Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0495/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0495/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Iran, b'mod partikolari dwar il-każijiet ta' Sakineh Mohammadi-Ashtiani u ta' Zahra Bahrami

6.9.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Marie-Christine Vergiat, Patrick Le Hyaric, Cornelia Ernst, f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0494/2010

Proċedura : 2010/2846(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0495/2010
Testi mressqa :
B7-0495/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0495/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Iran, b'mod partikolari dwar il-każijiet ta' Sakineh Mohammadi-Ashtiani u ta' Zahra Bahrami

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod partikolari dawk tas-7 ta' Mejju u tat-22 ta' Ottubru 2009, u tal-10 ta' Frar 2010,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Frar 2010 tas-Sra. Catherine Ashton dwar l-eżekuzzjonijiet imminenti fl-Iran,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2009 li fiha tenna l-impenn tal-Parlament għall-abolizzjoni fid-dinja kollha tal-piena tal-mewt, b'denunzja speċifika tal-piena kapitali għal reati mwettqa minn minorenni,

–   wara li kkunsidra l-Patt internazzjonali dwar id-drittijiet ċivili u politiċi, il-Patt internazzjonali dwar id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal, li l-Iran huwa pajjiż firmatarju tagħhom kollha,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-29 ta’ Ottubru 2009 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran għadha qed tmur lura; billi r-ripressjoni fir-rigward tad-dimostranti u tad-dissidenti paċifiċi (inklużi l-istudenti, l-akkademiċi, id-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, il-ġuristi, il-ġurnalisti, il-bloggers, ir-reliġjużi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem) tikkostitwixxi fatt normali f'dan il-pajjiż,

B.  billi fil-11 ta' Awissu 2010 ġiet ikkonfermata l-eżekuzzjoni permezz ta' tħaġġir ta' Sakineh Mohammadi Ashtiani għal adulterju,

C. billi, wara bosta azzjonijiet li ttieħdu fil-livell internazzjonali, il-piena ġiet sospiża,

D. billi l-Iran ħa l-impenn li jirrispetta l-Patt dwar id-drittijiet ċivili u politiċi, quddiem il-komunità internazzjonali, u billi dan il-patt jipprojbixxi l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt għal krimini ta' adulterju (Artikolu 6), jikkundanna kull forma ta' tortura, inkluż fl-iktar forom barbari bħat-tħaġġir (Artikolu 7), u jirrifjuta kull kundanna ta' persuni presumibilment ħatja li tinħareġ wara ammissjoni ta' ħtija miksuba permezz tat-tortura,

E.  billi Zahra Bahrami ġiet arrestata fis-27 ta' Diċembru 2009, wara li nstabet ħatja mill-Qorti Iżlamika fis-16 ta' Awissu u ġiet ikkundannata għall-piena tal-mewt għal ''ostilità lejn Alla'' u għal ''azzjonijiet kontra s-sigurtà nazzjonali'',

F.  billi kemm Sakineh Mohammadi Ashtiani kif ukoll Zahra Bahrami ġew ittorturati u mġiegħla jagħtu ''ammissjoni ta' ħtija'' fuq it-televiżjoni, fejn ammettew li kienu ħatja għall-akkużi li nġiebu kontrihom, u ma bbenfikawx minn proċess ġust, billi Zahra Bahrami lanqas kellha dritt għal avukat waqt il-proċess, u d-difensur ta' Sakineh Mohammadi Ashtiani kellu jaħrab mill-pajjiż,

G. billi rapporti mid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u minn ex-priġunieri tal-ħabs ta' Vakil Abad jallegaw li l-awtoritajiet ġudizzjarji Iranjani ordnaw it-tgħalliq ta' madwar mitt ħabsi,

H. billi huwa allegat li l-awtoritajiet tal-ħabs diġà wettqu 68 eżekuzzjoni nhar l-Erbgħa 18 ta' Awissu 2010 u jingħad li hemm madwar mitt ħabsi ieħor qed jistennew l-eżekuzzjoni tagħhom fil-jiem li ġejjin,

I.   billi n-natura kollettiva ta' dawn l-eżekuzzjonijiet, li barra minn hekk jiġu deċiżi bl-ikbar segretezza, tikser b'mod evidenti l-liġijiet internazzjonali,

1.  Jikkundanna l-verdett ta' eżekuzzjoni permezz ta' tħaġġir ta' Sakineh Mohammadi Ashtiani u jitlob li din il-mara tinħeles immedjatament;

2.  Jikkundanna bl-istess mod l-arrest ta' u l-verdett kontra Zahra Bahrami u jitlob li din tinħeles immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet;

3.  Jappoġġa tal-għexieren ta' eluf ta' Iranjani li jkomplu jirriskjaw il-karrieri professjonali tagħhom u ħajjithom billi jitolbu iktar libertajiet u drittijiet demokratiċi fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran;

4.  Jikkundanna għal kollox l-attakki sistematiċi u brutali kontra dimostranti paċifiċi u kritiċi tal-gvern min-naħa tal-forzi tas-sigurtà, kif ukoll l-għeluq ta' gazzetti u l-għeluq furzat tal-uffiċċji tal-organizzazzjonijiet tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jikkundanna l-isforzi magħmula mill-awtoritajiet Iranjani biex tiġi ċċensurata l-istampa kritika, biex jiġu mxekkla r-radju u t-televiżjoni u biex jiġi bblukkat l-Internet; jikkritika sew il-kumpaniji internazzjonali, u b'mod partikolari Nokia Siemens, talli pprovdew lill-awtoritajiet Iranjani bit-teknoloġija neċessarja għaċ-ċensura u għas-sorveljanza, biex b'hekk kienu strumentali għall-faċilitazzjoni tal-persekuzzjoni u tal-arresti tad-dissidenti Iranjani;

6.  Jitlob lill-awtoritajiet Iranjani biex jeħilsu immedjatament lil dawk kollha detenuti talli eżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda tagħhom, u biex jinvestigaw u jipproċessaw l-uffiċjali tal-gvern u l-membri tal-forzi tas-sigurtà responsabbli għall-qtil, l-abbuż u t-tortura ta' membri tal-familja ta' dissidenti, dimostranti u detenuti;

7.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-abolizzjoni universali tal-piena kapitali u jitlob għal darb'oħra lill-istanzi ġudizzjarji Iranjani biex jinstawraw moratorja dwar il-piena kapitali u biex jipprojbixxu mingħajr ambigwità l-eżekuzzjonijiet għal adulterju, bi qbil mal-liġi internazzjonali;

8.  Itenni bl-istess mod l-impenn tiegħu favur il-valuri tal-lajċità u jenfasizza l-fatt li l-fużjoni bejn l-Istat u r-reliġjon tipperikola l-libertajiet fundamentali, partikolarment il-libertajiet tan-nisa, billi toħloq rabta bejn id-dnub u d-delitt;

9.  Jitlob lill-awtoritajiet Iranjani biex jeliminaw il-liġi dwar it-tħaġġir bi qbil mal-impenji internazzjonali tagħhom;

10. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex iwaqqfu immedjatament il-prattika li jsiru proċessi ta’ nies biex isir eżempju minnhom li jixxandru fuq it-televiżjoni, u jitlob lill-parlament Iranjan biex jemenda dawk l-elementi fil-liġi Iranjana li jippermettu lill-gvern li jiċħad id-dritt għal proċess kif jixraq, bħal pereżempju l-aċċess tal-imputati għal rappreżentazzjoni legali adegwata;

11. Jagħi istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Kummissjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll lill-gvern u lill-garlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.