Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0211/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0211/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni f'Burma

17.4.2012

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
(2012/2604(RSP))

Geoffrey Van Orden, Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Adam Bielan, Paweł Robert Kowal f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0202/2012

Proċedura : 2012/2604(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0211/2012
Testi mressqa :
B7-0211/2012
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0211/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni f'Burma

(2012/2604(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Burma, l-aktar reċenti dawk tal-20 ta' Mejju 2010 u tat-22 ta' Novembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 18 sa 21 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-UE tat-23 ta’ Frar 2010 li talbet li jkun hemm djalogu komprensiv bejn l-awtoritajiet u l-forzi demokratiċi f'Burma,

–   wara li kkunsidra ż-żjara tal-Prim Ministru Brittanniku David Cameron f'Burma fit-13 ta' April 2012, l-ewwel żjara minn Prim Ministru Brittanniku f'Burma minn meta din kisbet l-indipendenza fl-1948,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 66/230 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni f'Burma tal-24 ta’ Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra ż-żjara tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Hillary Clinton f'Burma fl-1 ta' Diċembru 2011, l-ewwel żjara minn Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti f'Burma mill-1955,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Burma – it-3142 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin – Brussell, tat-23 ta' Jannar 2012,

–   wara li kkunsidra ż-żjara tal-Kummissarju għall-Iżvilupp Andris Piebalgs f'Burma bejn it-12 u l-14 ta' Frar 2012,

–   wara li kkunsidra r-riżultati tal-ewwel laqgħa Interparlamentari UE-Burma ta' bejn is-26 ta' Frar u t-2 ta' Marzu 2012,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar Burma tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, Catherine Ashton, tat-2 ta' April 2012,

–   wara li kkunsidra r-riżultati tas-Samit tal-ASEAN ta' bejn it-2 u l-5 ta' April 2012, u d-dikjarazzjoni tiegħu li jappoġġa t-talba ta' Burma sabiex l-Unjoni Ewropea tneħħi s-sanzjonijiet kontra Burma,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Istati Uniti tal-5 ta' April 2012 biex jitneħħew is-sanzjonijiet kontra Burma,

–   wara li kkunsidra l-Laqgħa imminenti tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-ASEAN u tal-UE li se ssir fi Brunei fis-27 u t-28 ta' April, fejn il-kwistjoni tas-sanzjonijiet se tiġi diskussa,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-1 ta' April 2012, Burma organizzat by-elections għal 45 siġġu fil-Kamra Inferjuri tal-Parlament (Pyithu Hluttaw), li fihom il-Partit tal-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD) ta' Aung San Suu Kyi seta' jipparteċipa bis-sħiħ mingħajr xkiel; billi dawn il-by-elections, li ġeneralment tqiesu ħielsa u ġusti mill-komunità internazzjonali, huma indikazzjoni li Burma tinsab fit-triq lejn il-bidla demokratika;

B.  billi għall-kuntrarju tal-elezzjonijiet ġenerali tal-2010, il-Gvern ta' Burma ippermetta li jkun hemm osservaturi barranin u ġurnalisti barranin josservaw il-by-elections tal-2012;

C. billi l-Partit NLD rebaħ 40 mill-45 siġġu tal-by-elections; billi l-by-elections riċenti kienu l-ewwel elezzjonijiet li l-NLD ipparteċipa fihom minn meta kienet sospiża d-demokrazija mill-ġunta fl-1990; din kienet ukoll l-ewwel darba li Aung San Suu Kyi innifisha kkontestat bħala kandidat parlamentari għall-Partit NLD;

D. billi wara l-elezzjoni ġenerali tal-2010 f'Burma, li kienet ibbojkottjata mill-Partit NLD, il-Partit USDP, li huwa appoġġat mir-reġim, għadu jiddomina l-Parlament ta' Burma, u kwart ieħor tas-siġġijiet kollha fiż-żewġ Kmamar tal-Parlament ta' Burma huma riżervati għal uffiċjali militari maħtura;

E.  billi Aung San Suu Kyi inżammet taħt arrest domiċiljari għall-parti l-kbira tal-aħħar 22 sena, kienet ipprojbita milli tagħmel kampanji jew tikkontesta l-elezzjoni ġenerali tal-2010 u nħelset biss mill-arrest domiċiljari wara l-elezzjoni ġenerali tal-2010;

F.  billi Aung San Suu Kyi kienet simbolu tal-ġlieda għal-libertà u d-demokrazija fil-konfront tat-tirannija, b’sagrifiċċju personali kbir, għall-parti l-kbira ta' ħajjitha, u dan ġie rikonoxxut bl-għoti tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew u l-Premju Nobel għall-Paċi;

G. billi f'Diċembru 2011, il-President ta' Burma, Thein Sein, ippermetta li jsiru dimostrazzjonijet paċifiċi u ppermetta wkoll lill-Partit NLD jerġa' jirreġistra bħala partit politiku, biex ikun jista' jikkontesta l-by-elections ta' April 2012;

H. billi Aung San Suu Kyi ltaqgħet mal-President Thein Sein bosta drabi minn Awwissu 2011 u tqisu bħala riformatur li ħa passi kuraġġużi fit-triq tad-demokrazija;

