Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0111/2011/REV1Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0111/2011/REV1

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istat tad-dritt fir-Russja

9.2.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Eva-Britt Svensson, Helmut Scholz f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2011/2515(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0111/2011
Testi mressqa :
B7-0111/2011
Testi adottati :

B7‑0111/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istat tad-dritt fir-Russja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa, li daħal fis-seħħ fl-1997 u li ġie estiż fl-istennija li jkun hemm ftehim ġdid,

–   wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa għal ftehim ġdid li jipprovdi qafas konprensiv ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Jedd u r-Responsabilità tal-Individwi, Gruppi u Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jipproteġu l-Jeddijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali Universalment Rikonoxxuti,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Human Rights Watch tistqarr fir-rapport dinji tagħha tal-2011 li: ‘ Ir-Russja wriet iktar disponibilità għall-kooperazzjoni internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, iżda l-klima ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż għadha negattiva sew. Il-kummenti retoriċi tal-President Dmitry Medvedev dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt ma ġewx sostnuti b’passi konkreti li jappoġġaw is-soċjetà ċivili. Is-sena 2010 ġabet magħha attakki ġodda fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u dawk li kkommettew ir-reat ta’ qtil sfaċċat matul is-sena ta' qabel ma ġewx ikkastigati',

B.  billi anki Valerii Zorkin, President tal-Qorti Kostituzzjonali Russa, innota li "kuxjenza legali vera u r-rispett għal-liġi għadha ma ġietx integrata f'sistema ta’ valuri ġeneralment aċċettata anki fost bosta karigi pubbliċi li spiss jemmnu li l-interess tal-istat u tal-impriżi li huma proprjetà tal-istat għandu skont id-definizzjoni jegħleb l-interess taċ-ċittadini ordinarji",

C. billi għadd ta’ każijiet li ġibdu attenzjoni kbira, bħalma huma t-tieni proċess tal-qorti ta’ M. Khodorkovsky u P. Lebedev, il-proċedimenti kontra l-maniġers u l-avukati tal-HSBC/Hermitage, l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ A. Politkovskaya, u l-prosekuzzjoni ta’ Y. Samodurov u t-tkeċċija tal-Imħallef Kudeshkina u diversi imħallfin oħra, iqajmu tħassib dwar id-deterjorament tal-istat tad-dritt fir-Russja,

D. billi l-Kunsill tal-Ewropa kkritika l-fatt li l-imħallfin huma soġġetti għal livell dejjem ikbar ta’ pressjoni immirata sabiex tkun żgurata l-kundanna fi kważi l-każijiet kollha imressqa quddiem il-qorti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur; billi l-avukati għadhom soġġetti għal tfittxijiet u sekwestri kif ukoll forom oħra ta’ pressjoni bi ksur tal-liġi Russa u l-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa,

E.  billi qrib it-30% tal-każijiet li bħalissa qed jistennew l-attenzjoni mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jikkonċernaw ir-Russja, ferm aktar milli għal kull pajjiż ieħor; billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat aktar minn 150 sentenza li fihom sabet lir-Russja responsabbli għal vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċeċnija; billi r-Russja għadha qed tħallas il-kumpens monetarju meħtieġ lill-vittmi iżda tonqos li timplimenta b’mod sinifikattiv il-qalba tas-sentenzi, b'mod partikolari t-twettiq ta' investigazzjonijiet effettivi u li min wettaq dawn ir-reati jinżamm responsabbli,

F.  billi r-Russja niżlet għall-154 post (minn total ta’ 178) fil-klassifika tal-pajjiżi ta’ Transparency International f’dik li hi l-korruzzjoni perċepita tal-uffiċjali pubbliċi tagħhom (inklużi l-pulizija u l-imħallfin),

G. billi, minkejja d-dikjarazzjonijiet ripetuti tal-Kremlin dwar l-importanza ta' kondizzjonijiet normali tax-xogħol għall-NGOs, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għadhom esposti għal fastidju u attakki, u dawk li jaħdmu biex itemmu l-impunità fil-Kawkasu tat-Tramuntana huma dawk li l-aktar li jħabbtu wiċċhom ma’ dan ir-riskju,

H. billi l-NGOs u l-midja għadhom vulnerabbli għal leġiżlazzjoni antiestremista mhux ċara; billi f'Lulju 2010 ġew adottati dispożizzjonijiet ġodda għal-liġi dwar is-Servizz tas-Sigurtà Federali (FSB) li jippermettu lill-FSB joħroġ twissijiet lill-individwi, lill-organizzazzjonijiet, u liċ-ċentri tal-mezzi tax-xandir; billi t-twissijiet jirrikjedu li l-individwi jew l-organizzazzjonijiet iwaqqfu l-attivitajiet tagħhom meqjusa mill-FSB bħala realment jew potenzjalment estremisti,

I.   billi hemm għadd dejjem akbar ta' każijiet ta’ restrizzjonijiet arbitrarji tad-dritt għal-libertà tal-għaqda, u l-kundanni dejjem aktar ħarxa li l-protestanti paċifiċi qed ikunu suġġetti għalihom mill-awtoritajiet; billi matul l-2010, il-pulizija kompliet tisparpalja, kultant b’mod vjolenti, il-manifestazzjonijiet pubbliċi li seħħew fil-bliet il-kbar fil-wieħed u tletin jum ta' kull xahar b’appoġġ għall-Artikolu 31 tal-kostituzzjoni, li jiggarantixxi l-libertà tal-għaqda; billi l-organizzaturi ta’ dimostrazzjonijiet ta' spiss iħabbtu wiċċhom ma’ fastidju u intimidazzjoni, inkluż minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u minn membri ta' organizzazzjonijiet favur il-gvern,

