Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0140/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0140/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Kazakistan (2012/2553(RSP))

7.3.2012

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Ioannis Kasoulides, Elisabeth Jeggle, Cristian Dan Preda, Mario Mauro, Jacek Saryusz-Wolski, Joachim Zeller, Paolo Bartolozzi, Krzysztof Lisek, Eduard Kukan, Ria Oomen-Ruijten, Paweł Zalewski, Francisco José Millán Mon, Marietta Giannakou, Jacek Protasiewicz, Andrzej Grzyb, Alf Svensson, Anna Ibrisagic, Kinga Gál, Elena Băsescu, Piotr Borys, Traian Ungureanu, Peter Šťastný, Inese Vaidere f'isem il-Grupp PPE-DE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0135/2012

Proċedura : 2012/2553(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0140/2012
Testi mressqa :
B7-0140/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0140/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Kazakistan (2012/2553(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kazakistan u l-Ażja Ċentrali, inkluża r-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali [1] u r-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-każ ta’ Yevgeni Zhotis fil-Kazakistan[2],

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) mal-Kazakistan u n-negozjati għal FSK ġdid,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għal Sħubija ġdida mal-Ażja Ċentrali, adottata mill-Kunsill Ewropew fil-21 u t-22 ta’ Ġunju 2007 u r-rapporti ta' progress tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2008 u t-28 ta' Ġunju 2010,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-VP/RGħ Ashton tas-17 ta’ Diċembru 2011 dwar l-avvenimenti fid-distrett ta' Zhanaozen tal-Kazakistan, tas-17 ta’ Jannar dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Kazakistan, ta’,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tas-17 ta' Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra r-rapport konġunt tal-ODIHR tal-OSKE, l-AP tal-OSKE u l-PACE dwar l-elezzjoni preliminari tas-16 ta’ Jannar 2012 dwar l-elezzjonijiet leġiżlattivi li saru fil-15 ta’ Jannar 2012,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kazakistan matul dawn l-aħħar snin qegħdin jikbru u billi l-Kazakistan għandu rwol kruċjali f’dak li għandu x’jaqsam mal-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Ażja Ċentrali u mal-istabilità u s-sigurtà tar-reġjun;

B.  billi fis-17 ta’ Frar 2012 il-President tal-Kazakistan iffirma bosta liġijiet bl-għan li titjieb il-bażi legali għar-relazzjonijiet tax-xogħol, id-drittijiet tal-ħaddiema u d-djalogu soċjali u sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura; billi hemm bżonn ta’ aktar sforzi kontinwi anke f’termini ta’ infurzar tal-liġijiet eżistenti sabiex tiġi żgurata demokratizzazzjoni ulterjuri, u fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt;

 

C. billi l-istrajk tal-ħaddiema taż-żejt fir-reġjun ta’ Zhanaozen u f’reġjuni oħrajn tal-Kazakistan ilu għaddej mir-Rebbiegħa tal-2011; billi fis-16 ta’ Diċembru 2011 kien hemm ġlied vjolenti f’Zhanaozen u billi l-awtoritajiet ħabbru investigazzjoni interna tal-avvenimenti; billi l-awtoritajiet reġjonali wiegħdu li jagħtu appoġġ finanzjarju lill-familji tal-vittmi li mietu f’dawn l-avvenimenti;

 

D. billi minn Diċembru 2011 jidher li l-attivitajiet tal-oppożizzjoni u l-libertà tal-midja mhux qed jiġu żgurati u billi qed jiġu rrappurtati każijiet ta’ arrest ta’ ġurnalisti u membri tal-oppożizzjoni fir-reġjun ta’ Zhanaozen;

 

E.  billi fir-rigward tal-elezzjonijiet parlamentari fil-15 ta' Jannar l-ODIHR tal-OSKE nnutaw għadd ta’ nuqqasijiet fir-rigward tat-tmexxija tal-elezzjonijiet u ddikjaraw li l-elezzjonijiet ma kienux konformi mal-istandards internazzjonali tal-elezzjonijiet;

 