I.   billi f'Jannar 2012 il-Gvern ta' Burma qabel dwar waqfien mill-ġlied mar-ribelli Karen (Unjoni Nazzjonali Karen – KNU) u matul l-aħħar sena, il-Gvern kien f'taħdidiet ta' paċi ma' gruppi ribelli oħrajn;

J.   billi r-riformi riċenti f’Burma ntlaqgħu tajjeb mill-komunità internazzjonali u numru ta' personalitajiet ewlenin issa żaru Burma, inkluż l-aktar riċentament il-Prim Ministru Brittanniku David Cameron;

1.  Ifaħħar il-kuraġġ u t-tenaċità ta' Aung San Suu Kyi bħala eżempju ta' kuraġġ, b’sagrifiċċju personali kbir, u tal-ġlieda għal-libertà u d-demokrazija fil-konfront tat-tirannija;

2.  Jirrikonoxxi l-passi meħuda mill-President Thein Sein u riformaturi oħrajn fir-reġim ta' Burma biex jimplimentaw riformi demokratiċi matul l-aħħar sena u jinkoraġġihom ikomplu dan il-proċess b'urġenza, biex il-bidla ssir irriversibbli;

3.  Jilqa' l-mod kif saru l-by-elections riċenti f'Burma, li tqiesu li kienu ħielsa mir-rappreżentanti tal-ASEAN, tal-UE u tal-Istati Uniti, flimkien ma' ġurnalisti barranin, u jistieden lill-awtoritajiet ta' Burma jiżguraw li l-irregolaritajiet identifikati fil-proċess elettorali jiġu indirizzati bi tħejjija għall-elezzjonijiet tal-2015;

4.  Jinnota li l-Prim Ministru Brittanniku David Cameron kien l-ewwel Kap ta' Gvern Ewropew li żar Burma wara l-by-elections ta' April u jilqa' d-diskussjonijiet pożittivi li kellu mal-President ta' Burma, Thein Sein, u ma' Aung San Suu Kyi, il-mexxejja tal-oppożizzjoni ta' Burma;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern ta' Burma jeħles il-priġunieri politiċi li fadal u jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippromwovi r-rikonċiljazzjoni nazzjonali, inkluż billi jinvestiga l-allegazzjonijiet ta' abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem; jittama, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem stabbilita dan l-aħħar tkun tista' taġixxi bħala korp indipendenti għalkollox;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern ta' Burma jikkunsidra emendi għall-Kostituzzjoni tal-2008 li jneħħu r-rwol tal-militar fil-politika ċivili, l-iktar is-siġġijiet tiegħu fiż-żewġ Kmamar tal-Parlament;

7.  Jesprimi t-tama li l-by-elections riċenti jirrappreżentaw pass ġenwin lejn l-elezzjoni ta' parlament għalkollox demokratiku, li jirrappreżenta r-rieda tal-poplu ta' Burma; iħeġġeġ lill-Gvern ta' Burma biex ma jmurx lura fuq ir-riformi pożittivi attwali li qed isiru f'Burma;

8.  Jesprimi tħassib serju dwar l-irvell kontinwu fl-Istat Kachin; jenfasizza l-ħtieġa li l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-minoranza Rohingya, li ħafna minnhom għadhom f'kampijiet tar-refuġjati fil-pajjiż ġar tal-Bangladexx, jittejbu b'mod urġenti;

9.  Itenni li l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha, l-Istati Uniti u l-ASEAN kollha kemm huma għandhom rwoli importanti biex jgħinu sabiex ikun hemm bidla dejjiema u demokratika f'Burma u biex jiġi promoss l-iżvilupp ekonomiku; jilqa', f'dan ir-rigward, il-pakkett ta' għajnuna tal-UE ta' EUR 150 miljun li għandu jintefaq fuq is-saħħa u l-edukazzjoni f'Burma; jinnota li ħafna Stati Membri tal-UE, bħar-Renju Unit u l-Ġermanja b'mod partikolari, huma donaturi bilaterali sostanzjali ta' Burma;

10. Iħeġġeġ lill-Kunsill jikkunsidra sew il-progress li qed isir f'Burma meta jerġa' jeżamina s-sanzjonijiet fil-laqgħa tiegħu tat-23 ta' April u, bl-eċċezzjoni tal-embargo tal-armi, jissospendi dawn is-sanzjonijiet minnufih;

11. Iħeġġeġ lill-Kunsill jesprimi l-impenn tiegħu li jerġa' jimponi s-sanzjonijiet kontra Burma jekk jitreġġgħu lura l-bidliet demokratiċi attwali jew jekk ma jittieħdux passi oħra bil-ħeffa xierqa;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-mexxejja tal-Partit NLD, Aung San Suu Kyi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Mibgħut Speċjali tal-UE għal Burma, lill-Kunsill tal-Istat għall-Paċi u għall-Iżvilupp ta' Burma, lill-Kamra Inferjuri u l-Kamra Superjuri tal-Parlament ta' Burma, lill-Gvernijiet tal-istati membri tal-ASEAN u tal-ASEM, lill-Caucus Interparlamentari tal-ASEAN għal Burma, lis-Segretaru Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU għal Burma, lis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth u lis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti.