Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0387/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0387/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Kostituzzjoni Ungeriża Riveduta

29.6.2011

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B7‑0316/2011 u O‑000110/2011
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0379/2011

Proċedura : 2011/2655(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0387/2011
Testi mressqa :
B7-0387/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0387/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kostituzzjoni Ungeriża Riveduta

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Artikoli 49, 56, 114, 167 u 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), relatati mar-rispett għad-drittijiet fundamentali u mal-protezzjoni u l-promozzjoni tagħhom,

–   wara li kkunsidra l-kostituzzjoni l-ġdida tal-Ungerija, adottata fit-18 ta' April 2011 mill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Ungeriża u ffirmata mill-President tal-Ungerija fil-25 ta' April 2011, li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2012 (minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘il-Kostituzzjoni’),

–   wara li kkunsidra l-Opinjonijiet Nru CDL(2011)001 u CDL(2011)016 tal-Kummissjoni ta' Venezja għad-Demokrazija permezz tal-Liġi tal-Kunsill tal-Ewropa, rispettivament dwar tliet kwestjonijiet legali li tqajmu fil-proċess tal-abbozzar tal-kostituzzjoni l-ġdida tal-Ungerija u dwar il-kostituzzjoni l-ġdida tal-Ungerija,

–   wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni nru 12490 imressqa fil-25 ta' Jannar 2011 fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ‘Ostakli serji fl-oqsma tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ungerija’,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni nru 30141/04 of the tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Schalk u Kopf vs. Awstrija), u b'mod partikulari l-obiter dicta tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Mistoqsijiet Orali mressqa fil-Parlament Ewropew dwar il-Kostituzzjoni Ungeriża l-ġdida u l-istqarrijiet tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-kostituzzjoni Ungeriża riveduta u d-dibattitu segwenti li nżamm fit-8 ta' Ġunju,

–   wara li kkunsidra Regolament 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea hija mwaqqfa fuq il-valuri tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, kif stipulat f' Artikolu 2 TUE, u r-rispett ċar għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, kif imnaqqxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u l-għarfien tal-valur legali tal-imsemmija drittijiet, libertajiet u prinċipji, li jkompli jiġi affermat aktar permezz tal-adeżjoni li se sseħħ dalwaqt tal-UE mal-KEDB, kif ukoll il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u tal-pluraliżmu,

B.  billi l-Ungerija ffirmat il-KEDB, l-ICCPR u strumenti legali internazzjonali oħra li jobbligawha tirrispetta u timplimenta l-prinċipji li jikkonċernaw is-separazzjoni tas-setgħat, l-implimentazzjoni ta’ kontrolli u bilanċi istituzzjonali u l-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem,

C. billi l-abbozzar u l-adozzjoni ta' kostituzzjoni ġdida jaqa' fl-ambitu tal-kompetenzi tal-Istati Membri, l-Istati Membri, dawk attwali u dawk applikanti, u l-UE, għandhom id-dmir li jiżguraw li l-kontenut u l-proċessi huma konformi mal-valuri tal-UE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-KEDB, u li l-forma u s-sustanza tal-kostituzzjonijiet adottati ma jikkontradixxux dawn il-valuri u strumenti; billi dan jintwera biċ-ċar mill-fatt li għadd ta’ Stati Membri attwali tal-UE rieżaminaw u emendaw il-kostituzzjoni tagħhom biex jaderixxu mal-UE jew jadattaw il-kostituzzjoni tagħhom għar-rekwiżiti tat-Trattati tal-UE sussegwenti,

D. billi, kif esprimiet il-Kummissjoni ta' Venezja b’dispjaċir, il-‘proċess tat-tiswir tal-kostituzzjoni, inklużi l-abbozzar u l-adozzjoni finali tal-Kostituzzjoni l-ġdida, kienu affettwati minn nuqqas ta' trasparenza, nuqqasijiet fid-djalogu bejn il-maġġoranza u l-oppożizzjoni, l-opportunitajiet insuffiċjenti għal dibattitu pubbliku adegwat, u kalendarju strett ħafna[1]’ u li l-kostituzzjoni hija ‘qafas ġeneralment aċċettat għall-proċessi demokratiċi komuni...(li hi) prekundizzjoni għal proċess ta' tiswir tal-kostituzzjoni li jkun totalment ta' suċċess u leġittimu’[2] li ‘għandu jkun ibbażat fuq l-akbar kunsens possibbli fi ħdan is-soċjetà Ungeriża”[3],

