Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0367/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0367/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kummerċ ta' oġġetti li jintużaw għat-tortura

14.6.2010

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B7‑0303/2010 u B7‑0304/2010
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Heidi Hautala, Barbara Lochbihler, Yannick Jadot, Reinhard Bütikofer f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0367/2010
Testi mressqa :
B7-0367/2010
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0367/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kummerċ ta' oġġetti li jintużaw għat-tortura

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-projbizzjoni assoluta tat-tortura u ta' trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, projbizzjoni li tapplika fiċ-ċirkustanzi kollha u, bħala norma perentorja fid-dritt internazzjonali, għall-istati kollha,

–   wara li kkunsidra l-artikulazzjoni ta' din il-projbizzjoni f'għadd ta' strumenti u dokumenti internazzjonali u reġjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, fosthom id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem[1], il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR)[2], il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra (Il-Konvenzjoni kontra t-Tortura), il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali[3], u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea[4],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-3 ta' Ottubru 2001 li tħeġġeġ lill-Kummissjoni taġixxi malajr biex tippreżenta strument Komunitarju adegwat li jipprojbixxi l-promozzjoni, il-kummerċ u l-esportazzjoni ta' tagħmir tal-pulizija u tas-sigurtà li l-użu tiegħu huwa b'mod inerenti krudili, inuman jew degradanti[5],

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 tas-27 ta’ Ġunju 2005 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, għat-tortura jew għal trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra li daħal fis-seħħ fit-30 ta' Lulju 2006[6];

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-2008 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar it-tortura u trattament jew kastigi krudili, inuman jew degradanti ieħor[7],

–   wara li kkunsidra l-Linji gwida għall-politika tal-UE fir-rigward ta' pajjiżi terzi dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, adottati fl-2001 u riveduti fl-2008[8],

–   wara li kkunsidra l-attività f'pajjiżi oħra wara l-iżvilupp tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005, partikolarment l-emendi għal-liġi tal-Istati Uniti dwar il-kontroll fuq l-esportazzjonijiet proposti mill-Bureau tal-Istati Uniti tal-Industrija u tas-Sigurtà f'Awwissu 2009 li jirriflettu dawk misjuba fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005, u f'xi każijiet imorru lil hinn minnhom[9],

–   wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Ftehim bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea, li jistieden lill-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura tal-Kunsill tal-Ewropa biex isaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni; kif ukoll is-17-il Rapport Ġenerali dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura (CPT), li jitlob lill-Kunsill tal-Ewropa jqis ir-rwol li s-CPT jista' jkollu fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005,

–   wara li kkunsidra r-rapporti ppubblikati mill-Amnesty International u l-Omega Research Foundation fl-2007 u fl-2010 li jenfasizzaw dgħufijiet partikolari fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 u jesprimu tħassib dwar l-implimentazzjoni inadegwata tar-Regolament minn xi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea[10],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Konvenzjoni kontra t-Tortura timponi obbligi speċifiċi fuq l-istati biex jipprevjenu t-tortura u trattament ħażin ieħor, biex jinvestigaw każijiet li jkunu ġraw, biex issir ġustizzja ma' min ikun wettaq ir-reat u biex il-vittmi jiġu kkumpensati[11],

B.  billi seba' Stati Membri tal-UE biss ħarġu rapport annwali pubbliku kif meħtieġ skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1236/2005,

C. billi, mikejja tali obbligi, it-tortura jew trattament ħażin ieħor għadu qed iseħħ fid-dinja kollha, u ntużat firxa wiesgħa ta' tagħmir tal-pulizija u tas-sigurtà għal tali prattiki,

D. billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura asserixxa li l-kontroll tal-kummerċ ta' tagħmir bħal dan huwa parti mill-obbligi ta' kull stat skont il-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura[12],

