Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0079/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0079/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Magreb, speċjalment fit-Tuneżija

24.1.2011

biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Tokia Saïfi, Ernst Strasser, Michael Gahler f'isem il-Grupp PPE-DE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0078/2011

Proċedura : 2011/2517(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0079/2011
Testi mressqa :
B7-0079/2011
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0079/11

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Magreb, speċjalment fit-Tuneżija

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija[1],

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u t-Tuneżija tal-11 ta' Mejju 2010 ,

–   wara li kkkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tal-10 ta' Jannar[2] u tas-17 ta' Jannar 2011[3] mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Catherine Ashton u l-Kummissarju tal-Ewropew għat-Tkabbir Štefan Füle,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi protesti soċjali u politiċi spontanji fit-Tuneżija, li bdew f'Diċembru tal-2010 u li oriġinarjament iffukaw fuq il-qgħad, iż-żieda fil-prezzijiet u l-kundizzjonijiet soċjali, bdew jinxterrdu u jżidu fis-saħħa f'Jannar tal-2011, u minn tmiem il-ġimgħa tat-8 u d-9 ta' Jannar wasslu għal kunflitti vjolenti b'għadd ta' vittmi u ġegħlu lill-president Ben Ali jaħrab f'eżilju, fl-14 ta' Jannar,

B.  billi l-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati ħa t-tmexxija tal-presidenza interim f'idejh u l-Prim Ministru fil-kariga ifforma gvern interim,

C. billi l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari demokratiċi huma mistennija jsiru fit-Tuneżija matul is-sitt xhur li ġejjin,

D. billi t-Tuneżija u l-UE ilhom marbutin bi Ftehim ta' Assoċjazzjoni mill-1998, u l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jistipula li l-politiki domestiċi u internazzjonali tal-partijiet kontraenti għandhom jiġu ggwidati mir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u minn prinċipji demokratiċi,

E.  billi t-Tuneżija u l-UE qegħdin fi proċess li jifformolaw il-Pjan ta' Azzjoni għall-perjodu 2011-2016 u l-UE qed tikkunsidra li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha mat-Tuneżija permezz tal-għoti ta' status avvanzat,

F.  billi pajjiżi oħra fir-reġjun esperjenzaw għadd ta' protesti f'dawn l-aħħar ġimgħat, li bdew f' Jannar 2011; li diġà kkaġunaw diversi mwiet u li fihom indarbu xi nies ukoll,

1.  Jafferma mill-ġdid is-solidarjetà tiegħu mat-Tuneżija u mall-pajjiżi l-oħra fir-reġjun u mal-popli tagħhom u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji u l-ħbieb tal-vittmi tal-kunflitti vjolenti; jisħaq li se jibqa' impenjat biex isostni lil dawn il-pajjiż fi triqthom lejn id-demokrazija, l-istabbiltà u s-sigurtà;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet tat-Tuneżija juru moderazzjoni u jinfurzaw il-liġi u l-ordni u jindirizzaw il-problemi soċjoekonomiċi serji; jistieden lill-atturi kollha involuti jwaqqfu immedjatament il-vjolenza fil-pajjiż;

3.  Jistieden lill-gvern interim Tuneżin jiżgura inkjesta indipendenti fuq l-inċidenti ta' mwiet u użu eċċessiv ta' vjolenza waqt dawn l-aħħar ġimgħat u fuq il-korruzzjoni, u biex wara ssir ġustizzja minn dawk responsabbli;

4.  Iħeġġeġ lill-gvern interim Tuneżin jiggarantixxi l-organizzazzjoni ta' proċess elettorali demokratiku ġenwin;

5.  Jilqa' l-impenn tal-gvern interim li jirtira l-projbizzjoni fuq il-partiti politiċi u jikkonċedi amnestija lill-priġunieri politiċi kollha. jistieden lill-gvern iwettaq dawn l-impenji mingħajr dewmien; jenfasizza, madanakollu, li l-appell ġenwin għad-demokrazija għall-poplu Tuneżin ma għandux jinħataf għall-iskopijiet ta' estremisti u ta' movimenti radikali;

6.  Jilqa' t-tendenza favur aktar libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni u favur il-pluralità tal-midja kif ukoll ir-rieda ċara tal-gvern interim li jippermetti l-pluralità tal-partijiet politiċi u tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi jikkunsidra li dawn l-elementi jirrappreżentaw pass fid-direzzjoni t-tjaba u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex dawn l-aħħar żviluppi jkunu riflessi fil-Pjan ta' Azzjoni 2011-2016 bejn l-UE u t-Tuneżija u fin-negozjati għall-ksib ta' status avvanzat għat-Tuneżija;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-istrumenti finanzjarji tagħha (l-istrument ta' stabbiltà, l-ENPI u l-EIDHR) sabiex tgħin il-pajjiż jipprepara u jorganizza l-proċess elettorali u joħloq trażizzjoni paċifika u demokratika; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-oppożizzjoni sabiex tkun tista' tipparteċipa fix-xena politika, speċjalment fid-dawl tal-elezzjonijiet li ġejjin;

8.  Jenfasizza d-determinazzjoni tiegħu li jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni paċifika lejn elezzjonijiet demokratiċi u liberi billi jibgħat delegazzjoni ta' monitoraġġ ad hoc;

9.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President issostni l-proċess elettorali li ġej billi tibgħat missjoni ta' osservazzjoni elettorali;

10. Jistieden lill-awtoritajiet tal-pajjiżi jiżguraw ir-rispett għal-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni u jinsab imħasseb dwar il-mod kif id-dimostrazzjonijiet ġew ripressi; jitlob lill-gvern iħalli l-NGOs u speċjalment l-assoċjazzjonijiet li jiddefendu d-Drittijiet tal-Bniedem jaħdmu fil-pajjiż

11. Jikkunsidra li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt fil-pajjiżi tar-reġjun huma kriterji fundamentali biex tingħata risposta għall-aspettattivi tal-popli fir-reġjun u biex jiġi attirat l-investiment barrani;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri, lill-gvern interim tar-Repubblika tat-Tuneżija u lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-Unjoni għall-Mediterran.