MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-projbizzjoni tal-munizzjonijiet tat-tferrix
14.11.2011
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Michael Gahler, Arnaud Danjean, Anna Ibrisagic, Tunne Kelam, Roberta Angelilli f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0588/2011
B7‑0592/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-projbizzjoni tal-munizzjonijiet tat-tferrix
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix (Convention on Cluster Munitions, CCM) li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2010,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet ta’ Tferrix (CCM) adottata minn 107 pajjiżi fil-konferenza diplomatika li saret f'Dublin mid-19 sat-30 ta' Mejju 2008,
– wara li kkunsidra l-Abbozz ta’ Protokoll (VI) dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix tas-26 ta’ Awwissu 2011,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2008 dwar il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tad-29 ta’ April 2011 dwar l-użu rrappurtat ta’ munizzjonijiet tat-tferrix fil-Libja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix (CCM) ilha miftuħa għall-firem mit-3 ta’ Diċembru 2008 f’Oslo, u wara fin-Nazzjonijiet Uniti fi New York, u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2010;
B. billi s-CCM tirrappreżenta progress importanti billi tindirizza l-problemi umanitarji li dan it-tip ta' munizzjonijiet jikkawża għall-popolazzjoni ċivili;
C. billi s-CCM tipprojbixxi l-użu, il-produzzjoni, il-ħżin u t-trasferiment ta’ munizzjonjiet tat-tferrix bħala kategorija sħiħa ta’ armi, u billi s-CCM lill-istati partijiet tobbligahom jeqirdu ħażniet ta’ munizzjonijiet ta’ dan it-tip;
D. billi l-munizzjonijiet tat-tferrix joħolqu riski serji għall-popolazzjoni ċivili, saħansitra wara l-użu inizjali tagħhom u wara li l-kunflitt ikun spiċċa; billi, barra minn hekk, wieħed jista’ jargumenta li l-munizzjonijiet tat-tferrix huma kontroproduttivi għall-effikaċja militari;
E. billi s-CCM stabbiliet standard umanitarju ġdid għall-assistenza tal-vittmi u se tobbliga lill-Istati jnaddfu l-fdalijiet mhux sploduti ta' munizzjonijiet tat-tferrix li jkunu tħallew wara l-kunflitti;
F. billi għall-2008-2013 il-mira maġġuri tal-UE hija l-issuktar tal-assistenza għal pajjiżi terzi biex jottemperaw ruħhom mal-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ottawa tal-1998 (it-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini) rigward l-eliminazzjoni tal-mini u r-riżoluzzjoni tal-problemi ekonomiċi u soċjali kkawżati minn dawn l-armi;
G. billi l-Parlament Ewropew huwa mħasseb ħafna dwar l-użu rrappurtat ta' munizzjonijiet tat-tferrix kontra l-popolazzjoni ċivili fil-Libja;
1. Juri s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li 63 stat diġà rratifikaw il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonjiet tat-Tferrix, filwaqt li 108 stat iffirmawha;
2. Jistieden lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati tal-UE tal-UE li mhumiex Partijiet fil-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix jaderixxu mas-CCM, u lill-Istati firmatarji tas-CCM jistedinhom jirratifikawha mill-aktar fis possibbli;
3. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE li ffirmaw il-Konvenzjoni biex jgħaddu leġiżlazzjoni li timplimentaha fil-livell nazzjonali;
4. Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri tal-UE jieħdu azzjoni, rispettivament, fir-Raba’ Konferenza ta’ Rieżami tas-CCW li għandha ssir f’Ġinevra mill-14 sal-25 ta’ Novembru 2011;
5. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jieħdu passi biex jibdew jimplimentaw il-Konvenzjoni, inkluż billi jeqirdu l-ħażniet, iwettqu tindif u jipprovdu għajnuna lill-vittmi, u jikkontribwixxu għall-finanzjament jew għal forom differenti ta' assistenza lil stati oħrajn biex jimplimentaw il-Konvenzjoni; jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu rigward Stati Membri li jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom u regolarment jinfurmaw dwar il-progress li jkun sar skont l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix;
6. Jistieden lill-Istati Membri jqawwu l-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw alternattivi adegwati sabiex jipprojbixxu l-munizzjonijiet tat0tferrix kif definiti fl-Artikolu 2 II tal-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix;
7. Jappoġġja l-proċess tan-NU li għandu l-għan li jżid mas-CCW protokoll iddedikat għall-munizzjonijiet tat-tferrix, li jista’ jipprovdi strument ġuridikament vinkolanti kontra stati li huma produtturi jew possedenti maġġuri ta’ munizzjonijiet tat-tferrix u li konsistentement jirrifjutaw li jiffirmaw il-konvenzjoni ta’ Oslo;
8. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinkludu projbizzjoni tal-munizzjonijiet tat-tferrix bħala klawsola standard fi ftehimiet ma' pajjiżi terzi, minbarra l-klawsola standard dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Koalizzjoni kontra l-Munizzjonijiet tat-Tferrix.