Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0120/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0120/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Eġittu

10.2.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Ioannis Kasoulides, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Monica Luisa Macovei, Tokia Saïfi, Mario Mauro, Simon Busuttil, Vito Bonsignore, Joachim Zeller, Filip Kaczmarek, Elena Băsescu, Inese Vaidere, Michael Gahler, Alf Svensson f'isem il-Grupp PPE-DE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0120/2011

Proċedura : 2011/2555(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0120/2011
Testi mressqa :
B7-0120/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0120/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Eġittu

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu,

–   wara li kkunsidra l-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni f’pajjiżi terzi, kif adottata mill-Kunsill f’Diċembru 2005,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2006 dwar il-klawsola tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-ftehimiet tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Diċembru 2006 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (COM(2006)0726),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Implementation of the European Neighbourhood Policy in 2009: progress report on Egypt” (COM(2010)0207 - SEC(2010)0517),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Unjoni Ewropea-Eġittu tal-2004 u l-Pjan ta’ Azzjoni, li sar qbil dwaru fl-2007,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2010 dwar il-politiki tal-UE favur id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 dwar l-Eġittu u r-reġjun,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula minn Catherine Ashton, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u dwar il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu fl-4 ta’ Frar 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-dimostrazzjonijiet reċenti f’bosta pajjiżi Għarab fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani sejħu għal riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali u esprimew talba popolari qawwija għal-libertà, id-demokrazija u kundizzjonijiet ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini,

B.  billi mill-25 ta’ Jannar protesti paċifiċi kontinwi kontra r-reġim Eġizzjan ġew milqugħa b'ripressjoni vjolenti mill-pulizija bl-użu ta’ gass tad-dmugħ, kanuni li jisparaw l-ilma, balal tal-lastiku kif ukoll balal ta’ veru li rriżultaw fil-mewt ta’ mijiet ta’ nies,

C. billi sussegwentement, il-pulizija rtirat iżda ħalliet inħawi skoperti, li ppermetta s-sakkeġġi u s-serq biex tagħmel il-punt li l-għażla hija bejn il-pulizija u l-kaos, u billi gangs u nies ta’ qattagħni li jappoġġaw lill-President Mubarak tħallew jaħbtu mad-dimostranti, li rriżulta fi mwiet u korrimenti,

D. billi biex wieħed jilqa’ t-talba għal-libertà u l-ġustizzja soċjali fl-Eġittu hemm bżonn ta’ djalogu serju u miftuħ bil-parteċipazzjoni tal-forzi politiċi kollha li jirrispettaw id-demokrazija, iżommu l-istat tad-dritt u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali,

E.  billi t-taħdidiet tal-gvern mal-oppożizzjoni huma pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda sa issa ma wasslux għall-ħolqien ta’ djalogu politiku nazzjonali totalment inklużiv,

F.  billi l-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-31 ta’ Jannar 2011, ikkonferma l-impenn tal-UE li takkumpanja, permezz ta’ ħidma bi sħab, il-proċess ta’ trasformazzjoni tal-Eġittu, billi timmobilizza, iġġedded u tadatta l-istrumenti eżistenti biex tappoġġa riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali, kif ukoll li l-UE tinsab lesta tassisti lill-poplu Eġizzjan f’dan il-proċess ta’ transformazzjoni, filwaqt li tqis żviluppi ulterjuri,

G. billi l-Unjoni Ewropea għad trid tiżviluppa politika barranija ġenwina li hija konsistenti u effettiva fil-konfront tas-sħab tagħha u fejn titkellem b’vuċi waħda soda; itenni s-sejħa tiegħu biex il-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni jkunu sistematikament imsaħħin minn mekkaniżmu biex dawn il-klawsoli jiġu implimentati; billi qed jikkunsidra f’dan il-kuntest ir-rieżami kontinwu u neċessarju tal-politika tal-viċinat,

H. billi l-Eġittu huwa sieħeb ewlieni fid-dinja Għahrbija, kemm għall-Iżrael u għall-Unjoni Ewropea, bi rwol attiv u kruċjali ta’ appoġġ għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani u fir-rikonċiljazzjoni inter-Palestinjana,

1.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Eġizzjan u l-appoġġ tiegħu għall-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi; jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza u l-forza sproporzjonata użata kontra d-dimostranti u jiddispjaċiħ b’mod profond dwar it-telf ta’ ħajja kunsiderevoli u l-ammont kbira ta’ korrimenti li rriżultaw; iwassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jitlob għal inkjesta indipendenti dwar l-inċidenti li wasslu għall-mewt, il-korrimenti u l-arresti, biex dawk responsabbli jiġu proċessati;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jwaqqfu immedjatament kull vjolenza ulterjuri; jenfasizza li l-vjolenza mhijiex soluzzjoni għall-ebda problema espressa mill-poplu Eġizzjan permezz tal-protesti tan-nies; ifakkar lill-awtoritajiet Eġizzjani u l-forzi tas-sigurtà fl-obbligu tagħhom li jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini kollha u tal-proprjetà tagħhom, kif ukoll biex iħarsu l-wirt kulturali;

3.  Jistieden lill-Awroritajiet Eġizzjani jwieġbu malajr għas-sejħiet fuq skala wiesgħa għal riformi demokratiċi, biex ineħħu l-istat ta’ emerġenza, jerġgħu jħaddmu n-netwerks ta’ komunikazzjoni, inkluż l-Internet, mingħajr dewmien u biex jirrispettaw bis-sħiħ il-libertà ta’ informazzjoni, espressjoni u assoċjazzjoni; jikkundanna l-intimidazzjoni u l-aggressjoni diretta lejn il-ġurnalisti, il-midja barranija u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li d-dimostranti paċifiċi, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jinħelsu immedjatament;