E.  billi l-Kostituzzjoni ġiet ikkritikata ħafna minn NGOs u organizzazzjonijiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali, inklużi minn rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, u ġiet adottata esklussivament bil-voti tad-deputati tal-partiti li jinsabu fil-gvern, u għalhekk b'nuqqas ta’ dibattitu u kunsens politiċi u tas-soċjetà msemmija hawn fuq,

F.  billi l-Parlament Ewropew għandu l-istess tħassib espress mill-Kummissjoni ta' Venezja, dwar l-indeboliment tas-sistema ta' kontrolli u bilanċi, u b’konsegwenza ta’ dan l-indeboliment tal-funzjonament tad-demokrazija nfisha, b'mod partikulari d-dispożizzjonijiet rigward is-setgħat tal-maġġoranza parlamentari u t-tidgħif tal-prerogattivi u l-kompetenzi tal-Qorti Kostituzzjonali u l-qrati u l-imħallfin bħala garanti indipendenti tal-ordni legali, li jistgħu jpoġġu l-indipendenza tal-ġudikatura Ungeriża f’riskju,

G.  billi l-Kostituzzjoni tonqos milli tiddikjara għadd ta' drittijiet u dmirijiet, li l-Ungerija, minħabba l-obbligi tagħha li huma internazzjonalment vinkolanti, hija rekwiżita li tirrispetta u tippromwovi, bħalma huma l-projbizzjoni tal-piena tal-mewt, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, l-għomor il-ħabs mingħajr libertà kondizzjonali u s-sospensjoni jew ir-restrizzjoni tad-drittijiet fundamentali f'ordni legali speċjali,

H. billi l-Kostituzzjoni, permezz tal-valuri stabbiliti fiha kif ukoll l-ifformular tal-kliem mhux ċar meta jiġu ddefiniti kunċetti bażiċi bħal 'familja’ u d-dritt għall-ħajja mill-mument tal-konċepiment, iġġorr ir-riskju ta' diskriminazzjoni kontra ċerti gruppi fis-soċjetà, jiġifieri l-minoritajiet etniċi, reliġjużi u sesswali, il-familji b'ġenitur wieħed, in-nies li jgħixi f'unjoni ċivili u n-nisa,

I.   billi l-Kostituzzjoni ma tiggarantixxix b'mod espliċitu li l-Ungerija tirrispetta l-integrità territorjali ta' pajjiżi oħra, u n-nuqqas ta' din id-dispożizzjoni flimkien mal-ifformular tal-kliem mhux ċar tal-preambolu, b'mod partikulari l-partijiet rigward l-obbligi tal-istat Ungeriż lejn l-Ungeriżi li jgħixu barra l-pajjiż jistgħu joħolqu bażi legali għal azzjonijiet li pajjiżi ġirien ikunu jqisuhom bħala ndħil mingħajr dritt fl-affarijiet interni tagħhom, sitwazzjoni li tista’ twassal għal tensjonijiet fir-reġjun,

J.   billi l-inkorporazzjoni tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali tista’ tikkawża ddupplikar tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Ungerija u dawk internazzjonali, kif hemm irrimarkat fl-opinjoni maħruġa mill-Kummissjoni ta’ Venezja,

K.  billi l-Kostituzzjoni tirrikjedi l-adozzjoni ta' aktar minn 50 mill-hekk imsejħa liġijiet kardinali, suġġetti wkoll għall-maġġoranza kostituzzjonali ta' 2/3, li se jistipulaw firxa kbira ta' kwestjonijiet rigward is-sistema istituzzjonali tal-Ungerija, l-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif ukoll il-politiki kulturali, reliġjużi, soċjo-ekonomiċi u finanzjarji, ħaġa li prattikament tagħmel l-adozzjoni tagħhom parti mill-proċess kostituzzjonali u b’hekk ikun hemm ir-riskju li tirrendi bla effett is-setgħat u l-kompetenzi tal-parlamenti u l-gvernijiet futuri f’dawn l-oqsma ta’ politika,u billi l-Kostituzzjoni tipprovdi sinifikat legali għall-Preambolu tagħha, li jista' jkollu implikazzjonijiet legali u politiċi u jista' jwassal għal inċertezza legali,