E.  billi l-Linji gwida għall-politika tal-UE għal pajjiżi terzi dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, jiddikjaraw li l-UE se tħeġġeġ lil pajjiżi terzi jipprevjenu l-użu, il-produzzjoni u l-kummerċ ta' tagħmir li jkun maħsub għat-tortura jew għal trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra u jipprevjenu l-abbuż għal kull tagħmir ieħor li jkollu dawk l-għanijiet[13],

F.  billi r-rapport tal-2008 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar azzjonijiet tal-UE bħala tkomplija tal-impenji fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tortura u trattament ħażin ieħor f'pajjiżi terzi, jiddikjara li 'l-adozzjoni tar-Regolament dwar l-istrumenti li jintużaw għat-tortura hija l-ewwel eżempju ta' regolament tal-UE adottat skont il-linji gwida dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Ir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tortura laqa' b'sodisfazzjon dan il-pass u fisser il-fehma tiegħu li jista' jservi bħala mudell għal regolament dinji dwar dan is-suġġett. Għall-UE, dan ifisser il-ħtieġa li tkun ivvalutata l-implimentazzjoni tar-Regolament',

G. billi jingħad li uffiċjali tad-dwana Ġermaniża kkonfermaw li fl-2007 kienu kixfu trasport mhux awtorizzat ta' tagħmir għall-isturdament li jagħtu x-xokkijiet tal-elettriku mill-Ġermanja lejn il-Ġeorġja, il-Bangladexx, ir-Rumanija u l-Iran, skont il-mozzjoni parlamentari Ġermaniża Drucksache 16/4446,

H. billi kien hemm rapporti li kumpaniji bbażati fl-Ewropa impurtaw fi Spanja u fir-Rumanija apparat li jintlibes u li jagħti x-xokkijiet tal-elettriku biex il-persuna ma tiċċaqlaqx, li essenzjalment l-effett tiegħu huwa simili għal ċintorini li jagħtu xokkijiet tal-elettriku pprojbiti milli jkunu impurtati fl-Unjoni Ewropea bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005, skont rapporti mill-Amnesty International, l-Omega Research Foundation, u l-Inter-Press Service,

I.   billi l-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura (KPT) tal-Kunsill tal-Ewropa rrapporta fl-2005 li ċintorini li jagħtu xokkijiet tal-elettriku b'qawwa ta' 50,000V kellhom jiġu introdotti fil-ħabsijiet u fl-istabbilimenti tal-pulizija kollha tal-Ungerija sa tmiem l-2005, minkejja l-klassifikazzjoni tagħhom skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 bħala tagħmir li ma għandu l-ebda użu prattiku għajr għall-iskop ta' tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, u billi l-gvern Ungeriż ma ta l-ebda informazzjoni ulterjuri pubblikament li tikkonferma jew tiċħad l-introduzzjoni ta' tali tagħmir,

J.   billi xi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, fosthom ir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja, mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005, ħarġu liċenzji għall-esportazzjoni ta' oġġetti li jinkludu tagħmir li jrażżan il-moviment tar-riġlejn, irritanti kimiċi u tagħmir li jagħti xokkijiet tal-elettriku, li huma kkontrollati skont ir-Regoalment, lejn pajjiżi b'imgħoddi ħażin fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem,

K. billi 12-il Stat Membru biss daħħal leġiżlazzjoni ta' penali sad-29 ta' Awwissu 2006 kif meħtieġ skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005,

L.  billi seba' Stati Membri biss fasslu rapport pubbliku wieħed jew aktar dwar l-attività annwali li jagħti dettalji dwar id-deċiżjonijiet ta' ħruġ ta' liċenzji tagħhom kif meħtieġ skont l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005, u billi wħud minn dawn ir-rapporti li ġew ippubblikati ma kienx fihom biżżejjed dettall sabiex issir superviżjoni xierqa ta' dawn id-deċiżjonijiet ta' ħruġ ta' liċenzji,

