Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0191/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0191/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-liġi tal-media fl-Ungerija

4.3.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Martin Schulz, Hannes Swoboda, Maria Badia i Cutchet, Claude Moraes, Juan Fernando López Aguilar, Csaba Sándor Tabajdi f'isem il-Grupp S&D
Renate Weber, Sophia in ’t Veld, Sonia Alfano, Alexander Alvaro, Louis Michel, Cecilia Wikström, Jens Rohde, Norica Nicolai, Sarah Ludford, Marielle De Sarnez, Alexander Graf Lambsdorff, Ramon Tremosa i Balcells, Charles Goerens, Marietje Schaake, Frédérique Ries, Gianni Vattimo f'isem il-Grupp ALDE
Daniel Cohn-Bendit, Rebecca Harms, Judith Sargentini, Helga Trüpel, Christian Engström, Hélène Flautre, Raül Romeva i Rueda, Eva Lichtenberger f'isem il-Grupp Verts/ALE
Lothar Bisky, Rui Tavares, Alf Svensson, Patrick Le Hyaric, Willy Meyer, Jürgen Klute, Marie-Christine Vergiat, Cornelia Ernst f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2011/2510(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0191/2011

B7‑0191/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-liġi tal-media fl-Ungerija

Il-Parlament Ewropew

–   wara li kkunsidra Artikoli 2, 3, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Artikoli 49, 56, 114, 167 u 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) dwar ir-rispett u l-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, partikolarment il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni u d-dritt għall-pluralizmu tal-media,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva – DSMA)[1],

–   wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar il-Libertà tal-Istampa tal-25 ta' Mejju 2009, id-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni dwar il-pluraliżmu tal-media fl-Istati Membri tal-UE (SEC(2007)0032), għall-'metodu fi tliet stadji dwar il-pluraliżmu fil-media' definit mill-Kummissjoni, u għall-istudju indipendenti li sar f'isem il-Kummissjoni u ntemm fl-2009,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-22 ta' April 2004 dwar ir-riskji tal-vjolazzjoni tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni fl-Unjoni Ewropea u partikolarment fl-Italja[2], tal-25 ta' Settembru 2008 dwar il-konċentrazzjoni u l-pluraliżmu fil-media fl-Unjoni Ewropea[3], u fis-7 ta' Settembru 2010 dwar il-ġurnaliżmu u l-media l-ġdida – il-ħolqien ta' sfera pubblika fl-Ewropa,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni, il-mistoqsijiet parlamentari mressqa u d-dibattiti li saru fil-Parlament Ewropew fit-8 ta' Ottubru 2009, dwar il-libertà tal-informazzjoni fl-Italja, u fit-8 ta' Settembru 2010, u d-diskussjonijiet li saru fil-laqgħa konġunta tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (il-Kumitat LIBE) u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (il-Kumitat CULT) fis-17 ta' Jannar 2011 dwar il-liġi tal-media Ungeriża,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kumitat LIBE li l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tintalab toħroġ rapport komparattiv annwali fuq is-sitwazzjoni dwar il-libertà tal-media, il-pluraliżmu u l-governanza indipendenti fl-Istati Membri tal-UE, inklużi indikaturi,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, partikolarment Artikoli 5(2), 7, u 11 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni Ewropea hija mibnija fuq il-valuri tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, kif jistipola l-Artikolu 2 tat-TUE, u konsegwentement tiggarantixxi u tippromwovi l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 10 tal-KEDB, u tirrikonoxxi l-valur legali tad-drittijiet, ial-libertajiet u il-prinċipji kif tistqarrhom il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li tat prova tagħhom ukoll bl-adeżjoni tagħha fil-KEDB, li għaliha l-libertà tal-media u l-pluraliżmu huma prerekwiżiti fundamentali, u billi dawn id-drittijiet jinkludu l-libertà li wieħed jesprimi fehmietu u l-libertà li wieħed jirċievi u jikkomunika l-informazzjoni mingħajr ma l-awtoritajiet pubbliċi jikkontrollawh, ifixkluh jew jagħfsuh,