J.   billi ħaddiema migranti fir-Russja jħabbtu wiċċhom ma’ abbużi li jinkludu l-konfiska ta’ passaporti, iċ-ċaħda ta' kuntratti, in-nuqqas ta' ħlas jew dewmien fil-ħlas tal-pagi kif ukoll kundizzjonijiet perikolużi tax-xogħol; billi l-bidliet leġiżlattivi adottati f’Mejju jorbtu lill-ħaddiema barranin ma’ min iħaddimhom ħafna iżjed minn qabel u dan jista’ jaqta’ qalb ħaddiem milli jitlaq lil impjegatur abbużiv; billi din is-sitwazzjoni hija partikolarment inkwetanti fil-kuntest tal-proġetti ta’ kostruzzjoni fuq skala kbira meħtieġa biex ir-Russja tospita l-Logħob Olimpiku tax-Xitwa tal-2014 f’Sochi,

1.  Jenfasizza li l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma importanti għall-istabilità fir-reġjun; hu tal-fehma li l-UE u r-Russja bħall-pajjiżi l-oħra kollha jridu jaħdmu b'mod attiv sabiex jiggarantixxu dawn il-prinċipji għaċ-ċittadini kollha tagħhom; jinsisti li dan huwa kriterji importanti għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja;

2.  Jenfasizza għal darb'oħra li d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu fil-qalba tal-ftehim ta’ qafas komprensiv ġdid mal-Federazzjoni Russa, fir-rigward, b'mod partikolari, tad-definizzjoni u l-inklużjoni ta' klawsola effettiva u operazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

3.  Itenni l-appell tiegħu għall-intensifikazzjoni tad-Djalogu UE-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-istat tad-dritt u li dan il-proċess jinfetaħ għal kontribut effettiv mill-Parlament Ewropew u mid-Duma tal-Istat, mis-soċjetà ċivili, mill-NGOs u mill- organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

4.  Jenfasizza l-importanza fundamentali, għall-istat tad-dritt u l-protezzjoni tal-libertà tal-individwu, tal-ħarsien tas-sistemi tal-ġustizzja kriminali madwar l-Ewropa kollha minn interferenzi motivati politikament; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-każijiet fejn ir-Russja naqset milli tiggarantixxi dan il-prinċipju; jenfasizza li l-ebda referenza għall-uniċità iddikjarata tal-wirt storiku, tat-tradizzjonijiet ġudizzjarji jew ta’ governanza tal-pajjiż ma jistgħu jintużaw bħala pretest biex ikunu injorati jew, jerġa’ agħar, biex jiġu abbużati normi legali u demokratiċi internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-bniedem;

5.  Jesprimi s-simpatija u s-solidarjetà tiegħu mal-ħbieb u l-familji tal-vittmi kollha tal-isplużjoni ta’ bomba li seħħet dan l-aħħar fl-Ajruport Domodedovo ġewwa Moska u attakki oħra fuq il-popolazzjoni ċivili tal-Federazzjoni Russa; jenfasizza li l-ġlieda kontra azzjonijiet terroristiċi bħal dawn m'għandhiex twassal għal restrizzjoni akbar tad-drittijiet ċivili fundamentali; f'dan ir-rigward huwa serjament mħasseb dwar l-ambitu ta' azzjoni ġdid għall-FSB;

6.  Jesprimi t-tħassib l-aktar profond tiegħu għall-qawmien mill-ġdid tal-vjolenza u tal-atti ta' terroriżmu fil-Federazzjoni Russa, u speċjalment fil-Kawkasu tat-Tramuntana; jitlob, minn naħa, għat-tmiem ta’ dawn l-atti terroristiċi u, min-naħa l-oħra, jistieden lill-awtoritajiet Russi jtemmu l-klima ta' impunità li hi mifruxa ma’ kullimkien fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u n-nuqqas tal-istat tad-dritt f'dak ir-reġjun;

7.  Jistieden lir-Russja tirrispetta għalkollox l-obbligi tagħha bħala membru tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa, inkluż ir-rispett għad-dritt ta' assoċjazzjoni u d-dritt ta’ dimostrazzjonijiet paċifiċi;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Russi jtemmu l-impunità li għaddejja bħalissa u li hi mifruxa ma’ kullimkien fir-rigward tal-vjolenza kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jipproteġu u jiggarantixxu l-integrità fiżika tagħhom f'konformità mal-istrumenti internazzjonali u reġjonali relevanti tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden b'mod partikolari lill-awtoritajiet Russi jadottaw miżuri ta' protezzjoni preventivi fir-rigward tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem bħalma hu l-ftuħ ta’ investigazzjonijiet hekk kif ikun magħruf mill-prosekutur u mis-sistema ġudizzjarja li hemm theddid li d-difensuri jkunu qed iħabbtu wiċċhom miegħu;

9.  Jirrikjedi, fil-każ tal-kundanni mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kontra l-Federazzjoni Russa, it-tkomplija ta' investigazzjonijiet mill-awtoritajiet Russi u r-rieżami tas-sistemi legali sabiex jiġi evitat li jsiru aktar vjolazzjonijiet tal-liġi internazzjonali;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-OSKE u lill-Kunsill tal-Ewropa.