M. billi l-lista ta' oġġetti u tagħmir li l-kummerċ tagħhom huwa pprojbit skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 ma tinkludix xi tagħmir tal-pulizija u tas-sigurtà, li attwalment huwa kkummerċjat internazzjonalment, li jew m'għandux użu prattiku għajr għat-tortura jew għal trattament ħażin ieħor, inklużi l-lembubi bil-ponot, ċertu tagħmir imwaħħal mal-ħajt jew mal-art biex irażżan il-moviment, ċertu tagħmir li jrażżan il-moviment tar-riġlejn, manetti għas-swaba', manetti għas-saba' l-kbir, għodda li tintuża biex tagħfas is-saba' l-kbir u apparat li jintlibes li jagħti xokkijiet tal-elettriku għajr ċ-ċintorini li jagħtu xokkijiet tal-elettriku,

N. billi l-lista ta' oġġetti u tagħmir li l-kummerċ tagħhom huwa kkontrollat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 ma tinkludix xi tagħmir tal-pulizija u tas-sigurtà, li attwalment huma kkummerċjati internazzjonalment, li jista' jkollhom użi leġittimi penali jew ta' infurzar tal-liġi meta l-użu tagħhom ikun irregolat skont l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards tal-aħjar prattika tal-infurzar tal-liġi, iżda li jintużaw ħażin għat-tortura jew għal trattament ħażin ieħor, inklużi manetti, lembubi u tagħmir ta' impatt ieħor li jinżamm fl-idejn, armi li jużaw ix-xokkijiet tal-elettriku b'voltaġġ għoli li jaħdmu b'inqas minn 10,000 volt, kif ukoll komponenti u aċċessorji maħsuba speċifikament għal tagħmir ipprojbit u kkontrollat,

O. billi l-Kumitat għar-Regoli Komuni għall-Esportazzjoni ta' Prodotti għandu jerġa' jiltaqa' fid-29 ta' Ġunju 2010,

1.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jinfurmaw lill-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli dwar il-penali rilevanti li jkunu daħħlu għal ksur tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005, kif inhuma obbligati jagħmlu skont l-Artikolu 17 tar-Regolament;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kumitat għar-Regoli Komuni għall-Esportazzjoni ta' Prodotti jipprovdu linji gwida u għajnuna lill-Istati Membri biex iħarrxu tali penali meta jkunu insuffiċjenti u meta jkunu għadhom ma ddaħħlux;

3.  Ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri kollha skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 li jfasslu rapporti pubbliċi f'waqthom dwar l-attività annwali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikteb lill-Istati Membri li ma jkunux tawha rapporti bħal dawn biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, sabiex ir-rapporti dwar l-attività annwali tagħhom jipprovdu biżżejjed informazzjoni għal superviżjoni pubblika xierqa, biex f'dawn ir-rapporti jinkludu tal-anqas: l-għadd ta' applikazzjonijiet li rċevew, l-oġġetti involuti u l-pajjiżi ta' destinazzjoni għal kull applikazzjoni, kif ukoll id-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar kull waħda minn dawn l-applikazzjonijiet, u rapporti ta' 'ebda attività' jekk ikun il-każ;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa mudell għar-rapporti dwar l-attività annwali tal-Istati Membri sabiex ikun iffaċilitat it-tfassil ta' rapporti bħal dawn mill-Istati Membri u biex tkun żgurata l-konsistenza tagħhom;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq analiżi formali, megħjuna mill-Kumitat għar-Regoli Komuni għall-Esportazzjoni ta' Prodotti (kif mogħtija s-setgħa skont l-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament) tal-implimentazzjoni u l-attività ta' ħruġ ta' liċenzji tal-Istati Membri skont ir-Regolament, inkluż eżami tar-rapporti kollha dwar l-attività annwali tal-Istati Membri; kif ukoll tippubblika din l-analiżi mar-rapporti dwar l-attività annwali li tkun irċeviet minn kull Stat Membru f'kull sena mindu r-Regolament ikun daħal fis-seħħ;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-proċeduri enfasizzati fl-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 biex l-Istati Membri u l-Kummissjoni jaqsmu informazzjoni dwar deċiżjonijiet ta' ħruġ ta' liċenzji u miżuri ta' implimentazzjoni, jew permezz tal-mekkaniżmu ta' notifika ta' rifjut li huwa diġà stabbilit għal rifjut ta' esportazzjoni militari fil-COARM, jew permezz ta' proċeduri effikaċi oħra, ikunu implimentati sew;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar l-attivitajiet li tkun wettqet sabiex ikun aktar faċli għall-Istati Membri li jissodisfaw l-Artikolu 13;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħti lill-Parlament, u tippubblika, l-informazzjoni li tkun irċeviet minn kull Stat Membru f'kull sena mindu r-regolament ikun daħal fis-seħħ: b'mod speċifiku, notifiki ta' rifjut ta' applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament; dettalji tal-penali rilevanti li kull Stat Membru jkun daħħal għal ksur tar-Regolament; u l-kontenut sħiħ tar-rapporti dwar l-attività annwali tal-Istati Membri;