B.  billi l-pluraliżmu tal-media u l-libertà jibqgħu kwistjonijiet ta' tħassib serju f'għajnejn l-UE u l-Istati Membri, l-aktar fl-Italja, fil-Bulgarija, fir-Rumanija, fir-Repubblika Ċeka u fl-Estonja, kif uriet biċ-ċar il-kritika reċenti fuq il-liġi tal-media u t-tibdiliet kostituzzjonali maħruġa fl-Ungerija bejn Ġunju u Diċembru 2010 li tkellmu fuqhom organizzazzjonijiet internazzjonali, bħalma huma l-OSKE u l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, minn għadd kbir ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u nazzjonali ta' ġurnalisti, edituri u pubblikaturi, organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili, u Stati Membri u l-Kummissjoni,

C. billi l-Kummissjoni wriet xi tħassib u talbet tagħrif mill-Gvern Ungeriż dwar il-konformità tal-liġi tal-media Ungeriża mad-DSMA u mal-acquis communautaire ġenerali, l-aktar għal dak li għandu x'jaqsam mal-obbligu ta' rappurtar bilanċjat applikabbli għal dawk kollha li jipprovdu servizzi tal-media awdjoviżiva, u wkoll qajmet dubju dwar jekk dik il-liġi qagħditx mal-prinċipju tal-proporzjonalità u jekk irrispettatx id-dritt fundamentali għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni minqux fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini u r-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni, u billi l-Gvern Ungeriż wieġeb billi ta aktar tagħrif u billi beda l-proċess tal-emendar tal-liġi biex jindirizza l-punti li qajmet il-Kummissjoni,

D. billi l-OSKE esprimiet tħassib serju dwar l-ambitu tal-liġijiet Ungeriżi (ambiti materjali u territorjali), il-libertà tal-espressjoni u r-regolazzjoni tal-kontenut, il-ħatra ta' persuna waħda responsabbli mill-media nazzjonali u mill-awtorità tat-telekomunikazzjoni, il-konformità mal-prinċipji li jirregolaw ix-xandir ta' servizz pubbliku, filwaqt li indikat li l-leġiżlazzjoni l-ġdida dgħajfet il-pluraliżmu tal-media, neħħiet l-indipendenza politika u finanzjarja tal-media ta' servizz pubbliku u kkonsolidat il-fatturi negattivi għall-media ħielsa fuq tul ta' żmien, u li l-Awtorità tal-Media u l-Kunsill tal-Media kienu poltikament omoġenji u eżerċitaw kontroll politiku u governattiv pervażiv u ċentralizzat fuq il-media kollha; billi aktar tħassib inkluda l-pieni sproporzjonati u estremi imposti b'raġunijiet dibattibbli u mhux definiti, in-nuqqas ta' proċedura ta' sospensjoni awtomatika tal-pieni f'każ ta' rikors lill-qrati kontra deċiżjoni tal-Awtorità tal-Media, il-vjolazzjoni tal-prinċipju tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ġurnalistiċi u l-protezzjoni tal-valuri tal-familja,

E.  billi jikkondividi l-preokkupazzjonijiet serji li esprimiet l-OSKE dwar il-kompożizzjoni politikament omoġenja tal-Awtorità tal-Media u l-Kunsill tal-Media, il-qafas taż-żmien, it-tħaddim ta' kontroll politiku u governattiv pervażiv u ċentralizzat fuq il-media kollha, il-fatt li l-fatturi l-iktar problematiċi tal-leġiżlazzjoni jmorru kontra l-OSKE u l-istandards internazzjonali dwar il-libertà tal-espressjoni, pereżempju permezz tas-soppressjoni tal-indipendenza politika u finanzjarja tal-media ta' servizz pubbliku, l-ambitu tar-regolazzjoni (materjali u territorjali), u d-deċiżjoni li termini ewlenin jibqgħu mhux definiti, b'tali mod li l-ġurnalisti jsibuha impossibbli li jagħrfu meta jkunu qed jiksru l-liġi,

