Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0390/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0390/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u fl-Afrika ta' Fuq

4.7.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Fiorello Provera, Rolandas Paksas, Lorenzo Fontana, Nikolaos Salavrakos, Mara Bizzotto, Jaroslav Paška, Bastiaan Belder, Juozas Imbrasas f'isem il-Grupp EDF

Proċedura : 2011/2756(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0390/2011
Testi mressqa :
B7-0390/2011
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0390

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u fl-Afrika ta' Fuq

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kriżijiet fil-Lvant Nofsani, is-Sirja, il-Baħrejn u l-Jemen,

–   wara li kkunsidra d-diskors tad-19 ta' Mejju 2011 tal-President tal-Istati Uniti dwar ir-rewwixti favur id-demokrazija fid-dinja Għarbija, partikolarment fis-Sirja u fil-Jemen,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni dwar is-Sirja tal-20, il-11 u s-6 ta' Ġunju 2011 u dwar il-Jemen tat-3 u t-30 ta' Ġunju 2011,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Jemen tal-20 ta' Ġunju 2011, dwar is-Sirja tal-20 ta' Ġunju u dwar il-Baħrejn tat-23 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li s-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn huma partijiet tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1975, li l-Jemen u s-Sirja huma partijiet tagħha,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja tat-22 ta' Ġunju 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti dwar il-movimenti tat-truppi Sirjani qrib il-fruntiera Torka,

–   wara li kkunsidra d-diskors tad-19 ta' Mejju 2001 tal-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, dwar il-Jemen u l-impenn għal trasferiment tal-poter,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li l-Jemen u s-Sirja huma partijiet tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-dinamika politika fid-dinja Għarbija u fl-Afrika ta' Fuq għadhom inċerti u l-proċess ta' tranżizzjoni politika huwa vulnerabbli għall-isfruttament min-naħa ta' gruppi li jsegwu l-estremiżmu reliġjuż u l-intolleranza,

B.  billi l-instabilità politika fir-reġjun hija fattur determinanti ta' flussi migratorji inkontrollati lejn l-Unjoni Ewropea; billi dawn il-flussi migratorji jqanqlu partikolarment inkwiet billi jħarrxu t-tensjonijiet, mhux biss bejn il-pajjiżi ta' oriġini u l-pajjiżi ta' destinazzjoni, imma wkoll bejn il-pajjiżi ta' oriġini u l-pajjiżi ta' tranżitu,

C. billi huwa mifhum li 'l fuq minn 1 300 Sirjan inqatlu u 10 000 oħra ntbagħtu l-ħabs minn mindu l-protesti kontra l-gvern splodew f'Marzu fil-belt tan-Nofsinhar ta' Deraa bl-iskop li jsir appell għat-tkeċċija mill-poter tal-President Bashar al-Assad,

D. billi 11 000 rifuġjat ħarbu u qasmu l-fruntiera mat-Turkija mill-bliet u l-irħula Sirjani bħal Jisr al-Shughour u Khirbet al-Jouz wara li kienu fil-mira tal-forzi tas-sigurtà leali għall-President Bashar al-Assad,

E.  billi l-forzi tas-sigurtà Sirjani kienu minn ta' quddiem nett fir-repressjoni tal-popolazzjoni ċivili tas-Sirja billi qatlu d-dimostranti, arrestaw l-attivisti antigovernattivi u ġiegħlu liċ-ċivili jħallu djarhom biex b'hekk ġiegħlu lil eluf jaħarbu n-naħa l-oħra tal-fruntiera fit-Turkija,

F.  billi l-attivisti għad-drittijiet tal-bniedem jirrapportaw li fl-24 ta' Ġunju 2011, tal-anqas 15-il persuna fil-kapitali Sirjana Damasku, Homs u Kiswah nqatlu fil-ġlied fil-pajjiż kollu bejn id-dimostranti antigovernattivi u l-forzi tas-sigurtà,

G. billi qed jiġi rrapportat b'mod estiż li r-Repubblika Iżlamika tal-Iran qiegħda tgħin lill-gvern Sirjan biex jirreprimi d-dimostranti billi tforni lir-reġim ta' al-Assad b'apparat u b'sostenn loġistiku ieħor,

H. billi fit-tentattiv li l-attenzjoni ddur minn fuq ir-repressjoni tad-dimostranti mwettqa mill-gvern Sirjan, fil-5 ta' Ġunju ntbagħtu xi ċivili fil-fruntiera Sirjana mal-Iżrael fuq l-Għoljiet ta' Golan biex jipprovokaw l-Forza tad-Difiża Iżraeljana bil-għan li tadotta miżuri punittivi biex tirreżisti għat-tentattivi min-naħa tal-attivisti ċivili li jaqsmu l-fruntiera,