F.  billi l-Kazakistan bħala membru tal-OSKE, u li kellu l-presidenza tagħha fl-2010, impenja ruħu li jirrispetta u li jimplimenta l-prinċipji fundamentali ta' din l-organizzazzjoni;

 

G) billi Evgeny Zhovtis, direttur tal-Bureau Internazzjonali tal-Kazakistan għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istat tad-Dritt, u l-ġurnalist tal-‘Vremya’ Tokhniyaz Kuchukov ingħataw amnestija b’deċiżjoni tal-qorti fit-2 ta’ Frar 2012 wara li kienu ġew ikkundannati għal erba’ snin f’kampijiet tax-xogħol f’Settembru 2009;

 

1.  Jenfasizza l-importanza tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kazakistan u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni politika u ekonomika, li tinkludi oqsma strateġiċi bħalma huma l-ambjent, il-kummerċ u t-trasport kif ukoll il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u t-traffikar tad-drogi; jenfasizza li s-sena li għaddiet kienet ikkaratterizzata b’kooperazzjoni ikbar, laqgħat ta’ livell għoli frekwenti u l-bidu tan-negozjati għal Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni ġdid;

2.  Iħeġġeġ lill-Kazakistan iżomm l-awtoimpenn tiegħu favur riformi ulterjuri sabiex tinbena soċjetà miftuħa u demokratika li tkun tinkludi oppożizzjoni u soċjetà ċivili indipendenti, fir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt; jenfasizza li l-progress tan-negozjati dwar il-ftehim il-ġdid se jiddependi wkoll fuq il-progress tar-riformi politiċi fil-Kazakistan;

3.  Jieħu nota tal-pjan direzzjonali għall-adeżjoni tal-Kazakistan fid-WTO li se jgħin sabiex jinħolqu kundizzjonijiet iktar ekwi għall-komunitajiet kummerċjali fuq iż-żewġ naħat, u li se jiffaċilita u jilliberalizza l-kummerċ u huwa sinjal favur il-kooperazzjoni u l-ftuħ; jenfasizza li bl-adeżjoni, il-Kazakistan għandu l-obbligu li jissodisfa r-regoli kollha tad-WTO, fosthom ir-rinunzja ta' miżuri protezzjonisti;

4.  Jieħu nota tar-rapport preliminari tal-osservazzjoni tal-elezzjoni tal-ODIHR tal-OSKE, l-AP tal-OSKE u l-PACE li jgħid li l-elezzjonijiet parlamentari tal-15 ta' Jannar kienu ġestiti tajjeb mil-lat tekniku, iżda ma ssodisfawx il-prinċipji demokratiċi ewlenin minħabba l-imblukkar tal-partiti milli joħorġu għall-elezzjoni u t-tneħħija ta' kandidati mir-reġistru, il-konverġenza bejn l-istat u l-partit fil-gvern, in-nuqqas ta’ trasparenza matul l-għadd tal-voti u l-każijiet ta’ frodi elettorali;

5.  Jilqa’ l-bidliet legali li saru matul dawn l-aħħar xhur bl-għan li jiġu introdotti iktar partiti fil-parlament; jilqa’ l-fatt li wara l-elezzjoni leġiżlattiva, hemm tliet partiti rappreżentati fil-Parlament il-ġdid u dan huwa pass importanti fit-triq lejn kultura politika demokratika iktar pluralistika fil-Kazakistan; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kazakistan iwettqu riformi ulterjuri meħtieġa biex jinkisbu elezzjonijiet ġenwinament pluralistiċi u sabiex jappoġġaw il-funzjonament tal-midja indipendenti u l-attivitajiet tal-NGOs;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kazakistan jindirizzaw ir-riżultati tal-ODHIR tal-OSKE bħala kwistjoni ta’ prijorità sabiex l-oppożizzjoni tal-pajjiż tkun tista’ tieħu r-rwol li jistħoqilha bi dritt f’soċjetà demokratika u sabiex jieħdu l-passi kollha neċessarji biex jikkonformaw mal-istandards internazzjonali tal-elezzjonijiet; jistieden lill-SEAE jappoġġa l-Kazakistan fl-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet;