L.  billi, skont il-Kostituzzjoni għadd ta’ kwestjonijiet, bħalma huma r-regoli bażiċi tas-sistema tat-taxxa u s-sistema tal-pensjonijiet, li normalment jaqgħu fil-kompetenza tal-gvern u d-deċiżjoni regolari tal-korp leġiżlattiv, se jkollhom huma wkoll jiġu regolati minn liġijiet kardinali, u b’hekk jintrabtu l-idejn ta’ kwalunkwe gvern futur li ma jkollux maġġoranza kostituzzjonali,

M.  billi korp mhux parlamentari, il-Kunsill tal-Baġit, b'leġittimità demokratika limitata, se jkollu s-setgħa ta' veto għall-adozzjoni tal-baġit ġenerali mill-Assemblea Nazzjonali, f'liema każ il-Kap tal-Istat jista' jxoljiha, u b'hekk tiġi severament ristretta l-azzjoni tal-legislatura li tkun eletta b'mod demokratiku,

N.  billi b’mod paralell mal-adozzjoni tal-Kostituzzjoni l-ġdida l-gvern tal-Ungerija u l-partiti li jinsabu fil-gvern għamlu sostituzzjonijiet fuq skala kbira f'pożizzjonijiet ewlenin, bħalma huma l-avukat ġenerali l-ġdid, il-President tal-Uffiċju tal-Verifika tal-Istat, il-president tal-Kunsill Fiskali; billi skont il-kostituzzjoni l-ġdida, il-mandat attwali tal-President tal-Qorti Suprema se jieqaf u l-President il-ġdid tal-Kurja se jkun elett direttament mill-Parlament Ungeriż, fejn il-partiti li huma fil-gvern għandhom maġġoranza ta' żewġ terzi, u billi ħames membri tal-Qorti Kostituzzjonali għadhom kemm ġew proposti u eletti mill-partiti li huma fil-gvern,

O.  billi l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa ddeċidiet li tħejji rapport dwar il-Kostituzzjoni, ibbażat fuq ir-riżultati li għandhom joħorġu dalwaqt ta’ eżami li għaddej bħalissa mwettaq mill-Kummissjoni ta' Venezja,

P. billi l-abbozzar u l-adozzjoni ta’ kostituzzjoni ġdida ma ssemmiex fil-programm elettorali tal-partijiet li huma fil-gvern,

Q.  billi s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, is-Sur Ban-ki Moon stqarr li ‘hu japprezza kieku l-gvern Ungeriż ifittex parir u rakkomandazzjonijiet minn ġewwa l-pajjiż u mill-Kunsill tal-Ewropa jew in-Nazzjonijiet Uniti’ u jaħseb li l-Ungerija, bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, għandha tindirizza l-istituzzjonijiet Ewropej għal pariri u rieżami tal-Kostituzzjoni,

R.  filwaqt li l-Prim Ministru tal-Ungerija, Viktor Orbán iddikjara li hu lest li jressaq il-Kostituzzjoni għal tali rieżami,

1.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-Kostituzzjoni Ungeriża dwar għadd kbir ta’ kwestjonijiet, preokkupazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet li huma wkoll serji u jaqbel għalkollox mal-kritika tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar in-nuqqas ta' ċarezza tal-Kostituzzjoni f'setturi ewlenin bħalma huma l-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali individwali u dwar l-għadd għoli ta' politiki kulturali, reliġjużi, morali, soċjo-ekonomiċi u finanzjarji li se jkunu kkonsolidati permezz tal-liġijiet kardinali b’maġġoranza ta' 2/3, meta għandhom jitħallew għall-vot ta' maġġoranza tal-leġislatura eletta; jaqbel dwar ir-rimarki tal-Kummissjoni rigward il-Preambolu b'relazzjoni mal-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni;

2.  Jistqarr li jemmen li l-awtoritajiet Ungeriżi għandhom minnufih jidħlu għar-responsabilità politika tagħhom u jwieġbu għall-għadd kbir ta' preokkupazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet li ġew espressi fil-livell internazzjonali u f'dak nazzjonali u jfittxu kunsens wiesa', jiżguraw trasparenza akbar, li jseħħu tassew l-inklużjoni politika u soċjali, u dibattitu pubbliku wiesa’ fl-abbozzar li se jsir dalwaqt u l-adozzjoni tal-liġijiet kardinali stabbiliti fil-Kostituzzjoni;