F.  billi l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa stieden l-awtoritajiet Ungeriżi biex, meta jkunu qed jirrevedu l-liġi tal-media, iqisu l-istandards tal-libertà tal-espressjoni u tal-pluraliżmu tal-media tal-Kunsill tal-Ewropa, ir-rakkomandazzjonijiet relevanti tal-Kumitat tal-Ministri u tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, u, partikolarment, l-istandards obbligatorji tal-KEDB u l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; billi rrefera għall-użu ta' definizzjonijiet mhux ċari li huma miftuħa għall-miżinterpretazzjoni, għat-twaqqif ta' makkinarju regolatorju li huwa politikament żbilanċat b'poteri sproporzjonati u li mhuwiex suġġett bis-sħiħ għas-superviżjoni ġudizzjarja, għat-theddid lejn l-indipendenza tal-media tas-servizz pubbliku, u għat-tħassir tal-protezzjoni tas-sorsi tal-ġurnalisti; billi enfasizza wkoll il-ħtieġa li l-persuni kollha interessati, inklużi l-partiti tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili, ikunu jistgħu jieħdu sehem b'mod sinifikanti fir-reviżjoni ta' din il-leġiżlazzjoni, li tirregola aspett daqstant fundamentali għat-tħaddim ta' soċjetà demokratika[4]

G. billi, fit-tieni opinjoni maħruġa fil-25 ta' Frar 2011, il-Kummissajru għad-Drittijiet tal-Bniedem jirrakkomanda 'reviżjoni sħiħa' tal-pakkett Ungeriż tal-liġi tal-media, bil-ħsieb, inter alia, li terġa' tiddaħħal leġiżlazzjoni preċiża li tippromwovi media pluralista u indipendenti, u ssaħħaħ il-garanziji li l-mekkaniżmi regulatorji tal-media jkunu indipendenti mill-influwenza politika[5]; billi jkompli jiddikjara li l-media fl-Ungerija trid tkun kapaċi twettaq ir-rwol tagħha bħala għassiesa f'soċjetà demokratika pluralista u li, sabiex dan twettqu, l-Ungerija għandha timxi bl-impenji tagħha bħala Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tuża kemm tiflaħ l-għarfien espert ta' dik l-organizzazzjoni fl-oqsma tal-libertà tal-espressjoni u tal-indipendenza tal-media u l-pluraliżmu,

H. billi l-liġi tal-media Ungeriża għandha tiġi konsegwentement sospiża b'urġenza u rreveduta skont il-kummenti u l-proposti tal-Kummissjoni, tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa, sabiex ikun żgurat li hija tiġi taqbel perfettament mal-liġi tal-UE u mal-valuri u l-istandards Ewropej għal dak li għandu x'jaqsam mal-libertà tal-media, il-pluraliżmu u l-governanza indipendenti tal-media,

I.   billi, minkejja li l-Parlament ripetutement tenna l-istediniet tiegħu biex issir direttiva fuq il-libertà tal-media, il-pluraliżmu u l-governanza indipendenti, il-Kummissjoni sal-lum iddawret fuq il-proposta, li issa saret dejjem iktar meħtieġa u urġenti,

J.   billi l-kriterji ta' Kopenħagen għas-sħubija fl-UE rigward il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni, kif stabbiliti fil-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen f'Ġunju 1993, għandhom jinżammu mill-Istati Membri kollha tal-UE u jkunu infurzati b'leġiżlazzjoni relevanti tal-UE,

K. billi, fil-paragrafi 45 u 46 tal-ġudizzju tagħha fil-kawżi konġunti C-39/05 P u C-52/05 P, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-aċċess għall-informazzjoni jippermetti li ċ-ċittadini jieħdu sehem aktar mill-qrib fil-proċess deċiżjonali, u jiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi minn leġittimità ikbar u tkun iktar effettiva u iktar responsabbli lejn iċ-ċittadin f'sistema demokratika, u li huwa 'prekondizzjoni għat-tħaddim tad-drittijiet demokratiċi taċ-ċittadini',