I.   billi fl-20 ta' Ġunju l-President Bashar al-Asssad ħabbar pjan direzzjonali għar-riforma li jistieden għat-tfassil mill-ġdid tal-kostituzzjoni Sirjana u l-abbozzar ta' liġi elettorali ġdida,

J.   billi fis-27 ta' Ġunju, 150 intellettwali u attivisti Sirjani, fosthom uħud mill-esponenti tal-oppożizzjoni l-aktar prominenti, iltaqgħu f'Damasku biex jiddiskutu l-pjanijiet biex tinġieb tranżizzjoni paċifika għad-demokrazija,

K. billi, fit-23 ta' Ġunju 2011, l-Unjoni Ewropea estendiet miżuri restrittivi għas-Sirja fir-rigward tad-deċiżjoni 2011/273/PESK adottata fid-9 ta' Mejju li imponiet miżuri restrittivi fuq 13-il uffiċjal u kollaboratur tar-reġim Sirjan, identifikati bħala responsabbli għar-repressjoni vjolenti tal-popolazzjoni ċivili,

L.  billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Għarbija Sirjana, min-naħa l-oħra, għadu jrid jiġi ffirmat; billi l-iffirmar ta' dan il-Ftehim ġie pospost fuq talba tas-Sirja minn Ottubru 2009; billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jikkostitwixxu parti essenzjali ta' dan il-Ftehim,

M. billi l-President Jemenit Ali Abdullah Saleh bħalissa qed jingħata kuri mediċi fil-kapitali Sawdija Riyadh wara li ġarrab feriti gravi bħala riżultat ta' attakk fit-3 ta' Ġunju 2011 fuq l-moskea fil-palazz tiegħu fil-kapitali San'a u minn din id-data għadu ma deherx fil-pubbliku,

N. billi għexieren ta' eluf ta' dimostranti antigovernattivi nġabru fil-Jemen kollu biex jitolbu li l-familja tal-President Ali Abdullah Saleh u l-membri tal-qalba jħallu l-pajjiż,

O. billi ħamsin dimostrant inqatlu fil-31 ta' Mejju fil-belt tan-Nofsinhar ta' Taiz,

P.  billi fil-21 ta' Mejju, il-koalizzjoni parlamentari tal-Jemen, il-Joint Meetings Parties (JMP), iffirmat ftehim ta' tranżizzjoni bil-medjazzjoni tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) li jinvolvi t-tluq mill-kariga tal-President Saleh wara tletin ġurnata u tiġi organizzata elezzjoni presidenzjali ġdida wara sittin ġurnata,

Q. billi fit-22 ta' Mejju, il-President Saleh ma żammx kelmtu li jiffirma l-ftehim u dan imbotta lill-Unjoni Ewropea tirrevedi l-politika tagħha fil-konfront tal-Jemen u lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf jirrinunzja għall-isforzi ta' medjazzjoni tiegħu,

R.  billi s-sitwazzjoni fil-Baħrejn għadha instabbli, minħabba 'sitwazzjoni ta' kaos' ikkawżata mill-instabilità min-naħa tal-maġġoranza xiita tal-popolazzjoni tal-pajjiż u bl-indħil tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran fl-affarijiet interni tar-renju fil-Golf,

S.  billi r-Re Hamd bin Isa Al Khalifa ddikjara li biħsiebu jniedi programm ta' riformi u investigazzjonijiet indipendenti dwar il-ġimgħat ta' protesta li laqtu lill-pajjiż,

Sirja

 

1.  Jappella għall-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi Sirjani kollha miżmuma minħabba l-involviment tagħhom fid-dimostrazzjonijiet antigovernattivi, għall-waqfien mill-użu tat-tortura u tal-abbuż kommessi mill-forzi tas-sigurtà Sirjani u t-tneħħija tar-restrizzjonijiet għal-libertà tal-kelma u tal-istampa;

2.  Jistieden lill-gvern Sirjan jippermetti r-ritorn bla periklu tar-rifuġjati kollha li ħarbu mill-bliet u rħula tagħhom bħala riżultat tar-repressjoni ħarxa estiża fil-konfront tad-dimostranti antigovernattivi, u għall-waqfien tal-operazzjonijiet tal-forzi tas-sigurtà Sirjani intiżi biex jintimidaw u jkagħbru lill-popolazzjoni ċivili;

3.  Jistieden lill-pajjiżi terzi bħar-Repubblika Iżlamika tal-Iran jieqfu jfornu lir-reġim Sirjan b'sostenn militari, loġistiku u tal-persunal biex jirreprimu l-popolazzjoni ċivili tal-pajjiż;