3.  Jesprimi tħassib tremend dwar in-nuqqas ta’ salvagwardji espliċiti għad-drittijiet ċivili u fundamentali kollha f’konformità mal-obbligi internazzjonali li għandha l-Ungerija, dwar in-nuqqas għalkollox ta’ projbizzjoni espressa tal-piena tal-mewt, il-priġunerija għall-għomor kollu mingħajr libertà kondizzjonali, id-diskriminazzjonijiet fuq il-bażi tal-orjentament sesswali, u dwar jekk iċ-ċittadini tal-Ungerija jakkwistawx id-drittijiet fundamentali hekk kif jitwieldu, mingħajr ma jkun hemm irbit ma’ obbligi;

4.  B’dispjaċir jirrimarka li l-verżjoni attwali tal-preambolu għadha tippermetti l-ambigwità legali f’dak li jirrigwarda l-ambitu tal-ħarsien ugwali tad-drittijiet ta’ kull ċittadin, is-separazzjoni tal-knisja mill-istat, il-libertà tal-istampa bħala dritt individwali u mhux biss bħala obbligu tal-Istat; Itenni l-konvinzjoni soda tiegħu li kull ċittadin huwa intitolat għal ħarsien ugwali tad-drittijiet tiegħu jkun xi jkun il-grupp reliġjuż, sesswali, etniku jew grupp soċjali ieħor li jappartieni għalih, b'riflessjoni tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

5.  Jesprimi wkoll it-tħassib tiegħu dwar l-ifformular vag tal-kliem tal-preambolu, fejn jonqos milli jiggarantixxi b’mod espliċitu li l-Ungerija tirrispetta l-integrità territorjali ta’ pajjiżi oħra fir-rigward ta’ Ungeriżi li jgħixu barra l-pajjiż;

6.  Jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet Ungeriżi lejn il-ħtieġa li tiġi affermata mill-ġdid l-indipendenza tal-ġudikatura, billi jiżguraw b’mod espliċitu l-indipendenza tal-immaniġġjar tas-sistema ġudizzjarja, iġibu lura d-dritt tal-Qorti Kostituzzjonali li teżamina mill-ġdid il-leġiżlazzjoni relatata mal-baġit mingħajr eċċezzjonijiet kif mitlub mil-liġi tal-KEDB u l-ġurisprudenza u jirrevedu d-dispożizzjoni dwar l-età tal-irtirar mandatorja aktar baxxa għall-imħallfin;

7.  Bil-qawwa jistqarr mill-ġdid it-twemmin tiegħu li kwalunkwe liġijiet kardinali li se jsiru dalwaqt li jista' jkun li jirregolaw kwestjonijiet bħalma huma l-abort, il-politika tal-familja, it-taxxa u s-sistema tal-pensjoni u b'mod aktar ġenerali l-politiki kulturali, reliġjużi, morali, soċjoekonomiċi u finanzjarji jridu jippermettu lill-gvernijiet futuri u lil-leġiżlaturi eletti demokratikament jiddeċiedu dwar dawn il-kwestjonijiet mingħajr ma dawn il-politiki jiġu kkonsolidati fil-Kostituzzjoni jew f'liġijiet kardinali li jkunu ddettaljati wisq;

 

8.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu dwar il-ħtieġa ta’ Awtorità tal-Baġit li tkun eletta b’mod indipendenti u demokratiku;

9.  Ifakkar li l-inkorporazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma għandhiex tikkawża problemi ta’ interpretazzjoni u ta’ kompetenzi dduplikati bejn il-qrati domestiċi, il-Qorti Kostituzzjonali u l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u ma għandhiex tbiddel il-ġerarkija tal-obbligi legali li joħorġu mid-diversi strumenti legali internazzjonali;

10.  Jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar l-abolizzjoni tal-actio popularis li jirrigwarda l-Qorti Kostituzzjonali, u jenfasizza t-twemmin tiegħu li leġittimità demokratika akbar teħtieġ li jiġu kkonservati l-għodod demokratiċi bħalma huma r-rikorsi kollettivi jew il-korpi intermedjarji bħalma hu l-Ombudsman;

 

11. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tmexxi eżami u analiżi bir-reqqa u profondi fuq il-kostituzzjoni Ungeriża kif ukoll l-adozzjoni li se sseħħ dalwaqt tal-liġijiet ġeneriċi fuq il-bażi tal-KEDB, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-forma u s-sustanza tat-Trattati u l-acquis communautaire;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, lill-OSKE u lill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.