1.  Jistieden lill-awtoritajiet Ungeriżi jreġġgħu għal li kienet l-indipendenza tal-governanza tal-media u jwaqqfu l-interferenza mill-istat fuq il-libertà tal-espressjoni u 'r-rappurtar bilanċjat', u jemmen li regolazzjoni żejda fuq il-media hija kontroproduttiva, u tipperikola l-pluraliżmu effettiv fl-isfera pubblika;

2.  Jilqa' l-kooperazzjoni tal-Kummissjoni mal-awtoritajiet Ungeriżi biex iġibu l-liġi Ungeriża tal-media f'konformità mat-Trattati u l-liġi tal-UE, u l-bidu tal-proċess tal-emendar fuq livell nazzjonali;

3.  Jiddeplora d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tolqot tliet punti biss marbutin mal-implimentazzjoni tal-acquis communautaire mill-Ungerija u n-nuqqas ta' kwalunkwe referenza għall-Artikolu 30 tad-DSMA, li b'effett tagħha tillimita l-kompetenza tal-Kummissjoni stess biex tifli kemm l-Ungerija tkun konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta tiġi biex timplimenta l-liġi tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex teżamina l-konformità tal-Ungerija mal-arranġamenti ta' responsabbiltà stipulati fid-Direttiva 2000/31/KE dwar il-kummerċ elettroniku u t-traspożizzjoni tal-Ungerija tad-deċiżjonijiet ta' qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (2008/913/ĠAI) u dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (2008/919/ĠAI), li tinkludi referenzi għal-libertà tal-espressjoni u tidwir mar-regoli tal-libertà tal-media;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli s-sorveljanza mill-qrib u l-valutazzjoni tal-konformità tal-liġi tal-media Ungeriża kif emendata skont il-leġiżlazzjoni Ewropea, b'mod partikolari mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Ungeriżi biex jinvolvu lil dawk kollha li għandhom x'jaqsmu mar-reviżjoni tal-liġi tal-media u dik tal-Kostituzzjoni, li hija l-bażi ta' soċjetà demokratika mibnija fuq l-istat tad-dritt, b'kontrolli xierqa u b'bilanċi li jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali tal-minoranza kontra r-riskju tat-tirannija tal-maġġoranza;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni, skont l-Artikolu 265 tat-TFUE, billi qabel tmiem is-sena tipproponi inizjattiva leġiżlattiva skont l-Artikolu 225 tat-TFUE dwar il-libertà tal-media, il-pluraliżmu u l-governanza indipendenti, biex b'hekk tegħleb l-inadegwatezzi tal-qafas leġiżlattiv tal-UE fuq il-media, billi tuża l-kompetenzi tagħha fl-oqsma tas-suq intern, il-politika awdjoviżiva, il-kompetizzjoni, it-telekomunikazzjonijiet, is-sussidji mill-Istat, l-obbligi ta' servizz pubbliku u d-drittijiet fundamentali ta' kull persuna residenti fit-territorju tal-UE, bil-ħsieb li tiddefinixxi tal-anqas l-istandards minimi essenzjali li l-Istati Membri kollha għandhom jilħqu u jirrispettaw fil-leġiżlazzjoni nazzjonali biex jiżguraw, jiggarantixxu u jippromwovu l-libertà tal-informazzjoni u livell xieraq ta' pluraliżmu tal-media u governanza indipendenti tal-media;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Unġeriżi biex ikomplu jirrevedu l-liġi tal-media skont il-kummenti u l-proposti tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni, l-OSKE u l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri u tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, u l-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u f'każ li jsibu li ma taqbilx mal-ittra jew mal-ispirtu tat-Trattati jew mal-liġi tal-UE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jew il-KEDB, jirrevokaw il-liġi u ma japplikawhiex jew ma japplikawx dawk l-elementi tagħha li jinstab li jkunu inkompatibbli;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Aġenzija għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-OSKE.