż-żejt u l-gass);

H. billi l-attakki u l-massakri ta' Jannar u Marzu 2010 bejn il-gruppi indiġeni, l-aktar Kristjani jew animisti, u l-popli tat-Tramuntana kienu kkawżati prinċipalment min-nuqqas ta' żvilupp soċjali u ekonomiku f'dawn ir-reġjuni,

I.   billi, wara dawn l-attakki u l-massakri, 42 000 abitant tal-Istat ta' Plateau, 90% minnhom nisa u tfal, kienu spostati,

J.   billi dawk li jwettqu dawn l-atti ta' sikwit ikunu merċenarji u billi l-impunità kemm tagħhom u kemm ta' dawk li jtuhom l-ordnijiet hija ġeneralizzata,

1.  Jitlob li jkun stabbilit pjan ta' emerġenza u li jkunu rilaxxati fondi għall-popolazzjonijiet tal-Lvant tas-Sahel sabiex tittaffa l-kriżi tal-ikel;

2.  Jenfasizza li jeħtieġ isir kollox sabiex il-politiki essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali jiġu implimentati f'dan il-pajjiż;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza fiċ-ċentru tan-Niġerja u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istat ta' gwerra ċivili li ilu jipprevali f'dan il-pajjiż għal ħafna snin;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Niġerjani biex jipproteġu l-popolazzjoni, biex jaħdmu għal soluzzjoni paċifika, biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-vjolenza filwaqt li jiggarantixxu drittijiet indaqs għaċ-ċittadini kollha billi jimplimentaw il-politiki meħtieġa għas-soluzzjoni tal-problemi tal-qgħad u l-faqar;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkunu żgurati s-sigurtà u l-kundizzjonijiet soċjali meħtieġa biex jippermettu lit-42 000 persuna spostata sa mill-bidu tal-kunflitt biex imorru lura;

6.  Jistieden lill-gvern Niġerjan biex jiftaħ inkjesta urġenti dwar dawn il-massakri u dwar minn ta l-ordni li jsiru u jenfasizza li l-ebda wieħed minn dawk responsabbli ma jrid jibqa' mingħajr kastig;

7.  Jikkundanna bis-saħħa l-frodi enormi fin-Niġerja u l-indħil tal-kumpaniji taż-żejt u ta' ċerti gvernijiet tal-Punent fil-ħajja ekonomika u politika tal-pajjiż;

8.  Jitlob li d-dritt tal-popli għall-awtodeterminazzjoni ikun fil-fatt implimentat f'dan il-pajjiż, b'mod partikolari permezz taż-żamma ta' elezzjonijiet demokratiċi u ħielsa;

9.  Ifakkar li dan id-dritt jista' jkun irrispettat biss jekk il-pajjiż jimpenja ruħu għall-iżvilupp soċjali, ekonomiku, ambjentali u demokratiku tali li jiggarantixxi aċċess indaqs għar-riżorsi għall-abitanti kollha tiegħu; għalhekk iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jaħdmu għal dan il-għan;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tan-Niġerja, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali u l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari AKP-UE u lill-President tal-Parlament Pan-Afrikan.