10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Kumitat għar-Regoli Komuni għall-Esportazzjoni ta' Prodotti jiltaqa' fuq bażi regolari, jipproduċi kalendarju ċar għal analiżi formali tar-Regolament, u jistabbilixxi proċedura għal investigazzjonijiet f'waqthom dwar ksur tar-Regolament li seta' kien hemm;

11. Jikkundanna bil-qawwa kull tentattiv mill-Istati Membri jew minn kumpaniji fl-Unjoni Ewropea li jimpurtaw ċinturini li jagħtu xokkijiet tal-elettriku li l-importazzjoni tagħhom hija pprojbita skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005, jew tagħmir ieħor li jintlibes li jagħti x-xokkijiet tal-elettriku biex il-persuna ma tiċċaqlaqx li essenzjalment ikollu l-istess effett, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq investigazzjoni urġenti biex tistabbilixxi jekk u meta ċ-ċintorini li jagħtu xokkijiet tal-elettriku jew il-partijiet relatati tagħhom, tagħmir ieħor li jintlibes li jagħti x-xokkijiet tal-elettriku biex il-persuna ma tiċċaqlaqx, l-għajnuna teknika jew it-taħriġ ikunux ġew ittrasferiti lejn l-Ungerija u r-Rumanija qabel ma ddaħħal ir-Regolament jew mindu ddaħħal; biex tiddetermina jekk tagħmir bħal dan intużax minn xi awtoritajiet tal-ħabs jew tal-infurzar tal-liġi f'dawk il-pajjiżi; u biex tirrapporta r-riżultati tagħha lill-Parlament;

12. Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tat-tortura u ta' trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, jimmonitorjaw l-għajnuna teknika għal pajjiżi terzi biex ikun evitat li din l-għajnuna teknika tintuża ħażin għall-produzzjoni ta' oġġetti bl-iskop li jintużaw għall-piena kapitali jew għat-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi u taġġorna l-lista ta' oġġetti pprojbiti skont l-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 biex tinkludi l-lembubi bil-ponot, ir-tagħmir imwaħħal mal-ħajt jew mal-art, il-manetti għall-għekiesi, il-ktajjen u l-qjud, il-manetti għas-saba' l-kbir, il-manetti għas-swaba', u l-għodda li tintuża biex tagħfas is-saba' l-kbir, il-manetti li jagħtu x-xokkijiet tal-elettriku u tagħmir ieħor li jintlibes bix-xokkijiet tal-elettriku;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi u taġġorna l-lista ta' oġġetti kkontrollati skont l-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 biex tinkludi l-manetti, il-lembubi u tagħmir ieħor ta' impatt li jinżamm fl-idejn, u tagħmir li jinġarr li jagħti x-xokkijiet tal-elettriku ta' anqas minn 10 000 volt;

15. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tistabbilixxi proċedura speċifika biex tirrevedi regolarment il-listi ta' oġġetti fl-Anness II u fl-Anness III kif stipulat fil-paragrafu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005;

16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta biex malli jkun possibbli tiddaħħal fir-Regolament klawsola dwar 'l-użu aħħari għat-tortura', li tippermetti, abbażi ta' informazzjoni minn qabel, li l-Istati Membri joħorġu liċenzji u għaldaqstant jirrifjutaw l-esportazzjoni ta' kull oġġett li jista' jkollu riskju sostanzjali li jintuża għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament ħażin ieħor mill-utenti aħħarin tiegħu;

17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta biex kemm jista’ jkun malajr iddaħħal projbizzjoni fir-Regolament dwar l-intermedjazzjoni tat-tranżazzjonijiet minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tal-Unjoni Ewropea minn kwalunkwe lok fejn huma involuti trasferimenti internazzjonali, inklużi l-bejgħ u l-esportazzjoni, ta' oġġetti bl-ebda użu prattiku għajr għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament ħażin ieħor, kif imniżżel fl-Anness II tar-Regolament; u li tirrikjedi lill-Istati Membri jdaħħlu mekkaniżmi effikaċi biex tkun ikkontrollata l-intermedjazzjoni ta' tranżazzjonijiet li jinvolvu trasferimenti ta' kull oġġett elenkat fl-Anness III tar-Regolament;

18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta biex kemm jista' jkun malajr fir-Regolament iddaħħal rekwiżit għall-importaturi biex jiksbu awtorizzazzjoni għall-importazzjoni ta' oġġetti elenkati fl-Anness III tar-Regolament fl-Unjoni Ewropea, u għall-Istati Membri biex jirrifjutaw it-tali awtorizzazzjonijiet għall-importazzjoni f'każ li jkun hemm raġunijiet validi biex wieħed jaħseb li t-tali tagħmir aktarx jintuża għat-tortura jew trattament ħażin ieħor fi ħdan l-Unjoni Ewropea jew ladarba jiġi kkummerċjalizzat barra mill-Unjoni Ewropea;

19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis monitoraġġ imsaħħaħ tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni attwali fis-seħħ, inklużi mezzi għat-tneħħija tal-eżenzjoni għar-rekwiżiti ta' awtorizzazzjonijiet għall-importazzjoni jew għall-esportazzjoni għal oġġetti fl-Anness III li jgħaddu mill-Unjoni Ewropea;

20. Ifakkar fl-aġġornament tal-2008 tal-Linji gwida għall-politika tal-UE fir-rigward ta' pajjiżi terzi dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, skont dawn il-Linji gwida, jippromwovu r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 bħala eżempju tal-aħjar prattika fil-laqgħa ma' pajjiżi terzi; kif ukoll li tinkuraġġixxi lill-pajjiżi terzi li jesportaw tagħmir li l-importazzjoni tiegħu huwa pprojbit skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 biex jgħarrfu lin-negozjanti f'dawk il-pajjiżi dwar il-projbizzjonijiet tar-Regolament;

21. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovi l-kontrolli tal-kummerċ internazzjonali fuq tagħmir li jista' jintuża għall-piena kapitali, it-tortura u trattament ħażin ieħor f'livell internazzjonali, kif ukoll biex, b'mod partikolari, jaħdmu biex iwessgħu t-talba annwali tal-Assemblea Ġenerali tan-NU "biex ikunu evitati u pprojbiti l-produzzjoni, il-kummerċ, l-esportazzjoni u l-użu ta' tagħmir li jkun maħsub speċifikament għat-tortura", sabiex l-istati kollha jintalbu wkoll jirregolaw il-produzzjoni, il-kummerċ, l-esportazzjoni u l-użu ta' tagħmir li ma jkunx maħsub b'mod speċifiku għat-tortura jew għal trattament ħażin ieħor iżda li jintuża b'mod wiesa' għal dak il-għan;

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.