4.  Jistieden lill-Awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw tranżizzjoni paċifikċ, inkluż bil-ħolqien tal-kundizzjonijiet neċessarji għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti li jippermettu lill-forzi demokratiċi kollha jieħdu sehem fl-elezzjoni; jitlob, f’dan il-kuntest, għal djalogu politiku nazzjonali ġenwin, li jinkludi l-atturi politiċi ewlenin u dawk tas-soċjetà ċivili, sabiex ikollu leġittimità u biex jiġi żgurat l-appoġġ tal-poplu;

5.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jappoġġaw attivament tranżizzjoni rapida lejn Eġittu paċifiku, pluralista u ġust; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani attwali biex ma jkunux ostakolu għal tali tranżizzjoni;

6.  Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għal riformi favur id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-ġustizzja soċjali; jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-indipendenza tal-ġudikatura u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali fl-Eġittu, b’rispett speċjali lejn il-libertà tal-kuxjenza, ir-reliġjon, il-ħsieb, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa u l-midja, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, id-drittijiet tan-nisa u l-ħarsien tal-minoritajiet;

7.  Jinnota t-tħabbira tal-Gvern Eġizzjan tal-ħolqien ta’ tliet kumitati inkarigati bl-emenda tal-Kostituzzjoni, l-implimentazzjoni tal-ftehimiet milħuqa fi djalogu nazzjonali u l-investigazzjoni tal-iskontri li seħħew waqt il-protesti u r-riferiment tar-riżultati lill-prosekutur ġenerali; jenfasizza, madankollu, l-importanza li l-kumtati jaħdmu b’mod kemm jista’ jkun trasparenti u inklużiv, sabiex jilħqu konsensus nazzjonali dwar it-triq ’il quddiem;

8.  Jistieden, barra minn hekk, lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jgħaġġlu kunsiderevolemt riformi ekonomiċi u soċjali peress li l-libertà, l-iżvilupp ekonomiku u livell ta’ għajxien ogħla huma essenzjali għall-istabilità politika u soċjali fil-pajjiż;

9.  Jitlob li l-UE tagħti appoġġ sinifikanti u effiċjenti għall-bidla demokratika kif ukoll għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali fl-Eġittu, u f'pajjiżi ġirien oħra tan-Nofsinhar, billi jiġu mobilizzati, rieżaminati u adattati strumenti eżistenti tal-UE bil-għan li jiġu megħjuna r-riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali; jitlob lir-Rappreżentant Għoli/lill-Viċi president tal-Kummissjoni Ewropea biex juża b’mod aktar intensiv l-Istrument tal-UE għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem;

10. Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lill-partiti u l-fundazzjonijiet jgħinu l-oppożizzjoni demokratika, u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jorganizzaw ruħhom aħjar sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fit-tranżizzjoni għad-demokrazija;

11. Jenfasizza li l-avvenimenti fl-Eġittu, u f’pajjiżi oħra fir-reġjun, jirrilevaw mill-ġdid il-ħtieġa urġenti tal-iżvilupp ta’ politiki u strumenti aktar ambizzjużi u effiċjenti kif ukoll strumenti biex jinkoraġġixxu u jappoġġaw riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali fil-pajjiżi ġirien tan-Nofsinhar tal-UE; jenfasizza li r-Rieżami Strateġiku kontinwu tal-Politika Ewropea tal-Viċinat għandu jirrifletti żviluppi attwali fir-reġjun u għandu joħroġ b’metodi ġodda mtejba biex jissodisfa l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-popli;

12. Itenni t-talba tiegħu biex l-Unjoni Ewropea tirrivedi l-politika tagħha ta’ appoġġ demokratiku u favur id-drittijiet tal-bniedem sabiex toħloq mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni għall-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kollha ma’ pajjiżi terzi; jinsisti li l-eżami mill-ġdid tal-politika tal-viċinat irid jagħti prijorità lill-kriterji marbuta mal-indipendenza tal-ġudikatura, mar-rispett tal-libertajiet fundamentali, mal-pluraliżmu u l-libertà tal-istampa u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jitlob għal koordinazzjoni aħjar mal-politiki l-oħra tal-Unjoni fir-rigward ta’ dawn il-pajjiżi;

13. Jistieden lill-Unjoni għall-Mediterran tirrifletti u taġixxi urġentement dwar il-ġrajjiet reċenti sabiex tressaq proposti dwar kif l-aħjar tippromwovi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-istati membri tagħha u fir-reġjun u dwar ir-riformi possibbli sabiex isaħħaħ ir-rwol tagħha stess u tagħmlu aktar effiċjenti;

14. Iqis li l-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt f’pajjiżi terzi huma kriterji fundamentali biex jintlaqgħu l-aspettattivi tal-poplu kif ukoll biex jiġi attirat l-investiment estern; jenfasizza l-bżonn li każijiet suspettati ta’ korruzzjoni jiġu investigati u li dawk kollha risponsabbli jħallsu għal għemilhom;

15. Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-Eġittu fid-dinja Għarbija u l-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani u l-importanza tal-Ftehim ta’ Paċi mal-Iżrael; iħeġġeġ, f’dan il-kuntest, lill-Eġittu biex ikompli jimpenja ruħu għal u jassumi rwol attiv u kostruttiv bħala medjatur fl-isforzi kollha mmirati lejn is-sejba ta’ paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani, b'enfasi speċjali fuq il-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani u l-proċess tar-rikonċiljazzjoni Palestinjana;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran u lill-Gvern Eġizzjan.