7.  Jesprimi tħassib kbir kif ukoll il-konduljanzi tiegħu fir-rigward tal-avvenimenti li seħħew fis-16 ta’ Diċembru 2011 fid-distrett ta’ Zhanaozen tal-Kazakistan fejn mietu 16-il persuna u korrew 110 oħra; jilqa’ t-twaqqif ta’ kummissjoni tal-gvern biex tinvestiga dawn l-avvenimenti; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kazakistan iwettqu dak li ħabbru jiġifieri jagħmlu investigazzjonijiet oġġettivi u trasparenti sabiex toħroġ informazzjoni affidabbli dwar l-avvenimenti, sabiex dawk li jinsabu responsabbli ta’ abbuż mill-kariga jitressqu quddiem qorti u sabiex ikun jista’ jsir monitoraġġ internazzjonali tal-investigazzjonijiet; jitlob li jingħata aċċess bla xkiel lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili għar-reġjun;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kazakistan u lill-partijiet involuti jsibu soluzzjoni paċifika, ġusta u sostenibbli għall-problemi li qed jiffaċċaw il-ħaddiema taż-żejt li qed jistrajkjaw permezz ta’ djalogu soċjali; jinnota li f’ċerti reġjuni dawk li qed jistrajkjaw sabu soluzzjoni u temmew l-istrajk; jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet ta’ Zhanaozen li jieħdu miżuri komprensivi sabiex jiġu appoġġati r-rikostruzzjoni u l-żvilupp fit-tul tar-reġjun;

9.  Jesprimi l-għadab tiegħu fir-rigward tal-priġunerija ta’ ġurnalisti u mexxejja tal-oppożizzjoni minn Jannar 2012 fosthom Aizhangul Amirova, Igor Vinyavskiy u Vladimir Kozlov, komexxej tal-Front Nazzjonali; jitlob lill-awtoritajiet tal-Kazakistan iżommu l-impenji internazzjonali li daħlu għalihom inklużi dawk tal-OSKE li jiggarantixxu l-libertà tal-espressjoni, ta’ assemblea u ta’ assoċjazzjoni; jenfasizza l-impenn tal-UE li tappoġġa lill-Kazakistan f'din il-ħidma eż. permezz ta’ assistenza teknika mill-SEAE;

10. Jenfasizza l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti uffiċjali tal-Kazakistan f’laqgħat miftuħa u kostruttivi mal-Membri tal-Parlament Ewropew bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-NGOs minn Jannar 2012 fil-Parlament Ewropew fejn kienu miftuħa għal investigazzjonijiet internazzjonali tal-avvenimenti u wiegħdu informazzjoni rigward l-arresti tal-aħħar xhur; jistenna li d-dikjarazzjonijiet li saru jiġu segwiti b’azzjonijiet konkreti;

11. Jesprimi tħassib rigward il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar is-sigurtà nazzjonali li ġiet iffirmata mill-President tal-Kazakistan fil-bidu ta’ Jannar li tagħti lok għal riperkussjonijiet kontra persuni meqjusa ta’ dannu għall-immaġni tal-pajjiż fix-xena internazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kazakistan jieħdu l-passi neċessarji favur rispett aħjar tal-prinċipji fundamentali u sabiex jiżguraw l-eżerċizzju liberu tal-attivitajiet tal-midja, tal-movimenti tal-oppożizzjoni u tal-orgnanizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

12. Jenfasizza l-importanza tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-awtoritajiet tal-Kazakistan fejn il-kwistjonijiet kollha jistgħu jiġu indirizzati b’mod miftuħ; jitlob it-tisħiħ tad-djalogi sabiex isiru iktar effikaċi u orjentati lejn il-kisba tar-riżultati u sabiex jiġi permess l-involviment tal-atturi tas-soċjetà ċivili;

13. Jistieden lill-UE u b’mod partikolari lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà sabiex jissorveljaw mill-qrib l-iżviluppi, iqajmu l-preokkupazzjonijiet mal-awtoritajiet tal-Kazakistan, joffru assistenza u jirrapportaw regolarment lill-Parlament Ewropew;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u l-Gvern u l-Parlament tal-Kazakistan.