4.  Jilqa' favorevolment l-inizjattiva tal-President Bashar al-Assad li jidħol fi "djalogu nazzjonali" li għandu jkun effikaċi, immedjat u orjentat lejn ir-riżultati; dan il-proċess għandu jinkludi l-abbozzar ta' Kostituzzjoni bbażata fuq kunsens wiesa', u t-tlestija tal-liġijiet il-ġodda dwar il-partiti politiċi, b'hekk tiġi sospiża l-garanzija li l-partit Baath u l-alleati tiegħu jingħataw żewġ terzi tas-siġġijiet parlamentari u l-implimentazzjoni ta' kalendarju konkret u tanġibbli għar-riformi;

5.  Iħeġġeġ lill-gvern Sirjan jippermetti l-aċċess immedjat għall-ġurnalisti, għall-organizzazzjonijiet umanitarji, għall-osservaturi internazzjonali u għall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem bil-għan li jivvalutaw is-sitwazzjoni umanitarja interna fis-Sirja, inkluża l-possibilità ta' investigazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, partikolarment fiż-żoni li ntlaqtu l-agħar bħal Deraa, Banias u Homs;

6.  Iħeġġeġ lill-gvern Sirjan jastjeni minn kull miżura provokatorja kontra l-Istat tal-Iżrael li taf tħarrax it-tensjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi bil-konsegwenza ta' kunflitt transfruntier;

7.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw l-aspirazzjonijiet demokratiċi paċifiċi tan-nies tas-Sirja, jirrieżaminaw il-politiki tagħhom lejn dawk il-pajjiżi, jirrispettaw il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' Armi, u jkunu lesti jgħinu, f'każ ta' impenn serju mill-awtoritajiet nazzjonali, fl-implimentazzjoni ta' aġendi ta' riforma politika, ekonomika u soċjali f'dawk il-pajjiżi;

Jemen

 

8.  Iħeġġeġ lill-President Ali Abdullah Saleh jiffirma l-pjan '30-60' elaborat taħt l-awspiċji tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf li skont dan il-pjan formalment jaqbel li jirriżenja fi żmien tletin ġurnata u jiġu organizzati elezzjonijiet wara sittin ġurnata;

9.  Jistieden lill-partiti tal-oppożizzjoni tal-Jemen jaħdmu biex isibu soluzzjonijiet biex tintemm is-sitwazzjoni attwali ta' stall billi jiġi ffurmat gvern ta' unità nazzjonali u ssir tranżizzjoni ordnata konformi mal-inizjattiva tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, fi tweġiba għall-interessi leġittimi tal-poplu kollu tal-Jemen u l-awtorizzazzjoni mill-gvern Jemenit li jagħti aċċess illimitat għall-pajjiż lill-missjoni tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem;

10. Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali, lill-Unjoni Ewropea, lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf jagħmlu sforz konġunt bil-għan li tkun promossa tranżizzjoni paċifika tal-poter u salvagwardata l-infrastruttura vitali tal-pajjiżi bħall-impjanti taż-żejt milli taqa' f'idejn l-estremisti Iżlamiċi alleati u/jew affiljati ma' al-Qaeda;

11. Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-faqar endemiku fil-Jemen, it-tnaqqis tal-provvisti tal-ilma tiegħu, l-infrastruttura skarsa, iż-żieda fil-prezz tal-ikel u disturbi soċjoekonomiċi oħrajn; jinsisti li l-UE tagħti s-sostenn tagħha biex jingħelbu dawn il-problemi bħala mezz biex tittaffa l-ġibda tal-gruppi Iżlamiċi bħal al-Qaeda;

Baħrejn

 

12. Jilqa' favorevolment l-inizjattiva tar-Re Hamad bin Isa Al Khalifa biex jidħol fi proċess ta' riforma u għal djalogu nazzjonali mal-forzi tal-oppożizzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta għall-istabbiliment ta' missjoni indipendenti għal ġbir ta' informazzjoni dwar l-inkwiet reċenti;

13. Għadu mħasseb bl-indħil ta' elementi marbuta mar-Repubblika Iżlamika tal-Iran fl-affarijiet politiċi interni tal-Baħrejn;

14. Jistieden lill-Unjoni Ewropea tagħti l-appoġġ tagħha għad-djalogu nazzjonali propost mill-awtoritajiet lokali biex dan ikollu sens, ikun orjentat lejn ir-riżultati u marbut ma' kalendarju u parametri ta' riferiment konkreti;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tar-Renju tal-Baħrejn, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana, u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Jemen.